‘Kulħadd irid jgħix ħajtu imma ta’ dan se jħallsu prezz l-Isptar u l-infermiera’

Il-każijiet tal-Covid-19 splodew… Allura kif se nneħħu l-miżuri issa? Għandna nimxu wara l-passi ta’ pajjiżi oħra li filfatt qed ineħħu ħafna mill-miżuri? L-ILLUM titkellem mal-MUMN, l-MUT u l-MHRA  

Andrew Agius Mamo | Marco Bonnici | Paul Pace
Andrew Agius Mamo | Marco Bonnici | Paul Pace

Bħal dan iż-żmien sentejn il-ħajja tista’ tgħid li kienet kompletament differenti. Kulħadd kien beżgħan li se jieħu l-Covid-19 u b’riżultat ta’ dan rajna ħafna li xtraw toilet paper, li jaf għadhom jużawhom sal-lum, oħrajn li ġarrew l-uffiċċju ġewwa darhom u wħud li tiflu xogħolhom.  

Tliet tilqimiet wara… fl-aħħar id-dinja qed terġa’ tara sens ta’ normalità, sa’ din il-ġimgħa stess l-Awtoritajiet tas-Saħħa ħabbru li mhux se nibqgħu naraw l-aħħar aġġornamenti tal-Covid-19 u fuq kollox bdew jitnaqqsu l-aħħar miżuri li għad fadal.  

Pajjiżna ma kienx l-uniku wieħed li beda’ l-proċess lejn in-normalità. Iżda din il-gazzetta tistaqsi; jekk issa se nnaqsu l-miżuri, se jerġgħu isiru l-festi u l-marċi u l-każi splodew wara kampanja elettorali, verament se nimxu lejn in-normalità jew se nispiċċaw immorru lura għal sentejn ilu, b’xi lockdown parzjali? 

Kien għalhekk li din il-gazzetta tkellmet ma’ tliet rappreżentanti tas-settur edukattiv, dak turistiku u dak tas-saħħa dwar x’inhi l-fehma tagħhom dwar dan kollu.  

‘Illum fis-swali għandek ħallata ballata, fejn isibu sodod vojta jitfawhom fihom’  

Il-President tal-Unjin tal-Qbiela u l-Infermiera (MUMN) Paul Pace saħaq li apparti sptarijiet oħra madwar Malta, l-Isptar Mater Dei għandu pressjoni kbira bin-numru ta’ każi li qed jilqa’ fih bħalissa.  

“Peress li issa neħħejna l-miżuri kollha u qed ngħixu biha, meta jidħlu l-isptar qed insibu mijiet ta’ pazjenti pożittivi. Dawn iħallu implikazzjonijiet kbar għall-Isptar; għax ma tistax tagħmilhom ma’ pazjenti oħra, aħna bħala infermiera rridu nilbsu ilbies protettiv u nsibu kmamar għalihom” qal Pace. 

Huwa kompla jgħid li minkejja li qabel fl-isptar diġà kien hemm problema ta’ sodod issa fis-swali hemm, “ħallata ballata, għax fejn isibu s-sodod jitfgħu.  Allura teżisti pressjoni kbira fuq l-infermiera.”  

Pace stqarr li din il-pressjoni qed toħloq inkonvenjent fuq l-infermiera li fejn qabel kienu jlaħqu ma ċertu ammont ta’ pazjenti, issa jridu jlaħqu mad-doppju.  

Xi ħaġa oħra li qed tinkwetah fuq din is-sitwazzjoni hija li qed ikun hemm ir-riskju li l-Covid-19 jinfirex bejn pazjenti li ma daħlux fl-isptar pożittivi, “u hekk qed jiġri.”  

“Meta tagħmel xi ħaġa taħt pressjoni trid tgħaġġel u tlaħħaq ma’ kulħadd, iżda żbalji jsiru. Kulħadd uman. Minn issa ‘l quddiem, kollox se jinfetaħ u n-nies se jinġabru. Issa żgur mhux se mmorru lura għal xi lockdown. Iżda l-impatt ta’ dan kollu se jinħass fl-isptar,” kompla jgħid il-President tal-MUMN.  

Stqarr li huwa minnu li dak li jkun irid ikompli jgħix ħajtu iżda jemmen li se jkun hemm impatt qawwi fuq l-isptarijiet  u fuq ir-riżorsi umani.  

“Ta’ dan se jkollna nħallsu prezz u dan se jħallsu l-isptar u n-nies tiegħu.”  

Apparti n-nuqqas ta’ infermiera huwa jgħid li hemm oħrajn li huma pożittivi huma stess u għandhom bżonn li jagħmlu kwarantina u għaldaqstant ma jmorrux għax-xogħol.  

“Ħabbar ukoll it-tneħħija tal-maskri fl-iskejjel, jekk joħroġ tifel ta’ xi infermiera pożittiv min se jieħu ħsiebu? Mhux il-ġenituri? Taf kemm nitilfu infermiera hekk aħna?” temm jgħid Pace. 

‘Kull darba li ddaħlet miżura, dejjem ħalliet riżultati pożittivi’  

Minn naħa l-oħra l-ILLUM tkellmet mal-President tal-Unjin tal-Għalliema (MUT) Marco Bonnici li stqarr mal-gazzetta illi bħala unjin għamlu talba mal-Ministeru biex issir laqgħa biex jiġi ddeterminat l-impatt tar-rilaxx tal-miżuri fuq l-iskejjel u l-istudenti.  

Dan wara li kmieni din il-ġimgħa l-Ministru tas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li propju wara l-vaganzi tal-Għid, tfal fl-iskejjel mhux se jibqgħu obbligati jilbsu l-maskri iżda huma mħeġġa jagħmlu dan xorta waħda biex jipproteġu lilhom infushom. Dan apparti numru ta’ miżuri oħra li se jiġu rilaxxati fil ġimgħat li ġejjin.  

Għal dan huwa saħaq li, “kull darba li ddaħlet miżura, dejjem  ħalliet riżultati pożittivi u rnexxielna nikkontrollaw il-pandemija.”  

Jgħid iżda li x’se jiġri bir-rilaxx tal-miżuri fl-iskejjel,  kif ukoll fil-kommunità, hija xi ħaġa li ħadd ma għandu indikazzjoni tagħha.  

Madankollu jgħid li x-xewqa tagħhom hija li l-Awtoritajiet tas-Saħħa, “jgħidulna eżatt x’qed jistennew kif jitneħħew dawn ir-restrizzjonijiet. Dan għaliex aħna nemmnu li jekk ir-restrizzjonijiet se jitneħħew kullimkien, mela l-effetti li se jkun hemm fl-iskejjel huma l-istess effetti li se jkun hemm fil-kommunità.”  

‘Is-sitwazzjoni hija taħt kontroll’ 

“Aħna nemmnu li issa wasal iż-żmien li jitneħħew  ir-restrizzjonijiet għax nemmnu li s-sitwazzjoni, anke kif qal il-Ministru Chris Fearne, hija taħt kontroll.” Hekk qal Andrew Agius Muscat Kap Eżekuttiv tal-Assoċċjazzjoni Maltija għal-Lukandi u Ristoranti (MHRA) mal-ILLUM. 

Għal darb’oħra huwa kkwota lill-Ministru Fearne li mhemmx pressjoni żejda fl-Isptar Mater Dei u li nies ma jifilħux minn dejjem kien hemm u fil-futur se jibqa’ jkun hemm.  

“L-importanti hu li ma jkunx hemm piżijiet bħal ma kien hemm fl-eqqel tal-pandemija,” kompla jgħid Agius Muscat.  

Huwa fakkar li l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO), tindika li l-Covid-19 m’għadhiex qed taffetwa bl-istess mod bħal qabel. “Illum kważi qed jitqies bħala virus endemiku u wieħed irid jaġġorna skont kif tkun is-sitwazzjoni. Issa l-Gvern beda l-proċess biex ineħħi l-miżuri u aħna qed ngħidulu tajjeb, imma x’se tagħmel aktar?” qal Agius Muscat. Huwa wieġeb il-mistoqsija tiegħu stess billi sostna li l-Gvern għandu jneħħi l-miżuri kollha f’daqqa u fiż-żmien li ġej.  

“Għax fl-aħħar minn l-aħħar jekk se ssiefer u hemm pajjiż li għandu inqas kumplikazzjonijiet minn ieħor biex tidħol, l-inqas ikkumplikat se jagħżlu t-turisti,” temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-MHRA. 

L-Italja  

L-istat tal-Covid-19 fil-pajjiż: kompletament aħmar skur. 

Bħalissa, biex wieħed ikollu aċċess għall-ispazji pubbliċi u għal attivitajiet kulturali u rikreattivi għad hemm bżonn l-ilbies tal-maskri tat-tip FFP2. Dawn it-tip ta’ maskri huma maskri mediċi u għaldaqstant aktar protettivi minn tipi ta’ maskri oħra.  

Madankollu, il-maskra mandatorja mhux se tibqa’ tintuża mit-30 t’April għall-ispazji pubbliċi fosthom; iċ-ċinema, ċentri tal-isport, ristoranti, mużewijiet u bajjiet fost oħrajn.  

Intant, apparti l-maskra, bħalissa fl-Italja biex ikollhom aċċess għal dawn il-postijiet wieħed irid ikollu ċ-ċertifikat tat-tilqima. Minkejja dan, din il-miżura se tintemm fl-1 ta’ Mejju. 

Franza 

L-istat tal-Covid-19 fil-pajjiż: kompletament aħmar skur  

L-Awtoritajiet Franċiżi eliminaw il-bżonn taċ-ċertifikat tat-tilqima biex wieħed iżur postijiet pubbliċi.  

Minkejja dan l-użu tal-maskri għadu madatorju f’ċertu każijiet fosthom fit-trasport pubbliku, inkluż ukoll fit-taxis kif ukoll ċentri tas-saħħa.  

Eżenti minn din il-miżura huma tfal taħt is-sitt snin, preżentaturi ta’ programmi televiżivi u mistednin tagħhom kif ukoll rappreżentanti ta’ kulti reliġjużi waqt l-attivitajiet tar-reliġjon rispettiv. 

Id-distanza soċjali tibqa’ miżura stretta fi Franza b’mod partikolari fl-iskejjel u ċ-childcare centres. Fejn jidħlu ħwienet kummerċjali numru limitat ta’ persuni biss huma permessi fil-ħanut fl-istess ħin.  

Ristoranti, kafetteriji u bars iridu josservaw massimu ta’ għaxar persuni fuq kull mejda b’distanza ta’ żewġ metri bejn kull waħda.  

Il-Ġermanja  

L-istat tal-Covid-19 fil-pajjiż: kompletament aħmar skur  

B’differenza minn pajjiżi oħra fl-Ewropa, ir-restrizzjonijiet fil-Ġermanja mhumiex ibbażati fuq deċiżjonijiet tal-Gvern ċentrali imma mill-Gvern federali, jiġifieri skont l-istat. Fil-Ġermanja hemm total ta’ 16-il stat federali.  

Minkejja dan, ilkoll qablu li l-maskri, tat-tip FFP2 jew KN95, għandhom jintlibsu f’faċilitajiet ta’ kura, fl-isptarijiet, fiċ-ċentri tas-saħħa, fit-trasport pubbliku u f’komunitajiet ta’ akkomodazzjoni. 

Apparti minn hekk f’ċertu stati għad hemm restrizzjonijiet fuq il-kuntatti bejn persuni li ma jgħixux fl-istess dar. Kull stat federali għandu l-massimu stabbilit ta’ persuni li jistgħu jiltaqgħu fi gruppi. 

Min-naħa l-oħra, f’Berlin (wieħed mill-istati), ir-regoli huma fost l-aktar stretti hekk kif qiegħed isir ittestjar mandatorju fl-isptarijiet għall-viżitaturi, għall-pażjenti u dawk il-persuni li jaħdmu fil-post.  

Qiegħed isir ukoll ittestjar mandatorju fl-iskejjel, minn tal-inqas tliet darbiet fil-ġimgħa, kemm għat-tfal kif ukoll għall-impjegati.  

Spanja 

L-istat tal-Covid-19 fil-pajjiż: maqsuma bejn aħmar skur u oranġjo.  

Simili tal-Ġermanja, Spanja għandha miżuri differenti fir-reġjuni tagħha. Madankollu, fuq livell nazzjonali huwa mitlub li l-maskra tibqa’ tintlibes għal kull avveniment li huwa fuq barra, kemm-il darba il-persuni ma jkunux bilqiegħda, b’1.5 metri distanza.  

Bħal maġġoranza tal-pajjiżi ewropej, il-maskri huma mandatorji fuq trasport pubbliku. Eżenti għal dawn huma tfal ta’ inqas minn sitt snin, persuni b’diżabilità jew dawk b’kundizzjonijiet respiratorji.  

L-Ispanjoli jistgħu ma jilbsux il-maskra waqt attivitajiet sportivi jew waqt li jkunu fi spazji naturali (xi bajjiet jew fil- kampanja) jekk id-distanza soċjali tinżamm.  

Ir-Renju Unit 

Filwaqt li l-maġġoranza tar-restrizzjonijiet fl-Ingilterra ġew rilaxxati, fl-1 ta’ Mejju, l-Ingliżi li għandhom xi sintomi mhux se jiġu mitluba li jagħmlu swab test u minflok se jintalbu jibqgħu d-dar sakemm iħossuhom aħjar. Dan filwaqt li ċentri ta’ ttestjar u contact tracing se jieqfu mill-1 ta’ Mejju wkoll.  

Minn naħa l-oħra fl-Iskozja, il-maġġoranza tar-restrizzjonijiet ġew rilaxxati, jidher li r-regoli ta’ min għandu jagħmel swab-tests u meta se jinbidlu fil-ġimgħat li ġejjin. 

Minkejja dan, maskri se jibqgħu mandatorji fit-trasport pubbliku u f’postijiet magħluqa, inkluż ħwienet, sat-18 ta’ April.  

Il-Polonja 

L-istat tal-Covid-19 fil-pajjiż: Filwaqt li l-maġġoranza tiegħu huwa orangjo, il-Polonja għandha wkoll żewġ żoni ħomor u waħda safra. Fil-Polonja, kemm il-maskri, il-kwarantina u anke l-iżolament m’għadhomx mandatorji.  

L-iżvizzera 

L-istat tal-Covid-19 fil-pajjiż: Mhemmx daqstant informazzjoni dwar il-każi ta’ Covid-19 fil-pajjiż, allura l-UE tikkategorizza dan il-pajjiż bħala griż skur.  

Dawn ilhom mingħajr l-użu taċ-ċertifikat tat-tilqima biex jidħlu f’faċilitajiet u postijiet pubbliċi bħalma huma ċ-ċinema, teatri u ristoranti, mis-17 ta’ Frar.  Tneħħiet ukoll ir-rakomandazzjoni biex in-nies jaħdmu mid-dar u l-maskri ftit li xejn jintlibsu barra.   

Il-Ġreċja 

L-istat tal-Covid-19 fil-pajjiż u l-gżejjer Griegi: aħmar skur. 

Bħalissa fil-Ġreċja biex tidħol fil-pajjiż jew inkella tattendi attivitajiet jew tmur fi stabbilimenti qed jaċċettaw tliet affarjiet: Iċ-ċertifikat tal-vaċċin, il-prova ta’ fejqan mill-Covid-19 u f’ċertu każi qed jaċċettaw ukoll test negattiv.  

Dan filwaqt li tfal tal-etajiet bejn erba’ snin u 17-il sena iridu jipprovdu test negattiv (self-testing) li jkun validu għal 24 siegħa.  

Il-maskra għadha mandatorja fi spazji fuq ġewwa kif ukoll fit-trasport pubbliku. Minn naħa l-oħra fil-ħwienet tal-merċa u sptarijiet (kemm dawk li jżuru kif ukoll impjegati) huwa mitub li jintlibsu l-maskri KN95 jew FFP2 jew inkella żewġ maskri fuq xulxin. 

L-Awtoritajiet Griegi jisħqu li l-maskra għandha tibqa’ tintlibes fuq it-trasport pubbliku, taxis, dgħajjes, laneċ u sea taxis, b’limitu ta’ tliet passiġġiera f’vettura waħda flimkien mas-sewwieq. 

Minn naħa l-oħra stadiums nazzjonali joperaw sa’ 50% tal-kapaċità tagħhom. Fuq il-bajjiet umbrella għandha tinqasam biss bejn żewġ minn nies.   

More in Socjali