Sejba rari ta' sarkofagu fir-Rabat li jmur lura 600 sena qabel Kristu

Il-qabar fejn kien is-sarkofagu kien instab b’mod aċċidentali waqt li kienu qed isiru xogħlijiet fl-2001 imma dak iż-żmien kien ġie deċiż li s-sit ma jintmessx u jiġi ppreservat kif inhu

Tliet entitajiet, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, Heritage Malta u d-Dipartiment tal- Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, qed jaħdmu flimkien fuq ir-riċerka u l-konservazzjoni ta’ sarkofagu misjub fir-Rabat. 

Is-sarkofagu tal-ġebel ta’ Żmien il-Feniċi li kien instab 21 sena ilu u li ġie skavat tul is-sajf tas-sena li għaddiet, f’Għajn Klieb, hija sejba rari ħafna fl-arkeoloġija Maltija, tant li l-aħħar wieħed li nstab qabel dan kien ’il fuq minn 300 sena ilu.

Il-qabar fejn kien is-sarkofagu kien instab b’mod aċċidentali waqt li kienu qed isiru xogħlijiet biex jgħaddu servizzi ġodda fl-2001. Dak iż-żmien kien ġie deċiż li s-sit ma jintmessx u jiġi ppreservat kif inhu. Is-Sovrintendenza baqgħet tissorvelja ż-żona u, minħabba l-bżonn ta’ aktar xogħlijiet biex ikomplu jissaħħu s-servizzi infrastrutturali fil-post, is-sena li għaddiet ħadet id-deċiżjoni li s-sit jiġi investigat b’kollaborazzjoni bejn it-tliet entitajiet imsemmija ħalli jintużaw ir- riżorsi kollha disponibbli minħabba r-rarità tas-sejba.

Meta s-sarkofagu nfetaħ, fih instabu l-fdalijiet ta’ żewġ persuni, possibbilment raġel u mara. Waħda mill-persuni kienet liebsa ġojjellerija magħmula mill-metall. Fis-sit instabu wkoll reċipjenti tal-fuħħar u l-fdalijiet ta’ annimal.

L-oġġetti kollha, kif ukoll is-sarkofagu nnifsu, inħarġu mill-qabar u ttieħdu fil- laboratorji tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali fil-Belt Valletta u fil- laboratorji ta’ Heritage Malta f’Bighi. L-ewwel indikazzjonijiet juru li l-oġġetti jmorru lura sa bejn wieħed u ieħor 600 sena qabel Kristu.

L-oġġettti kollha qed jiġu analizzati wkoll minn speċjalisti mit-tliet entitajiet biex l-informazzjoni mistura fl-artefatti varji tkun tista’ tagħti stampa aktar ċara tal- kultura Feniċja li minnha kienu jagħmlu parti n-nies li ndifnu fis-sit imsemmi.

F’kumment dwar dan il-proġett, Kurt Farrugia, is-Supretendent tal-Patrimonju Kulturali, qal li d-deċiżjoni li s-sit f’Għajn Klieb jiġi investigat ittieħdet billi hemm ippjanati xogħlijiet infrastrutturali sostanzjali għal dawn l-inħawi u għalhekk ried jiġi żgurat li l-integrità tas-sit tinżamm intatta. Huwa spjega li t-tliet entitajiet se jkunu qed jikkollaboraw flimkien fl-oqsma ta’ riċerka, analiżi u kwalunkwe intervent meħtieġ. L-istudji tagħhom se jinkludu wkoll oqbra oħra li nstabu fl- istess inħawi f’dawn l-aħħar snin, biex tingħata perspettiva usa’. Fil-preżent, is- Sovrintendenza għaddejja b’xogħol varju ta’ konservazzjoni u analiżi fuq il- fuħħar u l-fdalijiet umani misjuba f’dawn l-oqbra.

Il-Professur Nicholas Vella, mid-Dipartiment tal-Klassiċi u l-Arkeoloġija fl-Università ta’ Malta, tkellem dwar l-importanza ta’ din is-sejba u qal li l-inħawi ta’ Għajn Klieb fir-Rabat ilhom magħrufin bħala post li kien jintuża għad-dfin fi Żmien il-Feniċi. Daqs mitt sena ilu, ħafna mill-oqbra tal-post kienu ġew esplorati iżda ma nżammitx dokumentazzjoni ċara ta’ dak li nstab. L-Università ta’ Malta hija kuntenta ħafna li ġiet mistiedna biex tikkollabora fl-esplorazzjoni u l-istudju ta’ dan il-qabar, bis-sarkofagu uniku tiegħu u l-oġġetti li tqiegħdu biex jakkumpanjaw liż-żewġ persuni midfunin fih. Din ir-riċerka se tixħet dawl fuq ir- ritwali marbutin mal-mewt li kienu prevalenti f’Malta fit-tieni nofs tas-seklu 7 qabel Kristu, qal il-Professur Vella.

Noel Zammit, il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, spjega li bħalissa konservaturi ta’ Heritage Malta qed jaħdmu fuq is-sarkofagu u l-oġġetti tal-metall li nstabu miegħu. Hemm il-ħsieb li aktar tard din is-sena tiġi organizzata wirja temporanja fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija bi wħud mill-oġġetti misjuba, biex il- pubbliku jkun jista’ japprezzahom u jgawdihom fl-iqsar żmien possibbli. Qed jitħejjew ukoll pjanijiet biex is-sarkofagu u l-oġġetti l-oħra mbagħad jiġu inklużi f’wirja permanenti – possibbilment fil-Katakombi ta’ San Pawl – ħalli jkunu dejjem aċċessibbli għall-pubbliku.

More in Socjali