Bejn kliem u fatti hemm baħar jikkumbatti… Niċċelebraw għax nemmnu jew niċċelebraw biex nidhru?

Għanda nipprattikaw it-twemmin Nisrani għax drajna hekk jew għax tassew nemmnu fih? Il-fidi għandna nsostnuha fil-Milied u l-Għid biss? L-ILLUM tistaqsi lil Dun Joe Borg u Dun Marc Andre Camilleri…  

Fl-aħħar, wara sentejn neqsin, erġajna assistejna għall-Għid il-Kbir, biċ-ċelebrazzjonijiet kollha marbutin ma’ din il-festa. Fil-verità għalkemm xi wieħed jew waħda minna kien f’xi kwarantina, r-randan hemm baqa’ u Ġesù xorta rxoxta, bid-differenza li ma kellniex it-tradizzjonijiet tas-soltu. Ma nistgħux ma nsemmux s-seba’ visti, il-purċissjoni tal-Ġimgħa Kbira, il-ħruġ tal-Irxoxt, xi ikla kbira mal-familja u ngħalqu kollox b’xi figolla jew bajda tal-Għid.  

Ta’ bilħaqq, mingħajr ma wieħed jiġġeneralizza, meta naraw dak kollu li ħassejna n-nuqqas tiegħu, aktarx kienu affarjiet materjalistiċi jew forsi tradizzjoni li għalkemm jimxu id f’id ma’ prattiċi reliġjużi jista’ jkun li jmorru lil hinn mill-fidi.  

Ħafna jirrimarkaw li pajjiżna għandu dak l-element żbilanċajt ta’ reliġjożità iżda biss meta jaqblilna. Bħal ngħidu aħna nibagħtu t-tfal l-iskola tal-knisja, iżda qatt ma nisimgħu quddiesa. Nitkażaw b’min ikun ateu għax m’għandux valuri iżda nkunu tal-ewwel li ngħajjru lil xi immigrant li hu kriminal jew agħar minn hekk ngħidulu, “go back to your country”.  

Għalhekk din il-gazzetta tisaqsi: X’qed iwassal għal din l-attitudni? Illum il-ġurnata prattiċi reliġjużi bħalma huma l-magħmudija, il-preċett u l-ġriżma, qed nagħmluhom sempliċiment biex inkunu għamilnihom jew għax vera nemmnu fihom?  

L-ILLUM tirrimarka, li ma nistgħux noqgħodu biss fuq l-osservazzjonijiet li naraw mas-snin u kien għalhekk li dawn l-istess mistoqsijiet saru lill-Kappillan ta’ Raħal Ġdid Dun Marc Andre Camilleri u l-ġurnalist veteran Dun. Joe Borg li jiltaqgħu ma’ uħud minn dawn l-isfidi ta’ kuljum.  

Il-Papa Franġisku
Il-Papa Franġisku

‘Iż-żjara tal-Papa kienet falliment kbir!’ 

Dun Camilleri stqarr mal-ILLUM li minkejja li xi kultant naraw li xi tradizzjonijiet jista’ jkun issaħħu, fosthom il-festi tar-raħal, mhux dejjem ikun hemm parteċipazzjoni.  

“Diġà rajt tliet avvizi ta’ parroċċi li ma sabux reffiegħa biex jagħmlu l-purċissjoni. Jiena naħseb li l-interess naqas. Fil-parroċċa tiegħi naqsu ħafna dawk li kienu jilbsu tal-personaġġi,” spjega Dun Camilleri.  

Huwa qal li ż-żjara tal-Papa Dunanġisku,  kienet “falliment kbir” minħabba n-nuqqas ta’ attendenza. “Aħna  nippruvaw inpinġuha li kienet xi żjara ta’ suċċess imma fil-fatt il-parteċipazzjoni tan-nies kienet ħafna inqas minn ta’ drabi oħra,” kompla jgħid Dun Camilleri. 

Huwa jgħid li sentejn mingħajr il-ġimgħa mqaddsa taffettwa wkoll fil-parteċipazzjoni ta’ dan kollu iżda fuq kollox jemmen li, “il-knisja għandha tort kbir.”  

Huwa rrimarka li ntużat ħafna enerġija għaż-żjara tal-Papa iżda mbagħad fejn tidħol enfasi u kampanja pro-attiva u organizzata biex ikun hemm aktar parteċipazzjoni tas-sagramenti, fosthom il-quddiesa tal-Ħadd “sa issa l-Knisja għadha m’għamlet xejn, sentejn wara li bdiet il-Covid-19. Għad għandna sospensjoni tal-obbligu tal-quddies tal-Ħadd imma xi ħaġa biex tħeġġeġ lin-nies imorru lura, xejn.”  

Ritratt mill-arkivji
Ritratt mill-arkivji

‘X’qed jagħmlu fil-prattika biex ikunu ta’ għajnuna għall-immigranti?’ 

Waqt id-diskursata ma’ Dun Camilleri, l-ILLUM tfakkru li diversi nies taw ħasla papali lill-Papa tad-diskors li kien għamel, b’mod partikolari fejn jidħlu l-korruzzjoni u l-immigrazzjoni, żewġ kwistjonijiet li ddominaw in-narrattiva politika f’pajjiżna fl-aħħar snin.  

Hawn huwa rrimarka li wieħed għandu jkun konsistenti f’dak li jipriedka u l-azzjonijiet tiegħu.  

“Meta aħna nitkellmu fuq għajnuna lill-immigranti, jien għalija kienet partikolari ħafna li waqt li l-Papa kien qiegħed hawn kien hemm dgħajsa b’90 ruħ li ma tħallietx tidħol Malta,” saħaq il-Kappillan.  

Huwa qal li hemm bżonn li l-Papa nnifsu u l-aktar nies qrib tiegħu, lil hinn mid-diskorsi, jistaqsu x’qed jagħmlu fil-prattika biex ikunu  ta’ għajnuna għall-immigranti.  

Ipokrezija kbira li waqt li l-President ta’ Malta kien qiegħed jgħid lill-Papa kemm nilqgħu lill-immigranti, dawn qed jintbagħtu l-Libja Dun Joe Borg

Miegħu qabel Dun Joe Borg li jemmen bi sħiħ li mhux id-diskorsi biss li jgħoddu iżda li jsiru proposti konkreti ta’ dak li qal il-Papa, kemm fuq livell politiku kif ukoll fil-prattika.  

Dun Marc Camilleri rrefera wkoll għall-Papa Piju XII li fit-Tieni Gwerra Dinjija kien jgħin ħafna lil-Lhud billi jagħtihom refuġu fil-palazzi u l-kunventi kollha ta’ Ruma. Jgħid li huwa ma kienx qed jitkellem ħafna iżda kien qiegħed jgħin b’mod ieħor.  

Minn naħa l-oħra jgħid li l-kwistjoni tal-immigranti, il-Maltin tweġġahom ħafna għax pajjiżna huwa wieħed żgħir u għandu l-limitazzjonijiet tiegħu. “Ma nistgħux niftħu l-bibien u jidħol kulħadd, impossibli. Allura meta jkun hawn dan il-ħafna diskors tibda’ tistaqsi imma min tant qed jitkellem, x’qed jagħmel?”  

Mistoqsi proprju dwar hekk, Dun. Borg qal huwa wkoll li, “kienet ipokrezija kbira li waqt li l-President ta’ Malta kien qiegħed jgħid lill-Papa kemm nilqgħu lill-immigranti, dawn qed jintbagħtu lura l-Libja.”  

Il-Kappillan ta’ Raħal Ġdid spjega li lil hinn milli nkunu ta’ spalla għal dawk l-imigranti li jaħarbu minn pajjiżhom irridu naraw ukoll għaliex qed jaħarbu u jingħataw l-għajnuna biex jibqgħu jgħixu f’art twelidhom.   

Jien il-biża' tiegħi hi li qed ngħidu ħafna u nagħmlu inqas Dun Marc Andre Camilleri

‘Għandna dnubiet u diffikultajiet iżda hemm min qed jagħmel sforz’  

Mistoqsi fuq il-kritika li jirċievu xi membri tal-kleru mill-pubbliku Camilleri jgħid li l-Knisja hija magħmula u mmexxija mill-bnedmin u li dawk li qed imexxuha għandhom difetti daqs dawk li huma parti minnha.   

Kompla jgħid li, “dan ifisser li iva għandna x’nikkritikaw iżda fl-istess ħin irridu napprezzaw, li minkejja d-diffikultajiet u d-dnubiet kbar li għandna, hemm min qed jagħmel sforz u bl-awtorità u bil-ministeru li għandu f’idejh qed jagħmel dak li jista’”.  

Il-kolleġġjata ta' San Pawl tar-Rabat
Il-kolleġġjata ta' San Pawl tar-Rabat

‘Mhu qed isir xejn!’ 

Din il-gazzetta tistaqsi wkoll dwar il-problema ta’ nuqqas ta’ qassisin. Għal dan huwa wieġeb li l-problema hija waħda enormi. Huwa rrakkonta li 11-il sena ilu meta ġie ordnat is-seminarju kienu 36 b’kollox. B’dispjaċir jinnota li llum-il ġurnata lanqas ikun hemm tużżana seminaristi.  

Qal li din il-kwistjoni hija sikkina taqta’ minn żewġ naħat. Minn naħa hemm saċerdoti li jippruvaw ilaħħqu mas-servizz li kienu jagħtu numru ikbar ta’ qassisin fil-passat. Minn naħa l-oħra dan in-nuqqas jinħass fil-parroċċa “għax in-nies jistennew ħafna mill-qassisin. Iżda ma tistax tippretendi l-istess affarjiet b’inqas saċerdoti”.  

Kompla jgħid li din hija kriżi kbira li sfortunatament “l-istess donnu mhu qed isir xejn dwarha, biex nippruvaw naraw minn fejn hi ġejja u kif nistgħu naħdmu biex intaffuha.”  

Min-naħa tiegħu Dun Borg, jisħaq li huwa minnu li hemm nuqqas kbir ta’ qassisin ġodda. Minkejja dan jemmen li pajjiżna għandu jbiddel din il-problema f’opportunità.  

Borg poġġa fuq il-mejda perspettiva ġdida li mhux ta’ spiss nisimgħu dwarha. Jgħid li hemm bżonn li, “nagħmlu Knisja miftuħa għal kulħadd u jidħlu kemm nisa u rġiel u b’hekk jiżdiedu aktar l-irwoli.”  

It-tberik. Għadu jsir jew le? Iriduh in-nies?  

F’dawn iż-żminijiet dlonk naraw il-Kappillan idur fil-kommunità, ibierek id-djar u jgħid xi kelma jew oħra mal-paroċċani. F’postijiet fejn għad fadal, dan ikun akkumpanjat b’abbati li f’idu jkollu s-sasla mimlija ilma mbierek. Nistgħu ngħidu li din kienet xi ħaġa oħra li tlifna kawża tal-pandemija, iżda minkejja dan, Camilleri jgħid li sa’ issa kellu reazzjoni pożittiva.  

“Jiena fil-parroċċa tiegħi ddeċidejt li f’Jannar nerġgħu nibdew. Il-maġġoranza tan-nies għadhom japrezzaw il-preżenza ta’ saċerdot fid-dar tagħhom,” qal Camilleri.  

Jisħaq li permezz tat-tberik, din isservi ta’ opportunità biex jinbnew il-pontijiet bejn il-Knisja u l-kommunità. Jgħid li n-nies xi kultant jikkritikaw lill-qassis għax jarawh biss mill-bogħod u jaraw biss id-difetti tiegħu u għalhekk jisħaq fuq l-importanza li tibni relazzjoni tajba man-nies, “minkejja li ma tkunx perfett.”  

Fl-esperjenza tiegħu Dun. Borg jgħid li kellu rispons tajjeb ħafna huwa wkoll. Ikompli jispjega kif minkejja li hemm persuni li ma xtaqux li jbierku d-dar għax ma kellhomx interess, kien hemm oħrajn li għadhom jaraw valur kbir fih.  

Huwa jgħid ukoll li apparti minn hekk hemm ir-realtà ta’ persuni li minkejja li ma joġġezzjonawx għat-tberik ta’ darhom, din ma tantx tkun possibli kawża ta’ impenji tagħhom, fosthom li jaħdmu ħinijiet twal.  

‘Minkejja li mhux kulħadd se jieħu gost, xorta huwa ta’ bżonn’  

Il-Kostituzzjoni ta’ Malta tisħaq li pajjiżna huwa wieħed Kattoliku u dan jitlob li t-tagħlim Kattoliku jkun obbligatorju fl-iskejjel ta’ madwar Malta.  

“Jiena nifhem li għall-ġid tal-istudenti għad hemm l-obbligu li jitgħalmu l-Malti, il-Matematika u l-Ingliż. Minkejja li mhux kulħadd jieħu gost xorta waħda huwa ta’ bżonn għall-formazzjoni umana tal-istudenti. It-tagħlim reliġjuż huwa importanti wkoll biex jitnisslu fihom ċertu valuri li aħna nemmnu li jkunu ta’ ġid għalihom u għas-soċjetà.”  

Għal dan Dun Borg qabel u rrimarka li jekk s-suġġett tgħallmu b’mod kreattiv u interessanti jkompli jattira aktar studenti.  

“It-tagħlim tal-Ingliż hu obbligatorju. Jekk ikun mgħallem b’mod li jdejjaq lin-nies se jimbuttahom. Iżda jekk ikun mħallem b’mod pożittiv joħloq il-ġid u l-istess it-tagħlim tar-reliġjon,” kompla jgħid Borg. 

‘Hemm dawk li jagħmlu l-magħmudija għax jemmnu. Oħrajn opportunità biex jieħdu r-ritratti’ 

Rigward it-tradizzjonijiet reliġjużi, bħal magħmudija, Dun Camilleri jgħid li fis-soċjetà hawn naqra minn kollox. Hemm dawk li jagħmlu ċertu tradizzjonijiet għax verament jemmnu fihom, hemm dawk ukoll li jagħmluha għax hi drawwa u oħrajn li għalihom din hi opportunità għar-ritratti “u kultant skuża biex nagħmlu xi festin”.  

Minkejja dan, jgħid li bħala Knisja iridu jgħinu lil persuni kollha jersqu lejn il-fidi u li jagħrfu l-importanza ta’ dak li qed jagħmlu.  

Intant Dun. Borg spjega li għall-ħafna snin f’pajjiżna, li tkun Malti tfisser li tkun kattoliku u minn hemm li l-fidi Nisranija ħadet dimensjoni kulturali kbira. 

“Dawk il-prattiċi kulturali bħal-festi baqgħu jeżistu u jikbru sa’ llum. Dan mhux minħabba l-element reliġjuż iżda dak kulturali,” temm jgħid Dun Joe Borg.  

More in Socjali