‘Għandna semifinali diffiċli ħafna ... imma l-vuċi ta’ Emma kapaċi tispikka u timpressjona lill-ġurija’

Illejla Emma Muscat tirrappreżenta lil Malta fit-tieni semifinali tal-Eurovision Song Contest. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ kantanti, awturi u dilettanti tal-Eurovision. Tistaqsihom x’jaħsbu fuq il-kanzunetta, x’jixtiequ jaraw fuq il-palk, x’jaħsbu li se jkun ir-riżultat u fuq kollox tagħtihom l-opportunità jgħaddu messaġġ lill-artista li nhar il-Ħamis se xxejjer il-bandiera Maltija 

Tħobbu jew le, din il-ġimgħa hija l-ġimgħa tal-Eurovision u xi ftit jew wisq kulħadd tiġih il-kurżità biex jara x’qed tagħmel Malta u jekk Emma Muscat hux se tkun qed tikkwalifika għall-finali tas-Sibt li ġej u jekk iva, x’riżultat se niksbu. 

Fil-jum tat-tieni Semifinali il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ kantanti u anke ma’ dilettanti tal-Eurovision u staqsiethom x’jaħsbu dwar il-kanzunetta ‘I Am What I am,’ x’jixtiequ jaraw fuq il-palk u x’messaġġ jixtiequ jgħaddu lil Emma Muscat. 

Ira Losco
Ira Losco

‘Emma għadha żgħira! Għaliha the only way is up’ – Ira Losco, irrappreżentat lil Malta darbtejn fil-Eurovision 

Il-kantanta ċelebri Maltija, Ira Losco, iddeskriviet il-kanzunetta ‘I Am What I Am’ bħala waħda ferriħija u li tgħaddi messaġġ mill-isbaħ. 

“Nemmen li se jkollha opportunità li jkollha staging vera interessanti. Hija tip ta’ kanzunetta li toffrilek ideat varji ta’ dak li tista’ tagħmel fuq il-palk,” saħqet Ira. 

Iddeskriviet il-festival bħala “annimal ftit stramb” għax mhux dejjem ikun ċar x’se jiġri u x’ma jiġrix. Madanakollu insistiet li Emma Muscat għandha l-professjonalità kollha biex tagħmel prestazzjoni tajba. 

Insistiet li bħala artista temmen li l-aktar ħaġa importanti hija li Emma titla’ fuq il-palk, tieħu pjaċir u tinsa l-istress u l-pressjoni kollha, li fi kliemha, xi kultant tkun ġejja minn persuni li qatt ma jkunu telgħu fuq palk. 

“Minn esperjenza hekk, Emma se tkompli ssib esperjenzi oħra fil-karriera tagħha u li minnhom tista’ titgħallem u jżewqulha l-karriera tagħha. Emma għadha żgħira u għaliha the only way is up,” temmet tgħid Losco.  

Ryan Hili
Ryan Hili

‘Emma kapaċi u se tagħmel minn kollox biex tagħti prestazzjoni mill-aqwa’ – Ryan Hili, rebbieħ ta’ Xfactor Malta 

Ir-rebbieħ ta’ Xfactor Malta, Ryan Hili, fakkar li l-istil tal-kanzunetta ‘I Am What I Am’ huwa differenti mill-kanzunetti kollha li Malta telgħet bihom fil-Eurovision.   
“Hija kanzunetta sabiħa ħafna li twassal messaġġ qawwi u pożittiv. Jien personalment, dawn it-tip ta’ kanzunetta nħobbhom ħafna,” insista.  

Hili saħaq li fuq il-palk jixtieq jara xi ħaġa differenti li tgħin biex Malta tispikka minn pajjiżi oħra. Qal ukoll li jixtieq jara lil Emma tieħu gost u tgawdi dawk it-tliet minuti. 

“Lil Emma nixtieq nawguralha! Emma kapaċi u naf li se tagħmel l-almu tagħha biex tagħti prestazzjoni mill-aqwa. Jiġri x’jiġri se tagħmilna kburin żgur u importanti li tieħu li tista’ minn din l-esperjenza,” temm Hili. 

Joseph Refalo
Joseph Refalo

‘Leħen Emma huwa eċċellenti. Ma għandi l-ebda dubju li se tifqa’ palk’ – Joseph Refalo, kantant 

Il-kantant żagħżugħ Joseph Refalo beda jisħaq li personalment kienet togħġbu ħafna l-kanzunetta ‘Out of Sight’ li Emma rebħet biha l-festival f’Malta. Refalo saħaq li l-kanzunetta kellha build-up sabiħ u kienet “a radio-hit-song.”  

Dwar ‘I Am What I Am,’ Refalo saħaq li l-istil joqgħod aħjar mat-tip ta’ kanzunetti li mdorrija nisimgħu fil-Eurovision.  

“Hemm il-vuċi ta’ Emma li hija eċċellenti. Dejjem tagħti l-aqwa kollu tagħha,” insista. “Bħala pakkett sħiħ, kanzunetta u vuċi, naħseb li Emma se tispikka ħafna bil-vuċi dinamika li għandha. Emma għandha vuċi soda u għandha texture internazzjonali. Għandha vuċi matura. Nemmen li se jkollha fejn toħloq spettaklu. Il-kanzunetta hija tal-widna. Nimmaġina li fuq il-palk se jkun hemm spettakklu sħiħ u bil-leħen ta’ Emma se tispikka aktar.” 

Irrakkonta kif ilu żmien jaf lil Emma u kien hemm drabi fejn saħansitra siefru biex jikkompetu flimkien f’festivals barra minn Malta.  

“Jiena nagħti l-appoġġ kollu tiegħi lil Emma u lid-delegazzjoni kollha Maltija. J’Alla naslu sal-finali u tintlaqa’ tajjeb kif għandha tintlaqa’,” insista. 

Appella lil Emma biex titla’ fuq il-palk u tieħu gost. Insista li l-esperjenza u l-mumenti sbieħ jibqgħu dejjem. 

“Bħala artist dejjem emmint li għandek tagħmel l-almu kollu tiegħek kif ċert li se tagħmel Emma u d-delegazzjoni Maltija. Ir-riżultat mhux fil-kontroll tagħna. Nawgura lil Emma. Ħu gost. Gawdi din l-esperjenza. Ma għandi l-ebda dubju li se tifqa’ palk. Forza Emma! Forza Malta. Nagħtu l-appoġġ tagħna lill-artista li se xxejjer il-bandiera Maltija,” temm jisħaq Refalo.  

Johann Myers
Johann Myers

‘Kuntent li għażilna lil Emma imma stennejt kanzunetta aħjar’ – Johann Myres, dilettant tal-Eurovision 

Tkellimna wkoll ma’ Johann Myres li huwa dilettant kbir tal-Eurovision li faħħar ħafna l-kapaċità u t-talent ta’ Emma Muscat. Madanakollu saħaq li kien jistenna kanzunetta aħjar jew inkella single bl-istil li Emma ġieli ħarġet. 

Insista li fuq il-palk jixtieq jara spettakklu li jmur tajjeb mal-istil tad-diska. Qal ukoll li s-semifinali li fih se tieħu sehem Malta huwa “iebes ħafna.” 

“Ninsabu hemm mal-oħrajn imma se tkun kompetizzjoni iebsa għax hemm ħafna diski b’saħħithom bħal tagħna,” insista. 

Filwaqt li kompla jfaħħar lil Emma saħaq li dan se jkun biss pass fil-karriera tagħha u jkun xi jkun ir-riżultat, jinsab ċert li se nibqgħu nisimgħu biha. 

Ettienne Micallef
Ettienne Micallef

‘Is-semifinali diffiċli imma kapaċi nimpressjonaw lill-ġurija u ngħaddu għall-finali’ – Ettienne Micallef, awtur u dilettant tal-Eurovision 

Ettienne Micallef, awtur u dilettant tal-Eurovision faħħar ukoll il-vuċi ta’ Emma u l-fatt li kull meta titla’ fuq il-palk tkun tidher li qed tieħu gost. Insista li l-avventura fil-programm Taljan Amici tagħtha formazzjoni tajba biex mhux biss tkanta imma żżomm l-udjenza magħha. 

“Il-fatt li hi mużiċista u ddoqq il-pjanu b’ħila, taf tiżfen u hija tfajla sabiħa, jagħmluha wkoll artista kompluta,” kompla jisħaq. 

Insista li l-kanzunetta I Am What I Am hija “l-aktar kanzunetta tal-Eurovision mill-40 kanzunetta li se jieħdu sehem din is-sena. Fakkar li l-messaġġ tagħha huwa sempliċi imma li jolqot ħafna nies personalment.  

“Il-kanzunetta ħarġet mill-Iskandinavja, pajjiż li l-Eurovision jeħduh bis-serjetà. Nemmen li tista’ tinżel tajjeb mal-ġurija imma kemm se jkun hemm nies li jivvotaw għaliha mid-dar hija strorja oħra,” insista. 

Saħaq li ma jixtieqx li fuq il-palk ikun hemm ħafna affarijiet għaddejjin f’salt għax saħaq li kien hemm drabi fejn Malta esaġerat fi tliet minuti. “Nittama li jkun hemm enerġija u li l-messaġġ tal-kanzunetta jasal fejn għandu jasal,” insista. 

“Fis-semi finali ta’ Malta hemm taqtigħa kbira u kważi l-kanzunetti kollha għandhom potenzjal għajr għal xi tlieta,” kompla jisħaq. “Jekk Malta jirnexxielha timpressjona lill-ġurija, nistgħu ngħaddu bi żbrixx imma għall-finali ma naħsibx li nkunu mal-ewwel ħmistax. Nittama li sejjer żbaljat,” insista. 

Temm jappella lil Emma biex tieħu gost b’din l-esperjenza u insista li jinsab ċert li se jkollha ħafna opportunitajiet oħra fil-karriera tagħha. 

Jean Pierre Cassar
Jean Pierre Cassar

‘M’hemmx xi tmaqdar fuq Emma ... Għandha tmur tajjeb speċjalment mal-ġurija’ 

Jean Pierre Cassar saħaq mal-gazzetta ILLUM li fuq Emma ftit li xejn tista’ tmaqdar. Iddeskriviha bħala kantanta bravissima u waħda mill-aqwa li għandna lokalment. 

“Meta tkanta live dejjem toħroġ stupenda. Għandha preżenza tajba fuq il-palk u taf tiċċaqlaq. Hija tfajla sabiħa. Ma hemmx x’tista’ tmaqdar fuqha. Taf tmur mal-midja u titkellem mal-midja barranija b’esperjenza u b’kunfidenza,” insista. 

Dwar il-kanzunetta, Cassar hu tal-opinjoni li ‘I Am What I Am’ hija aħjar mill-kanzunetta ‘Out of Sight’ li biha Emma rebħet il-festival f’Malta. Saħaq li bil-kanzunetta l-ġdida, Malta għandha ċans tispikka aktar milli bil-kanzunetta ‘Out of Sight.’ 

Rigward il-palk, Cassar qal li mill-provi kollox juri li d-delegazzjoni Maltija għażlet xi ħaġa totalment differenti minn dak li bosta kienu qed jistennew. Insista li hu ma kienx qed jistenna li jkun hemm żeffiena. 

“Dwar dan nafda f’dawk li qed jieħdu ħsieb u nemmen li qed jagħmlu dak li jistgħu biex joħorġu prodott tajjeb,” kompla Cassar. 

Tkellimna dwar ir-riżultat li qed jistenna u saħaq li l-Eurovision huwa logħba u diffiċli ikollok stampa ċara ta’ dak li jista’ jkun ir-riżultat. Fakkar li kien hemm snin fejn Malta ħasbet li se tmur tajjeb u ma marritx u anke snin fejn ħasbet li se tmur ħażin u ġara bil-kontra. 

“Nemmen li Emma għandha tmur tajjeb speċjalment mal-ġurija għax għandha l-kwalifiċi kollha ta’ kantanta brava u għalhekk nemmen li ma għandhiex tmur ħażin,” kompla jisħaq. 

Il-messaġġ tiegħu għal Emma huwa biex titla’ fuq il-palk u tkun dak li hi, jiġifieri kantanta ta’ stoffa. Qalilha biex jiġri x’jiġri tibqa’ b’rasha mgħollija ‘l fuq għax żgur li se tkun tat prestazzjoni tajba u ta’ livell għoli. 

“Jiġri x’jiġri ibqa’ miexja ‘l quddiem u ibqa’ ikber fil-karriera tiegħek,” temm jawguralha. 

More in Socjali