Fuq xhiex inkwetati l-Maltin bħalissa? 54% isemmu l-għoli tal-ħajja u 30% l-ambjent

Il-prezzijiet telgħin - hekk kif il-morsa tal-gwerra u prezzijiet ta' trasportazzjoni qed tagħfas - huma l-akbar inkwiet tal-Maltin skont sondaġġ tal-Ewrobarometru

L-għoli tal-ħajja sparat 'il fuq bħala l-aktar kwistjoni li qed tinkwieta lill-Maltin bħalissa, fil-fatt skont sondaġġ tal-Ewrobarometru għax-Xitwa 2021/2022 - 54% tal-Maltin huma inkwetati bl-għoli tal-ħajja li qed jiffaċċjaw, li timmrka żieda qawwija ta' 31% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra. 

L-għoli tal-ħajja ġej minn diversi fatturi, mhux l-inqas il-gwerra u l-effetti li din qed ikollha fuq il-forniment tal-ikel, il-prezzijiet tal-qamħ kif ukoll il-prezzijiet tal-ġwież u ċereali. Dan ifisser li mhux biss qed jiżdiedu l-prezzijiet tal-materja prima, imma wkoll ta' prodotti li nużaw biex jiġu mitmugħa l-annimali. Dan qed iwassal biex proditti bħall-laħam, ġobnijiet, ħobż, ħalib, ċereali, tiġieġ u dak kollu li huwa derivat mill-annimali jiżdied fil-prezz. Dan apparti illi sforz il-pandemija żdiedu sew il-prezzijiet tal-enerġija u għalkemm il-Gvern Malti qed iżomm il-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll tal-fjuwil stabbli, din iż-żieda xorta wasslet għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-prodotti tal-ikel.  

L-għoli tal-ħajja hija fil-fatt kwistjoni li qed tinkwieta lill-ewropej kollha għalkemm il-medja ewropea hija fil-fatt 41%, 13% minn Malta. 

It-tieni kwistjoni li qed tinkwieta ħafna lill-Maltin hija l-ambjent u tibdil fil-klima li jissemmew minn 30%, is-saħħa li tissemma' minn 25%  - u hija riflessjoni tal-fatt li l-Covid-19 għadha magħna u finalment is-sitwazzjoni ekonomika, xi ftit jew wisq marbuta mal-għoli tal-ħajja wkoll li tissemma' minn 20% tal-Maltin. 

Fil-qiegħ tal-lista hemm it-tassazzjoni b'4%, riflessjoni tal-politika tal-Gvern li jdaħħalx miżuri ta' awsterità, il-qgħad li jissemma minn 3% biss u jirrifletti ir-rata baxxa ħafna tal-qgħad fl-aħħar snin u l-fornitura tal-enerġija kif ukoll il-pensjonijiet li jissemmew minn 2% tal-Maltin biss. 

More in Socjali