Trid taqta’ l-plastik? ‘Ibda’ bi ftit... Li tibda’ diġa’ pass ‘il quddiem’ – Jean Paul Farrugia, ReRoot

Il-plastik qiegħed kullimkien madwarna, fin-nappies, fit-toothbrush, fil-kontenituri tal-ikel u x-xorb... insomma kullimkien! U dan qed joħloq problemi ambjentali kbar. Il-gazzetta ILLUM titkellem mal-intraprenditur Jean Paul Farrugia mill-kumpanija ReRoot dwar kif inti wkoll tista’ taqta’ l-plastik... 

Jean Paul Farrugia
Jean Paul Farrugia

Fl-aħħar ftit snin bdew jiddominaw is-suq lokali ħwienet sostenibbli li jgħinuk tagħmel bidla mhux biss ta’ inqas plastik f’darek imma wkoll inqas skart.  

Il-gazzetta tkellmet ma’ Jean Paul Farrugia li flimkien ma’ oħtu, huwa s-sid ta’ wieħed minn dawn in-negozji bl-isem ta’ ReRoot. Huwa rrikonoxxa li l-isfida ta’ ‘Plastic Free July’ (aqra aktar l-isfel) qed tolqot b’mod pożittiv lil bosta f’Malta. Għaldaqstant żied jgħid li huwa l-kontenut li jiġu bbumbardjati bih fuq il-midja soċjali li jinfluwenzahom jagħmlu pass għall-ħajja aktar sostenibbli u mhux neċċesarjament l-isfida nnifisha. 

Qal li fl-aħħar sitt snin, kemm ilhom miftuħin, huma nnotaw żieda f’konsumaturi li jixtiequ jagħmlu differenza ambjentali u wara li jistaqsu għall-informazzjoni, jibdew jagħmlu dawn il-bidliet. 

Żied jgħid li meta persuna tistaqsihom minn fejn se tibda’, huma jitolbuha tagħmel eżerċizzju żgħir. “Ngħidulhom biex jżommu l-boroż tar-riċiklaġġ għal tliet ġimgħat,” beda’ jispjega. Eżerċizzju bħal dan, jispjega Farrugia, mhux biss iġiebek konxju tal-iskart kollu li qed tarmi iżda jekk tanalizza dak li tarmi, tinduna minn fejn l-aħjar tibda’. Hemm tinduna’ minn fejn qed idaħħal l-aktar plastik u f’liema kamra qed tuża’ l-aktar dan il-plastik. 

“Jekk imbagħad ma jkollhomx ċans jagħmluha, ngħidilhom jibdew mill-kamra tal-banju għax l-inqas li tuża’ imma xorta tagħmel impatt,” kompla jgħid is-sid.  

F’din il-kamra tista’ tbiddel it-tootbrush, u d-darba li jmiss tixtriha tal-bamboo minflok. Tista’ tixtri xfafar li tuża iktar minn darba. L-istess imur għal xugamani tal-wiċċ, li tibqa’ tuża’ minflok tajjar għal make up u ħasil tal-wiċċ normali. 

Huwa kompla jgħid li eventwalment, ‘il quddiem tista’ wkoll tbiddel is-sapun li tuża billi tuża’ sapuna kemm għal xagħrek u għal ġismek jew inkella tagħmel użu minn flixken li terġa’ timla’ meta jispiċċaw. Dawn tista’ faċilment timlihom minn ħwienet tas-sapun, li jimlewlek il-flixken bis-sapun li tixtieq. Fil-fatt, ħwienet ta’ ditti rinomati li jbiegħu prodotti bħal spapen u kremi tal-ġisem qed jibdew joffru l-istess servizz, b’uħud minnhom joffru skont ukoll jekk tagħmel użu minn dan is-servizz. 

“Jekk taħseb ftit fuqha, qisna se nmorru lura fiż-żmien. L-għażliet tagħna kienu n-norma sekli ilu. Bid-differenza li grazzi għar-riċerka u riċetti ġodda, dak li konna nużaw sar aħjar maż-żmien,” temm jgħid dwar dan Jean Paul Farrugia. 

M’hemmx plastik f’Lulju... Int ukoll tista’ tevita’ l-plastik u tiffranka flus fl-istess ħin 

Studju li sar lura fl-2015 żvela li 8,300 miljun tunellata plastik ġie maħluq mill-mument li ġie vvintat, lura fl-1907. L-istess studju jgħid li l-maġġoranza tal-plastik kollu li ġie maħluq għadu jeżisti. Dan ifisser li b’5% biss tal-plastik fid-dinja qed jiġi riċiklat kif suppost, id-dinja literalment qed tegħreq fil-plastik. Fil-fatt hu proġettat li sal-2050 fl-ibħra madwar id-dinja se jkun hemm iktar plastik milli ħut. 

Dan kollu hu allarmanti iżda mhux għal numru ta’ ambjentalisti li għadhom jemmnu li jekk nxammru l-kmiem u nibdew naħdmu, hemm ċans li nnaqsu ftit mill-ħsara. Dan kollu jwassal għal ‘Plastic Free July.’ 

Oriġinarjament mnieda fl-2011 fl-Awstralja, din il-kampanja hija sfida li n-nies jagħmlu sabiex innaqsu l-użu tal-plastik f’darhom. L-idea hi li jekk, skont studji oħra, f’20 ġurnata persuna kapaċi tibda drawwa ġdida, mela wara xahar jaf tadotta t-tibdiliet li għamlet f’Lulju għas-sena kollha. 

Din il-kampanja spiċċat kisbet suċċess grazzi għal midja soċjali, tant li fl-aħħar 11-il sena, 86% tal-persuni li pruvaw l-isfida, biddlu ħajjithom għal waħda iktar sostenibbli. Minbarra dan, din il-kampanja rnexxhielha tnaqqas id-domanda globali tal-flixken tal-plastik b’2.3% u tal-istraws tal-plastic b’4%. 

Borża wara l-oħra... kif inti wkoll tista’ tnaqqas l-ammont ta’ plastik li jidħol f’dahrek 

Nistgħu ngħixu mingħajr plastik? Ejja nkunu onesti, hi naqra impossibli minħabba li diversi attivitajiet ta’ kuljum saru jiddependu fuq dan il-materjal. Minn x’ħin tqum filgħodu u taħsel snienek sakemm filgħaxija terġa ddaħal saqajk fil-friex, tiltaqa’ mal-plastik f’kull mument.  

Min-naħa tagħhom, l-ambjentalisti jirrikonoxxu li xi drabi sforz l-għazz jew il-kumdità li naqtgħu l-plastik għall-kollox hi impossibli. Hu għalhekk li matul iż-żmien ħarġu lista wara l-oħra ta’ affarijiet żgħar li tista’ tagħmel persuna fil-ħajja ta’ kuljum biex tnaqqas il-plastik. 

L-iktar tnejn bażiċi, u li l-ħin kollu nisimgħu bihom huma li tuża basket tad-drapp għax-xirja u li ġġorr miegħek flixkun għall-ilma biex tevità tixtri flixkun tal-plastik kull darba. Magħhom pero’ hemm iktar affarijiet li wieħed faċli jaddotta fir-rutina tiegħu u li issa qed isiru iktar aċċetabbli. 

Eżempju, jekk tmur tixtri l-ħaxix u l-frott, ixtri frisk mingħand il-bidwi jew xerrej u miegħek ħu boroż tad-drapp u l-istess għal ħobż. Jekk se tmur tixtri ċereali, fażola, ġewż jew lewż, ħu kontenitur miegħek, iżnu qabel timlieħ u ħallas normali. L-istess tista’ tagħmel għal-laħam u l-ġobon. Dan kollu qed isir iktar aċċessibbli issa, anke mis-supermarkets kbar li normalment nixtru mingħandhom. 

Jekk tħobb tieħu kafè, tè jew kwalinkwe xarba oħra, minflok tazzi li jintużaw darba, ġorr miegħek tazza. Ħwienet tal-kafè madwar Malta, qabdu drawwa li jbiegħu dawn it-tazzi u jekk tużahom minflok tazza li tarmi jtuk skont fuq ix-xarba wkoll. 

More in Socjali