Għolja wisq! Il-maġġoranza qawwija tal-pazjenti ma jifilħux iħallsu għas-servizzi tas-saħħa mentali

... 46.3% jemmnu li hemm bżonn titjib fl-aċċess għas-servizzi ta' saħħa mentali u 19% jixtiequ jaraw titjib fis-servizzi marbutin ma' saħħa mentali offruti fl-Isptar Mater Dei

Nitkellmu ħafna fuq l-importanza li nieħdu ħsieb is-saħħa mentali iżda sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM juri biċ-ċar illi maġġoranza qawwija ta' dawk li kellhom bżonn servizzi relatati fil-fatt ma kinux jifilħu jħallsu għalihom, jew inkella biex ħallsu għalihom kellhom jiċċaħdu minn bżonnijiet bażiċi oħrajn f'ħajjithom. 

Sondaġġ li jitratta s-saħħa mentali b'mod estensiv, juri kif kważi 65% tan-nies li għaddew jew għaddejjin minn problemi ta' saħħa mentali, ma jifilħux iħallsu għal dawn it-tip ta' servizzi, jew inkella wieġbu "insomma". Is-servizzi jvarjaw, minn psikjatri, psikoloġisti u anke - fejn ikun meħtieġ - xi forma ta' kura mediċinali.  

Meta mistoqsijin jekk setgħux iħallsu u jlaħħqu "b'kumdità" mas-servizzi li kienu qed jirċievu, b'kollox 25.7% wieġbu fin-negattiv, filwaqt li 39.2% wieġbu "insomma." Kienu biss 35% li qalu illi jifilħu jħallsu għas-servizzi ta' saħħa mentali li kellhom bżonn.  

L-aktar li qalu illi ma jaffordjawx servizzi relatati ma' saħħa mentali huma dawk li għandhom aktar minn 51 sena b'50%, għalkemm tajjeb wieħed jirrimarka illi dawk kollha li għandhom aktar minn 65 sena, jużaw l-aktar is-servizzi li joffri l-Gvern u mhux dawk tal-privat.  

Minkejja dan, il-maġġoranza qawwija ta' dawk li huma mezza età (35 - 50) ukoll qalu illi jsibu diffikultà, jekk mhux isibuha impossibbli, biex iħallsu għal servizzi relatati ma' saħħa mentali. Huma b'kollox 35.5% tal-parteċipanti f'din l-età li qalu illi ma jifilħux iħallsu għal dawn is-servizzi, filwaqt li huma, ftit inqas biss, jew 35.1% li wieġbu "insomma." Kienu biss 29.3% li qalu illi jifilħu jħallsu.  

Tajjeb wieħed jirrimarka illi meta mistoqsijin liema servizzi marbutin ma' saħħa mentali jużaw il-maġġoranza qawwija ta' 68.8% ta' dawk bejn 35 u 50 sena, wieġbu illi jagħmlu użu mill-privat filwaqt li huma biss 31% li jużaw is-servizzi tal-Gvern. 

B'36% l-aktar illi qalu li jifilħu jħallsu għas-servizzi ta' saħħa mentali huma l-iżgħar parteċipanti jew dawk bejn is-16 u l-35 sena. Minkejja dan, kważi nofs - jew 49.7% - wieġbu "insomma" u 14% wieġbu li ma jifilħux għal dawn it-tip ta' spejjeż, li jfisser illi l-maġġoranza taż-żgħażagħ li kellhom jew għandhom bżonn ta' servizzi tas-saħħa mentali, ma jifilħux iħallsu għal dan jew jifilħu jħallsu, imma b'diffikultà. L-użu tas-servizzi mingħand il-privat jitla' għal 73.6% fost iż-żgħażagħ b'17.8% biss ikunu dawk li użaw servizzi tal-Gvern u 8.6% li rrikorrew għand għaqda mhux governattiva. 

Fil-fatt għall-mistoqsija ta' liema servizzi jużaw in-nies, globalment 64.7% wieġbu illi jirrikorru għand il-privat, 31.3% għand servizzi tal-Gvern u 3.4% jirrikorru għand Għaqda mhux Governattiva (NGO).  

Interessanti li fejn jirrigwarda l-affordabilità tas-servizzi, ma hemmx xi wisq differenzi, fil-fatt ftit iktar minn nofs, jew 50.6%, ta' dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja - u allura wieħed jassumi illi ġeneralment għandhom impjieg b'aktar dħul - xorta wieġbu illi ma jifilħux iħallsu għal tali servizzi.  

Imma hemm aċċess għas-servizzi? 

Lilhinn mill-prezz iżda, il-parteċipanti ta' dan is-sondaġġ xjentifiku kienu mistoqsijin kif jaħsbu li għandu jitjieb is-servizz offrut, speċjalment dak li jingħata mill-Gvern.  

Maġġoranza ċara tal-parteċipanti, jew 46.3% qalu li hemm bżonn jitjieb l-aċċess għas-servizzi ta' saħħa mentali, bl-aktar li jħossu li din hija priorità jkunu l-parteċipanti li jgħixu fit-Tramuntna tal-pajjiż (San Pawl il-Baħar, Mellieħa, Mosta...) fejn dawk kollha li wieġbu ħassew illi l-aċċess hemm bżonn jitjieb. Kważi 57% ta' dawk bejn is-16 u l-35 sena u 45% ta' dawk li huma mezza età (35 - 50) jemmnu li l-aċċess għal dawn is-servizzi hemm bżonn ikun aħjar.  

Minn naħa l-oħra 19% qalu illi huwa s-servizz li jingħata fl-isptar Mater Dei li jeħtieġ illi jitjieb. L-akbar persentaġġ ta' nies li jħossu li hemm bżonn dan it-titjib  - forsi riflessjoni tal-fatt li huma l-aktar li jużaw is-servizzi governattivi ta' saħħa mentali - huma l-anzjani ta' 65 sena jew aktar (54%), segwiti minn dawk il-parteċipanti li jgħixu fin-nofsinhar tal-port (43%) u dawk li għandhom livell ta' edukazzjoni li jasal sas-sekondarja (36.4%).  

Huma b'kollox 9.7% dawk li jemmnu li hemm bżonn ikun hemm aktar għażliet u servizzi marbutin mas-saħħa mentali, 7.5% iħossu li hemm bżonn ta' aktar għarfien, 6.7% jemmnu li hemm bżonn titjib fis-servizzi offruti u 6% jemmnu li hemm bżonn aktar għarfien fuq il-post tax-xogħol.  

(It-tieni parti ta' dan is-sondaġġ se jkun ippubblikat fuq il-gazzetta ILLUM, nhar il-Ħadd li ġej 9 ta' Ottubru) 

More in Socjali