Ħwejjeġ tal-ġenn bit-€2... għaliex irħas daqshekk u min vera qed iħallas il-prezz?

X’inhi fast fashion? X’inhuma ħwejjeġ sostennibli? Għaliex għandu jimpurtana minn dak li qed jiġri wara l-kwinti ġewwa fabbriki tal-ħwejjeġ? L-ILLUM titkellem mal-fundatur ta’ Cosie Studio, Tamara Fenech. 

F’dinja ideali, meta mmorru nixtru, nkunu nistgħu nagħrfu mal-ewwel kif il-prodott li se nixtru se jolqot l-ambjent inkluż l-annimali imma wkoll il-ħaddiema li ħadmu fuqu. Jekk f’setturi oħra dan hu possibbli, fl-industrija tal-ħwejjeġ mhux dejjem possibbli. Kien għalhekk li l-Kummisjoni Ewropea bdiet tippjana biex tintroduċi sistema ta’ tikketti fuq il-ħwejjeġ li jinfurmaw lill-konsumatur jekk id-drapp li magħmul minnu l-prodott hux riċerkabbli jew organiku. Minkejja dan, il-kunċett ta’ ħwejjeġ sostenibbli u etiċi ma jiqfux mal-ambjent biss.  

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-fundatur ta’ Cosie Studio Tamara Fenech, biex tifhem aħjar x’inhi d-differenza bejn it-tnejn u għaliex wasal iż-żmien li l-konsumatur ikun iktar responsabbli mix-xirjiet li jagħmel fl-industrija tal-ħwejjeġ. 

‘Fast fashion... Ħwejjeġ magħmula sabiex jerġgħu ssibu ruħhom fil-miżbla’ 

Skont Tamara Fenech sabiex wieħed jifhem faċilment x’inhuma ħwejjeġ sostennibli u etiċi jrid l-ewwel jifhem x’inhuma ħwejjeġ li m’humiex. Iktar iva milli le, dawn il-ħwejjeġ jagħmlu parti mill-mudell tal-fast fashion, li jiddomina prattikament l-industrija tal-moda. Ħwejjeġ li jimxu ma’ dan il-mudell ħafna drabi jispiċċaw minsija fil-gwardarobbi jew fil-miżbliet. 

Hija spjegat li essenzjalment kważi kull kumpanija ƒqed taħdem b’dan il-mudell tant li issa l-industrija qed tiddependi fuqu sabiex jiġu magħmula ħwejjeġ ta’ kwalità u prezzijiet baxxi. Huwa dan kollu, skont Fenech, li jinkoraġixxi lill-konsumatur jixtri ħwejjeġ għal €2 anke jekk fil-verità lanqas biss għandu bżonnhom. 

“Issa jekk irridu nkissru dan iċ-ċirku vizzjuż, irridu nkunu aħna bħala konsumaturi li nistaqsu lilna nfusna, “għandi bżonnu dan l-oġġett?” “Għandu dan l-oġġett jiswa’ daqshekk ftit u għaliex?” Fuq kollox hemm bżonn verament nifhmu il-katina tal-provvista tal-ħwejjeġ minn fejn bdiet u fejn se tispiċċa,” qalet f’aktar dettall. 

Biex tispjega aħjar l-aħħar punt, Fenech tat l-eżempju ta’ flokk sempliċi magħmul mill-qoton. Dan il-flokk jibda’ mill-bidwi li jkabbar il-qoton sakemm jikkultivah. Imbagħad imiss li l-qoton jiddawwar f'ħajt, wara ħaddiem jinseġ il-ħajt fi drapp u jmur fil-fabbrika li tagħmel il-ħwejjeġ. Il-ħwejjeġ jitqassmu fi ħwienet bit-tama li jispiċċaw fil-gwardarobbi. 

“Bi proċess daqshekk twil sakemm jispiċċa fil-gwardarobba tagħna, ma jagħmel xejn sens li dan il-flokk jista' jiswa €2. Allura x'imkien, xi ħadd qed iħallas għalih, u żgur li mhux aħna, għax aħna €2 qed inħallsu,” kompliet it-tfajla.  

Qalet ukoll li meta wieħed iqis ukoll il-materjali, dawk ukoll iħallu impatt dirett fuq l-ambjent. Nerġgħu induru fuq il-qoton, li jiddependi ħafna fuq l-ilma, biex inkunu eżatti, 2,700 litru ilma għal flokk wieħed.  

“Hemm qoton organiku li ma jużax pestiċidi u l-konsum tal-ilma huwa ħafna inqas. Ħafna drabi l-ħaddiema, f’dan il-każ, jiġu ttrattati tajjeb għax il-qoton organiku jeħtieġ li jiġi ċċertifikat.” 

Fil-każ tal-flokk tal-qoton allura hemm żewġ kwistjonijiet, skont hi. L-ewwel hemm l-impatt fuq l-ambjent u t-tieni hemm l-impatt soċjali tal-ħaddiema inkluż kif qed jiġu ttrattati u kemm qed jitħallsu. L-istess bħal ma għamilna hawn, il-konsumatur għandu jagħmel fuq prodotti oħra sabiex jifhem x’inhu l-aħjar li jixtri. 

Allura x’se jagmel il-konsumatur jekk irid jġib bidla? 

Skont Tamara Fenech hawn fejn nidħlu aħna bħala konsumaturi. Hija tispjega mal-ILLUM kif l-irwol tagħna biex nibdew innaqsu dan l-abbuż, kemm fuq aspett ambjentali u anke soċjali, hu li l-ewwel ħaġa nibdew nixtru inqas jew nixtru biss l-aħjar.  

Hija l-idea ta’ Fenech, illi sabiex nagħmlu l-industrija tal-moda aktar sostennibli, huwa l-konsumatur li jrid jiċċaqlaq għax hu li għandu l-vera poter. Kompliet tgħid li jekk nieqfu nixtru minn postijiet, li diġà hemm rapporti dwarhom fil-ġurnali u l-midja, eżempju li ma jittratawx ħaddiema b’mod tajjeb, u nagħżlu postijiet oħra, diġà qed nagħmlu differenza. 

Il-gazzetta ġibdet l-attenzjoni ta’ Fenech li hawn argumenti kontra tagħha li jgħidu li ‘fast fashion’ hija affordabbli. Ejja ngħiduha kif inhi, il-prezzijiet ta’ ħwejjeġ sostennibli mhux dejjem ikunu l-irħas fis-suq. 

“Ir-realtà hi li hawn mhux qed nitkellmu fuq persuni bi dħul baxx. Qed nitkellmu dwar in-nies li jagħżlu li jixtru affarijiet meta ma jkunux meħtieġa. Il-maġġoranza ta’ nies bi dħul baxx jixtru biss meta jkunu assolutament fil-bżonn,” wieġbet Fenech.  

Kompliet tinsisti li jekk persuna tixtri ħwejjeġ għax huma irħas, bil-ħsieb li tiffranka, ma tkun qed tagħmel investiment xejn. Dan għax tgħid li l-kwalità ta’ dawn il-ħwejjeġ ħafna drabi ma tkunx tajba u allura jkun hemm bżonn jinxtraw mill-ġdid u dan ifisser li probabbilment jonqfu aktar flus.  

“Jien dejjem ngħid lin-nies, biex jibdew jifhmu x'inhu l-aktar importanti għalihom. Huwa l-ambjent jew kwistjonijiet soċjali? Imbagħad jibnu id-definizzjoni tagħhom ta’ sostenibbli u jagħmlu kompromessi imma l-aħjar ħaġa li tista' tagħmel hu li tilbes dak li diġà għandek,” temmet dwar dan Tamara Fenech. 

Mistoqsija mill-ILLUM kif konsumatur jista’ jagħraf ditta sostenibbli, Tamara Fenech, fundatur ta’ Cosie Studio, wieġbet li l-aħjar il-konsumatur jiċċekkja kemm hi lesta taqsam dettalji miegħu il-kumpanija. Dan isir faċilment fis-siti tal-kumpaniji stess, fejn ġeneralment, jekk huma vera sostennibli, jaqsmu mal-konsumaturi tagħhom dan id-detall u f’ċirkostanzi uniċi, min fejn qed jġibu il-materjal. 

Ħwejjeġ sostennibli, imma dawn x’inhuma? 

Il-moda sostenibbli tinkludi fiha ħwejjeġ jew aċċessorji li jirrispettaw l-ambjent kemm fil-materjal u anke fil-produzzjoni. Billi l-moda hija r-raba’ l-aktar industrija li tniġġes fid-dinja, il-moda sostenibbli għandha l-għan li tnaqqas it-tniġġis u l-konsegwenzi negattivi li l-produzzjoni tal-moda għandha fuq id-dinja.

Ditti tal-moda sostenibbli ħafna drabi jipprovdu inqas għażla sabiex jiffokaw fuq il-kwalità tal-prodott iktar mill-kwantità, u dan jagħmel il-katina tal-provvista ekoloġikament possibbli. Dan il-mudell jissejjaħ bħala ‘slow fashion.’ 

Kumpaniji li jaħdmu b’moda sostenibbli ħafna drabi jużaw drappijiet organiċi, jevitaw materjali sintetiċi li ġieli jkollhom effetti sekondarji negattivi fuq l-ambjent. Minflok jagħmlu użu minn drappijiet organiċi, bħal qoton jew bambu, li huma bijodegradabbli biżżejjed li meta jitremew ma jikkawżawx ħsara kbira.  

Iżda fil-moda sostenibbli jiġu kkunsidrati wkoll ħwejjeġ użati jew antiki li jerġgħu jinbigħu u b’hekk jagħmlu parti minn xi forma ta’ riċiklaġġ. Dawn huma ħwejjeġ li ħafna drabi insibu fi ħwienet tal-karità magħrufa aħjar bħala thrift shops. 

Moda sostennibli mhux biss tirrikonixxi kwalunkwe tniġġiż imma tirrikonoxxi wkoll l-mudell tan-negozju “fast-fashion” li miegħu din il-moda ma taqbel xejn.  Dan il-mudell japplika meta kumpanija tipproduċi ħwejjeġ irħas li jiġu inspirati mid-dinja tal-catwalk jew taċ-ċelebritajiet iżda tipproduċihom b’ħeffa ta’ berqa sabiex tissodisfa d-domanda tal-konsumatur. Permezz ta’ dan il-konsumaturi ikunu jistgħu jaħtfu kemm jista’ jkun malajr il-ħwejjeġ iżda jarmuhom la darba ma jibqgħux popolari u jixtru ħwejjeġ ġodda. Dan il-mudell jifforma sistema tossika ta’ produzzjoni żejda li tikkontribwixxi għal aktar tniġġiż. 

Ħwejjeġ etiċi, imma dawn x’inhuma? 

Il-moda etika hija moda li tqis deċiżjoni morali tajbin mill-manifattura sal-bejgħ tal-ħwejjeġ jew aċċessorji. Dan jinkludi fost l-oħrajn, id-dritt tal-ħaddiem li qed jiżbor il-qoton, tal-ħajjat li qed illesti d-drapp sal-kaxxiera li qed tiġbor il-flus wara l-bank tal-ħanut. 

Bażikament moda etikament tajba temmen fid-drittijiet sħaħ tal-ħaddiema kollha u dawk affettwati mill-produzzjoni tal-ħwejjeġ inkluż ukoll l-annimali u l-ambjent ġenerali. 

Kumpaniji bi ħwejjeġ etiċi, li jemmnu wkoll fil-mudell ta’ “slow fashion,” jevitaw u jeliminaw mill-katina tal-provvista l-użu ta’ xogħol sfurzat, inkluż l-użu ta’ skjavi jew tfal matul il-proċess tal-manifattura. 

Il-ħwejjeġ etiċi jistgħu jservu bħala terminu li jelimina l-moħqrija tal-annimali fil-proċess mill-mannifattura sal-bejgħ, dak li ħafna jafuh bħala proċess “vegan.” Eżempju ta’ materjal vegan huwa il-ħarir tal-paċi (Peace Silk) li huwa drapp magħmul mill-fosqa tal-kamla wara li l-kamla tkun ħarġet minna. B’hekk il-produzzjoni ta’ dan id-drapp mhux jiddisturba jew agħar joqtol l-kamla sabiex tkun minsuġa minnha d-drapp.  

Ħafna drabi ħwejjeġ etiċi u ħwejjeġ sostennibli jimxu id f’id. Minkejja dan il-kumpaniji, iktar iva milli le, jiffukaw biss fuq waħda minnhom għax jemmnu li meta jaħdmu fuq waħda, l-oħra tiġi weħidha.  

L-aktar każ riċenti rraportat fil-midja internazzjonali ta’ ditta, li ġiet akkużata illi la hija etikament tajba u lanqas sostennibbli hija s-sit Shein. F’dan is-sit jitilgħu mas-6,000 oġġett kuljum li jiġu miżjuda mal-kollezzjoni diġà enormi li jbigħu. Kull oġġett jiġi mġedded jew mneħħi mis-sistema kull 25 ġurnata. B’250 miljun segwaċi fuq il-midja soċjali u prezz medju ta’ $7.90 kull oġġett, SHEIN fl-2021 biss għamlet madwar $15.7 biljun fi dħul. Min-naħa l-oħra iżda l-kumpanija, f’investigazzjoni li kienet saret mill-Grupp Żvizzeru ‘Public Eye,’ ġiet akkużata illi qed tħaddem il- madwar 10,000 impjegat b’kundizzjonijiet mhux adegwati. 

Ħaddiema tal-istess kumpanija tkellmu ma’ Public Eye u kixfu li dawn il-fabbriki spiss jiksru l-liġijiet tax-xogħol Ċiniżi u huma meqjusa bħala riskju għan-nar. Ħafna qalu li jaħdmu b’mod illegali u m'għandhom l-ebda kuntratt formali ma' Shein. Dan jagħmilha diffiċli biex jiġi verifikat jekk il-ħaddiema humiex ittrattati tajjeb u b’kemm jitħallsu. 

Intant, rapport riċenti ta’ The New York Times sab li l-bejjiegħ Fashion Nova—wieħed mill-kompetituri ta’ Shein—kien qed juża xogħol mhux imħallas fil-fabbriki ta’ Los Angeles sal-2019, minkejja l-liġijiet stretti dwar il-pagi fl-Istati Uniti. Ġie rraportat kif diversi ħajjata tħallsu mill-inqas $2.77 fis-siegħa, ferm inqas mill-paga minima. Sfortunatament, il-prattiki tax-xogħol ta' Shein għadhom xi ftit jew wisq ta’ misteru avolja s-sitwazzjoni ta’ Fashion Nova jagħtuna biss togħma qarsa ta’ dak li  diversi jisusspettaw li qed jiġri fil-fabbriki ta’ Shein. 

More in Socjali