‘Dejjem affaxxinajt ruħi u tkexkixt bil-krudeltà tal-bniedem’… Ħarsa lejn it-turiżmu oskur

Qatt ħlomt li ssiefer biss biex iżżur post fejn mietu n-nies? Ġieli smajtu bit-turiżmu oskur? L-ILLUM titkellem mal-lettur James Sultana li jħobb, jgħix u jgħallem it-turiżmu oskur u spjega x’wasslu biex jibda’ jirriċerka dan il-qasam … 

Il-maħbuba tat-turiżmu oskur mhi ħadd ħlief l-istorja għaliex it-tnejn flimkien jaħdmu id f’id u mingħajr xulxin l-eżistenza tagħhom mhux possibli. Ħafna jargumentaw li t-turiżmu oskur huwa sfruttament ta’ għexieren ta’ ċivilizazzjonijiet li sofrew it-tbatija.  

Għalhekk il-gazzetta ILLUM staqsiet lil-lettur James Sultana - li rrefera għal dan it-tip ta’ turiżmu bħala t-turiżmu oskur- jekk hux etiku li f’post li fih seħħet traġedja jintuża għal skopijiet kummerċjali. L-ILLUM tkellmet ukoll ma’ Charmaine Bugeja, gwida grawdata fl-istorja u l-ewwel persuna f’Malta li bdiet tagħmel żjarat f’postijiet storiċi u sinonimi fejn jidhru l-iħirsa.  

Qabel xejn, x’inhu dan it-tip ta’ turiżmu u x’għandu x’jaqsam ma’ Malta? It-turiżmu oskur f’Malta huwa wieħed vast. It-turiżmu oskur huwa ħafna aktar sempliċi minn dak li wieħed jaħseb. Dan it-tip ta’ turiżmu m’huwa xejn ħlief meta persuni jżuru siti speċifiċi f’pajjiżi għaliex fi ħdanu tkun ġrat xi diżgrazzja, traġedja jew xi qtil. Fil-Polonja nsibu l-Auschwitz, fl-Ukrajna hemm Chernobyl, fl-Italja hemm Pompeii, fil-Ġappun hemm Hiroshima u fl-Istati Uniti hemm it-Twin Towers (Ground Zero).  

Sultana spjega li f’pajjiżna hawn ħafna postijiet li jistgħu jiġu klassifikati bħala turiżmu oskur fosthom il-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu, ċimiterji bħal tal-Imsida Bastions kif ukoll l-Imdina dungeons. Fakkar li huwa importanti li ma nassoċjawx it-turiżmu oskur ma attrazzjonijiet makabri biss.  

“It-turiżmu oskur isir ukoll f’postijiet fejn għalkemm ma jidirx makabru mal-ewwel daqqa t’għajn, nafu li fihom seħħew episodji ta’ tbatija kbira u ta’ mewt. Fil-fatt l-iktar li huwa assoċjat it-turiżmu oskur huwa mal-mewt, traġedji u t-tbatija,” qal Sultana. 

Minn naħa l-oħra Bugeja saħqet li filwaqt li ma tafx b’turisti li jiġu f’pajjiżna speċifikament għal uħud minn dawn is-siti hija spjegat li jkun hemm ħafna interess minn nies dwar l-istorja ta’ Malta, speċjalment fuq postijiet fejn saret traġedja kbira. Fil-fatt, Bugeja ta’ sikwit ikollha persuni Maltin li jipparteċipaw fit-tours tagħha. Hija qalet li tieħu gost meta tkun gwida tal-Maltin għaliex l-Maltin stess jerġgħu jirrakkontaw l-istejjer li tgħallmu lill-ġenerazzjonijiet tal-futur u b’hekk l-istejjer jibqgħu jiċċirkolaw.  

Bugeja żiedet li l-bnedmin jiġu mqanqla mill-kurżità, anke jekk ma jemmnux f’ċertu affarjiet, fosthom il-preżenza tal-ispirti. Hija tirrakkonta kif daħlet f’dan il-qasam wara l-mewt tan-nannu tagħha. Mill-2008 bdiet tagħmel it-tours fl-ibliet Maltin.  

Meta din il-gazzetta staqsiet lill-Sultana, għaliex persuna tieħu interess f’post li qabel fih kien hemm tbatija u niket huwa wieġeb li ħafna psikologi, filosofi, antropologi, soċjologi u storiċi staqsew din id-domanda.  

“Ħarġu b’ħafna spjegazzjonijiet u ideat għaliex jseħħ dan. Hemm min jgħid li l-bniedem għandu kurżità ġo fih fuq il-mewt. Hemm min jgħid li meta tara t-tbatija ta’ ħaddieħor tħoss li qed tifhem aktar il-ħajja. Hemm oħrajn li jsemmu l-empatija. Il-lista ma tieqaf qatt,” kompla Sultana 

‘Ma kontx naf li qed nieħu sehem fit-turiżmu oskur’ 

Sultana rrakkonta kif l-interess tiegħu lejn dan is-suġġett beda’ kemmxejn differenti. Huwa qal li minn dejjem affaxxina ruħu u tkexkex bil-krudeltà tal-bniedem, “li wieħed kapaċi jinżel tant fil-baxx li jweġġa lil bniedem,” qal Sultana.  

Jgħid ukoll li n-namra tiegħu hija l-istorja. “Kien dejjem jinteressani ħafna l-istorja tat-tortura fost oħrajn. Meta kont insiefer u nsib xi wirja jew mużew tat-tortura kont inżuru … Iżda ma kontx naf li qiegħed nieħu sehem fit-turiżmu oskur,” kompla jirrakkonta Sultanta.  

Prattiċi kulturali u reliġjużi bħal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira jagħmlu parti mit-turiżmu oskur?  

Sultana saħaq li l-Ġimgħa l-Kbira hija prattika reliġjuża li tixhed devozzjoni, “iżda, naturalment, l-elementi li naraw fiha huma ta’ tbatija. Naraw persuna li ġie ittorturat sal-mewt, mewt mill-aktar kiefra.”  

Huwa kompla jgħid li dan ifisser li għal dawk li għandhom interess fit-turiżmu oskur, din tista’ tkun attrazzjoni wkoll.  

“Ma ninsewx li aħna mdorrijin naraw purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Jien dilettant ħafna tal-Ġimgħa l-Kbira u trabbejt il-Belt fejn hemm tradizzjoni qawwija. Iżda nista’ nimmaġina turist li qatt ma ra xi ħaġa bħal din, x’reazzjoni jista’ jkollu meta jara l-vari tagħna, li huma tant sbieħ u artistiċi daqs kemm huma makabri fir-realiżmu tagħhom,” tenna Sultana.  

‘Ma nara xejn ħażin li jkun hemm nies li jmorru jaraw iċ-ċimiterji iżda irid jinżamm ir-rispett u d-dinjità’ 

Din il-gazzetta staqsiet jekk hux etiku li post li fih seħħet xi traġedja għandux jintuża għall-skopjiet kummerċjali. Għal dan Sultana rrimarka li dan id-dibattitu ilu li beda mill-bidu nett li t-turiżmu oskur beda jiġi studjat fis-snin 90 iżda jiddependi mill-bniedem kif iħares lejn dan it-turiżmu u li mitt bniedem, mitt fehma.  

“Jiddependi minn x’post hu, minn kemm il-ġrajjiet li seħħet fit għadhom friski fil-memorja kolletiva jew le. Jiddependi wkoll mill-mod ta’ kif isiru l-affarjiet. Huwa ħażin li bniedem iħallas miżata ċkejkna bien jidħol il-Palazz tal-Inkwiżitur? Kif jista’ l-mużew ikompli għaddej jekk ma jirkuprax l-ispejjeż u jħallas lill-ħaddiema?” staqsa Sultana.  

Minn naħa l-oħra huwa saħaq li mhuwiex daqstant etiku li wieħed jikkumerċjalizza ċimiterju li għadu jintuża. Huwa enfasizza li ma jara xejn ħażin li jkun hemm nies li jżuru l-post iżda jrid jinżamm ir-rispett u d-dinjità tal-post.  

Sultana żied li “jekk kollox isir b’raġuni ġusta u mingħajr esplojtazzjoni, nemmen li ma jkun hemm xejn li jmur kontra l-etika.”  

‘Dejjem kelli l-bżonn fija li dak li naf naqsmu ma ħaddieħor’  

Sultana jgħid lill-ILLUM li l-passjoni tiegħu lejn it-turiżmu oskur baqa’ jikber. Huwa attenda diversi konferenzi u għamel ħafna riċerka tant li ħass li dak li tgħallem u skopra kellu jaqsmu ma’ ħaddieħor. Kien hawn li twieled il-kors tat-turiżmu oskur fl-Università ta’ Malta.  

Huwa temm jgħid li dan il-kors, li jieħu madwar 28 siegħa, diġà sar tliet darbiet  u li ntlaqa’ tajjeb ħafna man-nies.  

More in Socjali