Dawra fl-akbar belt ta’ Malta; L-ILLUM dwar l-kurżitajiet, il-misteri u l-istorja tal-Addolorata (4)

F’sensiela ta’ artikli, il-gazzetta ILLUM iżżur iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u tesplora l-kurżitajiet, il-misterji u l-istorja tiegħu flimkien ma’ Eman Bonnici li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-akbar belt f’Malta

Il-gazzetta ILLUM tkompli ddur aktar monumenti, oqbra u partijiet interessanti taċ-Ċimiterju tal-Addolorata biex tapprezza mhux biss l-arti li jinkludi imma anke tesplora l-istejjer, il-kurżitajiet u xi drabi l-misteri fih.

Inkomplu nduru l-Addolorata ma’ Eman Bonnici, responsabbli mill-amministrazzjoni u awtur ta’ ktieb dwar l-Addolorata li minnu se nisiltu wkoll xi informazzjoni.

F’din l-aħħar mixja, se nduru aktar monumenti interessanti u se nitkellmu wkoll fuq l-aktar xbiehat komuni fl-Addolorata.

Se nżuru wkoll wieħed mill-aktar oqbra mfittxija fiċ-Ċimiterju. 

Liema huma x-xbiehat l-aktar komuni fiċ-Ċimiterju u għaliex?

Aħna u nduru madwar iċ-Ċimiterju stajna ninnutaw diversi xbiehat ta’ qaddisin fuq l-oqbra, xi ħaġa li forsi mhijiex daqshekk komuni barra minn Malta. Uħud mill-qaddisin tara diversi statwi tagħhom iżda tilmaħ oħrajn li mhumiex.

Eman Bonnici spjega kif l-aktar xbieha komuni, bla dubju, hija dik ta’ Marija Addolorata, jew inkella d-Duluri kif nafuha l-Maltin u li għaliha huwa ddedikat iċ-Ċimiterju. Warajha, l-aktar xbieha komuni, hija dik ta’ San Ġużepp.

Ix-xbiehat ta’ Kristu huma popolari ħafna. Tilmaħ ħafna statwi ta’ Kristu Irxoxt, għax wara kollox, in-Nisrani jemmen li l-mewt mhijiex it-tmiem iżda hemm oħrajn partikolari. Bonnici ħadna quddiem xbieha żgħira, imma unika, li turi lil Kristu mejjet, minquxa fl-irħam mill-iskultur popolari Carmelo Robinich, li tinsab fuq il-qabar ta’ niesu.

Statwa ta' San Ġwann Bosco fuq qabar privat
Statwa ta' San Ġwann Bosco fuq qabar privat

Kurċifiss sabiħ immens jinsab fuq il-qabar tal-Provinċja Duminkana, li l-ILLUM żaret ukoll. Dan huwa magħruf bħala ‘Il-Kurċifiss tal-Lum’ anke għax huwa differenti minn dawk li mdorrija naraw u huwa xogħol mill-isbaħ tal-iskultur Anton Agius.

Xbieha komuni ħafna hija dik ta’ San Pawl u warajh il-Kunċizzjoni, il-Bambina u l-Madonna tal-Karmnu. Ir-raġuni hija sempliċi ħafna. Bonnici fakkar li ċ-Ċimiterju oriġinarjment twaqqaf għan-nies tal-Belt, il-Furjana u l-Kottonera.

San Lawrenz, li huwa l-Patrun tal-Birgu, issib biss żewġ xbiehat tiegħu, li waħda minnhom kienet insterqet. Għaliex ma tantx jidher San Lawrez għall-kuntrarju tal-patruni l-oħra tal-Belt u l-Kottonera? Għax il-parroċċa ta’ San Lawrenz tal-Birgu kellha u għad għandha ċ-Ċimiterju tagħha fil-Birgu.

Apparti dawn, kompla jispjega Bonnici, element li jispikka ħafna fiċ-ċimiterju huwa s-simboliżmu Franġiskan, inkluż l-istatwi ta’ San Franġisk u Sant’Antnin, żewġ qaddisin popolari u li lejhom hawn devozzjoni kbira.

'Kristu tal-lum' fuq il-qabar tad-Dumnikani
'Kristu tal-lum' fuq il-qabar tad-Dumnikani

Iżda jekk ix-xbiehat ta’ dawn il-qaddisin huma komuni, ma jfissirx li ma hemmx oħrajn. Fiċ-Ċimiterju hemm ukoll xbihat uniċi. Fost dawn hemm, pereżempju, Santa Domitilla li kienet Martri tal-ewwel Era Kristjana. 

“Għaliex hawn statwa tagħha? Min ordnaha kien jisimha Domitilla u riedet statwa tal-qaddisa ta’ isimha fuq il-qabar tagħha,” spjega Bonnici. “Hemm oħrajn simili. Hemm Sant’Andrija fuq qabar ta’ wieħed jismu Indri, Santa Madelena Sophia Barat, Santa Tereża tal-Bambin Ġesù u anke San Ġwann Bosco, fost oħrajn. Dawn mhumiex fuq oqbra ta’ ordnijiet reliġjużi. Dawn huma statwi fuq oqbra privati. Is-Salesjani lanqas għandhom statwa ta’ San Ġwann Bosco fuq il-qabar.”

Bonnici saħaq li d-dispjaċir tiegħu huwa li llum oqbra u monumenti bħal dawn ma għadhomx isiru. Illum tmur u tordna statwa komuni li bħalha jkollu kulħadd.

L-istatwa ta’ Kristu li spiċċat f’qiegħ il-baħar 

Komplejna miexja u mill-bogħod, tolqot l-għajn, fl-għoli, ilmaħna statwa ta’ Kristu, jixbaħ il-Monument ta’ Kristu Re li wieħed isib fil-Furjana. Hija statwa prominenti, bi Kristu jidher bħal donnu qed iħares lejn il-bqija tal-oqbra. 

Din l-istatwa tinsab fuq kappella privata ta’ familja li kunjomha Bartolo. Anke din l-istatwa għandha storja interessanti warajha.

Il-familja kienet ordnat din l-istatwa mill-Italja fl-1928. Meta l-bastiment li kien fuqu wasal il-Marsa u l-istatwa riedet titniżżel l-art, xi ħaġa marret żmerċ u l-istatwa spiċċat waqgħet il-baħar.

“Ovvjament għerqet. Din statwa tal-irħam. Tista’ timmaġina x’biċċa xogħol biex dan ġie lokalizzat u reġa’ ttella. Dak iż-żmien ma kienx hawn it-teknoloġija u t-tagħmir tal-lum,” qal Bonnici.

Meta l-istatwa twasslet f’postha u l-kappella kienet lesta, is-sid kien qabbad lill-Isqof Mauro Caruana biex ibierek kemm l-istatwa u anke jikkonsagra l-artal tal-kappella. 

Bla dubju ta’ xejn, din hija waħda mill-isbaħ kappelli fl-Addolorata.

L-aktar qabar imfittex anke jekk sempliċi u mwarrab

Tul il-mixja tagħna fl-Addolorata ltqajna ma’ diversi monumenti u kappelli li trid seba’ għajnejn biex tarahom. Rajna għexieren ta’ oqbra ta’ fratellanzi, ordnijiet reliġjużi u anke monumenti nazzjonali. 

Rajna wkoll xogħlijiet tal-arti mill-ifjen, iżda wieħed mill-aktar oqbra mfittxija, jekk mhux l-aktar wieħed imfittex, huwa sempliċi u ‘l bogħod mill-għajn.

Aħna u noqorbu lejn dan il-qabar b’Bonnici jirrakkontalna kemm hu mfittex, ilmaħna xi nies jitolbu quddiemu u meta wasalna stajna ninnutaw diversi bukketti ta’ fjuri u anke xemgħat.

Imma ta’ min hu dan il-qabar? Il-qabar li qed nitkellmu dwaru huwa ta’ Dun Alfred Gatt, saċerdot b’fama qaddisa.

Dun Alfred miet fis-26 ta’ Marzu tal-1937. Huwa kien mill-Belt u anke f’ħajtu kellu fama ta’ qaddis. Kien Kappillan tas-Sodalità tal-Erwieħ fil-Knisja ta’ San Nikola ta’ Bari fi Triq Merkanti fil-Belt Valletta.

F’din il-knisja huwa kien iqatta’ sigħat twal iqarar. Fil-fatt kien meqjus bħala konfessur kbir.

Huwa kien ukoll Kappillan tal-Monasteru ta’ Sant’Ursola fl-istess Belt u xerred ħafna d-devozzjoni lejn il-Wiċċ ta’ Kristu li xbieha tiegħu hija meqjuma fl-istess knisja ta’ San Nikola, jew aħjar tal-Erwieħ kif inhi magħrufa.

Patri Alessandru Bonnici, meta kiteb il-bijografija ta’ dan is-saċerdot, kien iddeskrivih bħala: “seħer li kaxkar u entużjażma l-ġmiegħi.”

Sal-lum qabru għadu lok ta’ diversi pellegrinaġġi. Fil-fatt, fuq il-qabar tiegħu ma ssibx biss lapida tal-irħam li tfakkar lilu, kif issib fuq oqbra oħra, imma diversi lapidi oħra li poġġew diversi devoti biex jirringrazzjawh għal grazzji maqlugħa bl-interċessjoni tiegħu.

Il-Mafkar tas-Surmast taċ-Ċimiterju u l-Villa ta’ Mintoff

Aħna u neżlin it-taraġ li mill-kappella jagħti għall-grada prinċipali taċ-Ċimiterju, Bonnici waqqafna quddiem monument ieħor sabiħ. Dan huwa ta’ Mikiel Busuttil li kien magħruf bħala “Is-Surmast taċ-Ċimiterju.”

Emanuele Luigi Galizia kien il-perit li ddisinja ċ-ċimiterju. Ovvjament dan ma setax ikun waħdu. Ried lil xi ħadd li jassistih fil-kostruzzjoni, speċi ta’ supervisor.

L-għażla waqgħet fuq Mikiel Busuttil li kien Għawdxi. Dan niżel joqgħod Ħal Tarxien biex ikun viċin ix-xogħlijiet. 

“Kien ġuvni, tfal ma kellux u wara seba’ snin kien dera u baqa’ jgħix Ħal Tarxien. Bena dar fil-periferija ta’ Ħal Tarxien fuq biċċa art li kien xtara. Il-ġnien li kellu mad-dar ħawlu kollu siġar taż-żebbuġ,” irrakkontalna Bonnici.

Interessanti li meta miet, dan indifen fil-knisja ta’ Ħal Tarxien u dak li hemm fl-Addolorata huwa biss monument li jfakkru. L-oqbra viċin il-monument li sar b’tifkira tiegħu, irċevewh niesu li huma midfuna fih.

Imma għaliex semmejna d-dar u fejn jidħol Mintoff? Bonnici spjega kif id-dar ta’ Bonnici kien xtraha Duminku Mintoff. Mintoff kien waqqa’ din id-dar u bena dik li għadha teżisti sal-lum imma ħafna mis-siġar taż-żebbuġ li kien żera’ Mikiel Busuttil ħallihom hemm.

Kien propju għalhekk li Mintoff, id-dar tiegħu, semmieha “The Olives,” għas-siġar taż-żebbuġ li ta’ Busuttil.

More in Socjali