Dawra fl-akbar belt ta’ Malta; L-ILLUM dwar l-kurżitajiet, il-misteri u l-istorja tal-Addolorata (1)

F’sensiela ta’ artikli, f’dan ix-xahar li fih niftakru f’dawk li ħallewna, il-gazzetta ILLUM iżżur iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u tesplora l-kurżitajiet, il-misterji u l-istorja tiegħu flimkien ma’ Eman Bonnici li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-akbar belt f’Malta

Ritratt meħud minn James Bianchi
Ritratt meħud minn James Bianchi

Mimli arti, kwiet u serenità. Fl-istess ħin inikktek anke jekk għan-Nisrani għandu jqanqal sens ta’ tama għax jemmen li l-mewt mhijiex it-tmiem u jekk il-ġisem jintemm fil-qabar, ir-ruħ tgħix għal dejjem. 

B’aktar minn 300,000 difna, iċ-Ċimiterju tal-Addolorata huwa l-akbar belt f’Malta. L-ILLUM żaret u daret iċ-Ċimiterju ma’ Eman Bonnici, responsabbli mill-amministrazzjoni u awtur ta’ ktieb dwar l-Addolorata.

Miegħu tkellimna dwar il-karatteristi taċ-Ċimiterju u dorna oqbra partikolari li warajhom hemm storja interessanti x’wieħed jirrakkonta. Kull qabar hemm warajh persuna jew familja u anke l-isforz ta’ qrabathom biex jibqgħu ifakkruhom bl-aħjar mod possibbli.

F’din is-sensiela ta’ artikli se nitkellmu dwar dan, bl-għajnuna ta’ Bonnici u tal-ktieb tiegħu. Illum inħarsu lejn l-istorja u nżuru l-ewwel monument. Il-ġimgħa d-dieħla nitkellmu fuq aktar oqbra partikolari u kurżitajiet dwar iċ-ċimiterju, inkluż is-serq. 

Inbena ċimiterju ġdid imma ħadd ma ried jindifen fih

Jekk illum, iċ-ċimiterju tal-Addolorata huwa meqjus bħala ċ-ċimiterju nazzjonali, oriġinarjament dan infetaħ għan-nies tal-Belt, il-Furjana u tat-Tlett Ibliet. Irħula oħra kellhom u għad għandhom iċ-ċimiterji tagħhom u ta’ min ifakkar li dak iż-żmien, id-dfin fil-knejjes kien komuni jekk mhux in-norma wkoll.

L-inħawi tal-Belt u l-Kottonera kienu wkoll l-aktar bnadi popolati minħabba t-Tarzna u l-x-xogħol fil-portijiet.

Iċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata u l-forma arkitettonika tiegħu kellu jkun rivoluzzjoni hekk kif bis-saħħa tiegħu f’Malta daħal l-istil neo-Gotiku. Kien l-arkitett Belti Emmanuele Luigi Galizia li ppreżenta l-pjanta tiegħu fl-1863 u din minnufih intlaqgħet.

Jingħad li biex wasal għall-ideal tiegħu, l-arkitett Galizia żar ħdax-il ċimiterju differenti madwar l-Ewropa. 

Iċ-Ċimiterju tal-Addolorata nbena fi żmien seba’ snin u x-xogħol sar taħt is-superviżjoni ta’ Mikiel Busuttil, Perit tal-Gvern li kien Għawdxi u niżel joqgħod Ħal Tarxien biex ikun eqreb tal-post. 

Iċ-ċimiterju tbierek fit-tieni Ħadd ta’ Mejju tal-1869 u l-kappella ġiet ikkonsagrata fl-20 ta’ Mejju tal-istess sena.

Iżda ta' min isemmi li dan ma jfissirx li d-dfin beda minnufih u mexa ħarir. In-nies kienu mdorrija għal sekli sħaħ jidfnu lil nieshom fil-knejjes u ma tantx niżlithom tajjeb li jidfnu lill-qraba tagħhom f’ċimiterju ‘l bogħod minn fejn jgħixu. Kienu mdorrija jidħlu fi knisja u minnufih imorru jsellmu lil qrabathom. Ma ninsewx li dak iż-żmien, ma kienx hawn il-mezzi tal-lum biex wieħed jivjaġġa.

Kienu ddaħħlu diversi inċentivi biex in-nies jitħajru jidfnu lill-qrabathom hawn. Fost oħrajn, il-Gvernatur Grant ħareġ ordinanza biex jipprojbixxi d-dfin fil-limiti tal-Belt, il-Birgu, l-Isla, Bormla u l-Furjana. Bis-saħħa tagħha, persuni li kellhom qabar fil-knejjes, li issa d-dfin fihom kellu jieqaf, ingħataw bi bdil biċċa art fiċ-Ċimtiterju li fiha seta’ jitħaffer qabar. Dan kien jgħodd ukoll għall-fratellanzi. Kif jiġri dejjem, din id-drawwa damet ftit mhux ħażin ma tidħol fis-seħħ u d-dfin fil-knejjes baqa’ għaddej sakemm inqata’ totalment fl-1872. 

Inċentivi oħra kienu jinkudu quddiesa pro-populo ċċelebrata ta’ kuljum mill-kustodji taċ-Ċimiterju, dfin b’xejn fil-qabar tal-komun għal min ma kellux qabar tiegħu u anke daqq ta’ qniepen b’xejn għax min jagħmel użu miċ-Ċimiterju.

L-ewwel persuna li ndifnet kienet Anna Magro li mietet fl-Isptar Ċentrali tal-Furjana. Din kienet tallaba armla u l-katavru tagħha baqa’ ma ġabru ħadd. Hija kienet min-Naxxar imma għax mietet il-Furjana, inħareġ il-permess biex tindifen fl-Addolorata. Fi kliem sempliċi, sabu skuża, biex issir l-ewwel difna. 

Kienu l-Bormliżi li taw spinta lill-Addolorata għax qablu li jibdew jużaw dan iċ-ċimiterju. Dan il-ġest kien apprezzat immens tant li l-Isqof tad-Djoċesi, Monsinjur Pace Forno, ħarġilhom privileġġ biex il-mejtin Bormliżi jiddaħħlu fil-kappella tal-Addolorata għall-aħħar talb qabel id-dfin. 

Id-dfin ftit ftit qabad u matul is-snin saru diversi estensjonijiet fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata. Fl-1889 inxtrat l-ewwel art għal dan il-għan.

Dwar id-dfin fl-Addolorata, kif dan infetaħ għal kulħadd u l-famuża ‘Miżbla’ se nitkellmu aktar f’artikli oħra ta’ din is-sensiela fil-ġimgħat li ġejjin, anke għax hemm xniegħat li mhumiex minnhom.  

Mill-kanċell prinċipali sal-kappella ... mixja ta’ fidi

Meta wieħed iżur iċ-Ċimiterju, x’aktarx li jmur fuq il-qabar tal-familja jew ta’ xi ħabib u jieqaf hemm, iżda l-Addolorata jinkludi mixja ta’ fidi li tirrappreżeta t-twemmin tan-Nisrani. Dan kien fil-ħsieb tal-arkitett Galizia stess li jippreżenta mixja spirtwali.

Il-kanċell imponenti jissimbolizza l-bidu tal-mixja spiritwali tal-bniedem. Minnufih, mill-kanċell, wieħed isib bħal fetħa kbira u fiċ-ċentru tagħha, prominenti, salib kbir. Warajh, loġġa bi tlettax-il arkata. L-arkata tan-nofs tissimbolizza lil Kristu u s-sitta l-oħra fuq kull naħa jissimbolizzaw l-appostli, dawk li mxew warajh.

Wieħed bilfors irid jgħaddi mill-arkata tan-nofs biex jimxi lejn il-kappella għax Kristu biss huwa t-triq tas-salvazzjoni. Warajha wieħed isib vaska bil-ħut li tissimbolizza l-Magħmudija.

Wara l-vaska hemm żewġ toroq li donnhom huma dirgħajn miftuħa. Dawn huma d-dirgħajn tal-Knisja li tilqa’ fi ħdanha lil dan il-membru ġdid bil-għan li tgħinu jasal għall-ħajja ta’ dejjem.

It-triq għan-Nisrani mhijiex faċli u għalhekk li biex tasal sal-kappella, it-triq hija għat-telgħa u iebsa. B’kollox wieħed isib 135 tarġa u ma hemm l-ebda poġġamman biex jgħinek. Malli t-taraġ jintemm, wieħed jitla’ z-zuntier u eventwalment jidħol fil-kappella. In-Nisrani jkun laħaq il-milja tiegħu u jkun sab ruħu fid-Dar tal-Mulej.

Madwar il-kappella wieħed isib ukoll il-Via Sagra. Qabel, is-siġar kollha taċ-ċimiterju kienu taċ-ċipress iżda dawk ta’ madwar il-Via Sagra huma palm u żebbuġ, simboli tal-Passjoni ta’ Kristu.

Galizia ried ukoll li l-oqbra jkunu jħarsu kollha lejn il-kappella, bħal fi ċrieki dejjem jitwessgħu, biex dakinhar tal-Ġudizzju, ħadd ma jqum dahru lejn Alla. Maż-żmien, minħabba l-estensjonijiet, dan is-simbolu ntilef.

Il-Monument ta’ Alberici u l-misteru warajh

 L-ewwel qabar li żorna ma’ Eman Bonnici, kien dak tal-Kavallier Alberici. Jinkludi monument mhux kbir imma huwa mill-isbaħ u wieħed mill-aktar partikolari tal-Addolorata.

Bonnici spjega kif Angelo Alberici kien minn Modena u kien il-Konslu Taljan f’Malta. Miet ta’ 45 sena fil-Belt Valletta fit-30 ta’ Ġunju 1884. Il-ħsieb kien li hu jindifen f’Malta temporanjament, iżda sal-lum għadu jistrieħ fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Kienet l-armla tal-Konslu, Agnese xebba Marcofioli li xtrat żewġ oqbra fit-18 ta’ Ottubru tal-istess sena.

Fil-monument tidher mara u tifla għarkupptejhom. Il-mara qed tħares lejn xbieha ta’ Alberici rbuzzata u t-tifla, b’idha marbuta mal-mara, qed tħares lejha donnu biex issabbarha.

Minkejja li l-monument juri familja, mhuwiex ċert jekk dawn il-figuri humiex tal-armla u t-tifla ta’ Alberici. Fil-fatt ma hemm l-ebda informazzjoni dwar xi wild li dawn seta’ kellhom u lanqas ħadd ma jaf x’ġara minn martu wara.

Tant u hekk li minkejja li l-monument huwa mibni fuq żewġ oqbra, taħt dan il-monument hemm midfun biss il-Konslu u meta tpoġġa dan il-monument, l-oqbra kienu ssiġġilati darba għal dejjem.

Bonnici spjega li kienet saret riċerka kbira fuq dan ir-raġel anke bl-għajnuna tal-awtoritajiet f’Modena u l-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Taljan. Mir-riċerka ġie stabbilit li għall-Italja, dan ir-raġel ma kienx miżżewweġ. Allura dan jew iżżewweġ Malta jew inkella kien Konslu xi mkien ieħor qabel Malta u żżewweġ hemm.

“Imkien ma sibna li dan kellu tifla. Misteru ieħor. Din il-mara u t-tifla x’sar minnhom? Marru lura l-Italja. Fittixna ħafna. Sibna biss li hu kellu ħafna aħwa u ħadd minnhom ma żżewweġ.”

Il-monument, għall-kuntrarju tal-bqija tal-monumenti li huma tal-ġebel jew tal-irħam, huwa maħdum fil-fuħħar. Fil-fatt dan huwa uniku fiċ-ċimiterju kollu. Bonnici spjega kif ir-raġuni għaliex huwa tal-fuħħar x’aktarx li hi sempliċi ħafna. Qabel monument jinħadem fil-bronz, l-ewwel jinħadem fit-tafal jew il-fuħħar. Jista’ jkun, li l-armla ordnat dan il-monument iżda ndunat li l-bronz huwa għoli ħafna u minflok użat ‘l-abbozz.'

Bonnici qal li mhuwiex magħruf minn ħadem dan il-monument għalkemm huwa attribwit lil Filippo Antonio Cifariello għax l-istess artist Naplitan ħadem diversi monumenti simili. Fil-fatt, spjega Bonnici, monumenti bħal dan f’ċimiterji fl-Italja huwa komuni mmens iżda f’Malta huma ftit u partikolari.

Dawn il-monumenti għaliex mhux jiġu rrestawrati?

Dan il-monument illum ma tantx jinsab fi stat tajjeb. Partijiet minnu qed jispiċċaw anke għax it-tafal mhux b’saħħtu. Allura ma jistax jiġi rrestawrat?

Bonnici fakkar li l-qabar jibqa’ dejjem proprjetà tal-familja. Spjega kif hemm oqbra li għadhom imkaħħla bid-deffun u dan ifisser li ilhom aktar minn 70 sena ma jinfetħu. Minkejja dan, il-qabar, jibqa’ jgħajjat lil sidu u lil ħadd aktar.

Kompla jispjega kif meta Ugo Mifsud Bonnici kien għadu Ministru tal-Edukazzjoni, kien hemm sforz biex dan il-monument isir replika tiegħu biex l-oriġinal jinżamm f’mużew u jkun ippreservat.

“L-idea kienet tajba imma ħadd mill-qraba ma ħareġ dan il-permess. Dan jista’ jinqala’ xi qarib xi darba u ma jiħux gost b’xi ħaġa hekk. Sa issa qatt ma sibna li hemm dixxendent. Il-misteru huwa dan. Din it-tifla vera eżistiet jew dan huwa sempliċiment punt romantiku? Jekk eżistiet x’sar minnha?”, staqsa Bonnici.

Eman Bonnici
Eman Bonnici

Sa issa dan il-misteru għadu midfun taħt dan il-monument uniku u sadanittant iż-żmien jibqa’ jisraq mis-sbuħija tiegħu. 

Apparti minnn hekk, kompla Bonnici, hemm oqbra li fuq xewqa tas-sid stess, ġew issiġġilati jiġifieri ma jistgħux jerġgħu jinfetħu jew jindifen xi ħaddieħor fihom. Allura, għax ma jkunx hemm interess mill-qraba, aktar u aktar hemm ċans li dawn ma jiġu qatt irrestawrati. 

“Meta tixtri qabar tixtrih b’mod perpetwu. Jekk qabar inxtara mitt sena ilu, dan jibqa’ ta’ min xtrah. Min għandu dritt jindifen fih, ma jfissirx li huwa s-sid tal-qabar u jindifen biss, bis-saħħa ta’ dak li xtara l-qabar oriġinarjament, ” kompla jispjega Bonnici.

Fi kliemu tant kemm l-amministrazzjoni ma għandha l-ebda jedd fuq l-oqbra li lanqas ritratt ma jieħdu. Fi kliem Bonnici, jiġu nies jistaqsu biex jieħdu ritratt ta’ xi qabar partikolari bħal ta’ Borg Olivier jew Mintoff iżda l-permess ma jingħatax sakemm ma tkunx qablet il-familja, għax dak huwa qabar privat.

“Il-qabar mhuwiex proprjetà tiegħi,” insista Bonnici. 

More in Socjali