Student minn kull ħamsa jeħel l-eżami tal-matematika u l-Malti fl-aħħar eżamijiet tal-MATSEC

Eluf ta’ studenti rċevew ir-riżultati tagħhom nhar il-Ġimgħa u, filwaqt li ħafna kisbu riżultati tajbin f’diversi eżamijiet, mijiet oħra weħlu mit-tliet suġġetti ewlenin

Skont il-ġurnal tat-Times of Malta, student minn kull ħamsa li poġġa għall-eżami tal-MATSEC tal-matematika f’Mejju weħel mis-suġġett, b’riżultati simili miksuba minn dawk li poġġew għall-eżami tal-Malti.

Kemm il-matematika kif ukoll il-Malti huma meqjusa bħala ‘suġġetti ewlenin’, jiġifieri huma obbligatorji matul l-iskola primarja u sekondarja u huma meħtieġa wkoll fl-edukazzjoni terzjarja. Flimkien mal-matematika u l-Malti, l-Ingliż huwa wkoll suġġett ewlieni.

Eluf ta’ studenti rċevew ir-riżultati tagħhom nhar il-Ġimgħa u, filwaqt li ħafna kisbu riżultati tajbin f’diversi eżamijiet, mijiet oħra weħlu mit-tliet suġġetti ewlenin.

Mit-tliet suġġetti, l-istudenti marru l-agħar fil-matematika, b’aktar minn 20% ta’ dawk li poġġew għall-eżami irnexxilhom iġibu grad mhux klassifikat – ‘U’.

L-istudenti li jonqsu milli jiksbu grad ta’ bejn 1 u 7 jingħataw grad U, jiġifieri ma għaddewx mill-eżami.

Mill-4,336 student li rreġistraw għall-eżami tal-matematika, 279 biss kisbu l-ogħla grad. Kien hemm ukoll 417-il student li ma ppreżentawx għall-eżamijiet u għalhekk ingħataw grad ta’ ‘Assenti’.

Fl-2021, is-sitwazzjoni naqra aħjar, bi 18% ta’ dawk li poġġew għall-eżami tal-matematika fallew.

Porzjon tajjeb ta’ studenti tal-Malti tħabtu wkoll biex jiksbu marka ta’ pass, bi 17% minnhom jiksbu grad U.

Din iċ-ċifra hija biss ftit aħjar minn dik tas-sentejn li għaddew meta 19% tal-istudenti li poġġew għall-eżami tal-Malti, weħluh.

Kienu biss 141 student mit-3,813 irreġistrati għall-eżami tal-Malti li kisbu l-ogħla grad.

Intant, 478 student mill-4,227 li poġġew għall-eżami tal-Ingliż weħlu mis-suġġett. Dan ifisser madwar 11% tal-istudenti. Dan għal darb'oħra fisser li kien hemm biss titjib żgħir fuq l-2021, meta 12% tal-istudenti kienu fallew.

184 student biss kisbu l-ogħla grad bl-Ingliż. 

L-istudenti xorta se jkunu meħtieġa jiksbu pass fis-suġġetti ewlenin li weħlu matul iż-żmien tagħhom fl-edukazzjoni post-sekondarja, peress li dawn xorta waħda għadhom meħtieġa biex jissieħbu fl-Università ta’ Malta.

 

 

More in Socjali