Filmat | ‘Il-fqar trid tgħannaqhom, mhux tgħoddhom’ – Joffru ikla u dinjità lil 80 persuna kuljum

Il-gazzetta ILLUM iżżur is-Soup Kitchen li nfetħet f’parti mill-Kunvent tal-Franġiskani Minuri fil-Belt Valletta u tiskopri li din qed toffru ħafna aktar minn plat sħun lil dawk li ta’ kuljum imorru biex isibu l-għajnuna

Fi Triq Sant’Ursola fil-Belt Valletta, f’parti mill-Kunvent tal-Franġiskani Minuri mibni fl-1584, infetħet dik li qed tissejjaħ Soup Kitchen OFM, anke jekk din ma toffrix sempliċiment sopop imma diversi servizzi oħra li jagħtu dinjità lil dawk il-persuni li ma għandhom xejn u li ħafna drabi huma moħbija.

Il-gazzetta ILLUM żaret is-Soup Kitchen u ltaqgħet ma’ Patri Marcellino Micallef OFM, il-moħħ wara din l-opra ta’ karità. Malli wasalna, Patri Marcellino mill-ewwel għamililna ċara li minkejja l-isem, din l-NGO ma toffrix biss soppa lil min ma jaffordjax platt sħun kuljum, imma għadd ta’ servizzi oħra, inkluż post fejn wieħed jinħasel, jaħsel il-ħwejjeġ u saħansitra jqaxxar jew jaqta’ xagħru.

Fuq kollox, kif stqarr diversi drabi Patri Marcellino, is-Soup Kitchen qed toffri dinjità lil dawk li minħabba ċ-ċirkostanzi tal-ħajja, li minnhom jista’ jgħaddi kulħadd, spiċċaw ma għandhom xejn. Fil-fatt, dan huwa l-motto tal-NGO: “Ħajja b’dinjità.”

Sibna attività sħiħa. Fil-kċina, il-kok ma kienx qed jipprepara biss is-soppa, iżda dixxijiet sħaħ bil-koxox tat-tiġieġ u l-patata l-forn. Fil-fatt, kuljum f’nofsinhar, madwar 80 persuna jingħataw tliet platti, mis-soppa sad-deżerta.

‘Il-fqir mhuwiex tallab ... kulħadd għandu dritt għad-dinjità’

Kważi kważi hemm ristoranti li ma għandhomx il-kċina u l-apparat li hija mgħammra  biha din is-Soup Kitchen. Fi kliem Patri Marcellino, kull min imur ifittex l-għajnuna se jingħata l-aħjar servizz. 

“Il-fqir mhuwiex tallab,” insista Patri Marcellino. “Kulħadd għandu dritt ikollu d-dinjità.”

Apparti minn hekk, grupp ta’ voluntiera oħra kienu qed iħejju l-ħobż għax kull min imur, jingħata wkoll ikla lesta għal filgħaxija.

Fil-fatt, din l-NGO tiġbor fiha żewġ ħaddiema impjegati u madwar 70 voluntier li kollha kemm huma ġew imħarrġa b’mod professjonali. 

Poġġejna ma’ Patri Marcellino fir-refittorju rrestawrat u mżejjen mill-isbaħ. F’nofsu, pittura ta’ Kristu u minflok l-appostlu, madwar il-mejda hemm nies minn kull kontinent u reliġjon, jaqsmu l-ikel flimken. 

Il-kok waqt li kien qed jippepara l-ikla ta’ nofsinhar
Il-kok waqt li kien qed jippepara l-ikla ta’ nofsinhar

90% ta’ dawk li jiġu huma Maltin ... minn żgħażagħ sa anzjani

Tkellimna dwar dawk il-persuni li ta’ kuljum imorru biex isibu kenn f’din is-Soup Kitchen. Spjega li anke jekk fl-ewwel xhur diġà qed imorru madwar 80 persuna kuljum, huma attrezzati biex jilqgħu sa 200 persuna kuljum. 

Fi kliemu, madwar 90% ta’ dawk li jmorru huma Maltin u l-etajiet ivarjaw minn żgħażagħ ta’ 20 sena sa anzjani. Anke jekk is-Soup Kitchen tinsab f’parti minn kunvent tal-patrijiet, il-bibien huma miftuħa għal kulħadd u fil-fatt imorru mhux biss Insara, imma anke persuni ta’ twemmin differenti, inkluż Musulmani.

“Din hija knisja. Mhijiex knisja tal-gandlieri. Slaleb biss għandna imma nista’ ngħid li din hija knisja ħajja.” insista Patri Marcellino. 

‘Hawn ħafna li qed ibatu imma jistħu jitkellmu ... din sfida’

Saħaq li waħda mill-akbar sfidi li jiltaqgħu magħha hija li f’Malta hawn ħafna persuni li għandhom bżonn l-għajnuna u li jinsabu fil-faqar imma insista li ħafna minnhom jistħu jfittxu l-għajnuna u jitkellmu, xi kultant anke minħabba l-preġudizzju ta’ xi wħud.

Patri Marcellino saħaq li kull persuna li tmur għandha l-istorja tagħha u fi kliemu, anke jekk huma jgħinu, jintgħallmu ħafna mill-esperjenza ta’ dawn in-nies.

Semma nies li għax kienu magħkusa mill-ħajja, “sabu refuġju” fid-droga. 

“Xi wħud huma vittmi tal-logħob jew tal-użura. Iltqajna ma’ nies li kienu kostretti jisselfu l-flus bl-40%. Iltqajna ma’ nies li jispiċċaw biss b’€20 f’idhom biex jgħaddu sal-aħħar tax-xahar. Oħrajn tilfu x-xogħol, anke minħabba l-pandemija u sabu refuġju bix-xorb,” kompla jirrakkontalna. “Il-foqra ma jikkawżahx il-faqar. Is-sistema jikkawżawh.”

Is-soppa ssir qabel jaslu l-ewwel persuni
Is-soppa ssir qabel jaslu l-ewwel persuni

‘Lanqas ħwejjeġ ta’ taħt jew geyser ma għandhom’

Saħansitra, kompla jgħidilna Patri Marcellino, ġieli marru nies jużaw is-servizz tas-showers u li lanqas ħwejjeġ ta’ taħt ma jkollhom u jipprovdulhom huma. Ħafna oħrajn lanqas għandhom biex isaħħnu l-ilma biex jinħaslu b’mod komdu.

“Minn jgħaddi minn kriżi, faċli jispiċċa fi kriżi oħra. Faċli niġġudikaw,” kompla jisħaq. “Għandna wħud mill-persuni li jiġu kienu jgħixu f’istitut u fl-aktar mument delikat ta’ ħajjithom, meta jagħlqu 18, spiċċaw fit-triq, ma għandhomx fejn imorru.”

Fil-fatt, l-istess NGO għenet ħafna minn dawn in-nies billi sabitilhom impjieg, għax fi kliem il-Patri, ix-xogħol huwa dinjità.

‘Jiġu nies lanqas karta tal-identità ma għadhom’

“Persuni oħra lanqas għandhom saqaf fuq rashom u saħanistra lanqas karta tal-identità,” saħaq Patri Marcellino waqt li urina għadd ta’ fajls, lesti bid-dokumenti, biex jgħinu persuni jiksbu wkoll il-karta tal-identità..

“Ma jkollhomx karta tal-identità għax ma għandhomx indirizz. Jgħixu x’garaxxijiet bla kumdità ta’ xejn,” kompla jgħidilna. “Jiġu nies li kienu joħorġu bil-lejl, iqallbu fiż-żibel forsi jsibu xi ħaġa tal-ikel. Għandna żagħżugħ joqgħod f’post b’bozza waħda, bla geyser, jorqod fuq saqqu mmuffat u kien joħroġ iqalleb fiż-żibel.”

Fost inizjattivi oħra, bħalissa qed jiġbru l-kobob tas-suf, inkluż mill-iskejjel u għandhom grupp ta’ 20 persuna mill-Mosta li qed iħitu ngwanti, skufji u xalel biex ikunu jistgħu jqassmuhom lil dawn il-persuni tul ix-xhur tax-xitwa.

‘Jiġu nies li jikru kamra waħda bi 350’

Appella wkoll lill-awtoritajiet biex jifhmu l-esperjenzi ta’ persuni li l-każi tagħhom huma ġenwini u spiċċaw jgħixu kontinwament f’ansjetà għax imtlew b’kontijiet li ma jifilħux u ma jistgħu jaslu qatt li jħallsu.

“Iltqajna ma’ nies li għandhom iħallsu mal-€2,000 f’kontijiet tad-dawl. B’€400 relief, mhux se jaslu biex iħalsuhom. Jgħixu kontinwament fl-ansjetà li se jaqtawlhom id-dar. Għandu jkun hemm skemi biex jgħinu lil dawn il-persuni li l-każi tagħhom huma ġenwini,” insista Patri Marcellino.

Insista li huwa ħażin li wieħed jaqbad u jiġġudika u jaħseb li dawn il-persuni jagħmlu xi ħaġa ħażina, jew mhux kapaċi jqassmu flushom biex jispiċċaw f’sitwazzjonijiet simili.

“Mhux kull min jiġi jfittex l-għajnuna jew imur jorqod fis-shelters huwa għażżien. Immaġina persuna li taqla’ €900. Trid tħallas €400 manteniment u bil-bqija trid tikri u tgħix. Jiġu nies li jikru kamra waħda bi €350,” saħaq Patri Marcellino. 

Insista li dawn huma realtajiet. “Din hija skola. Dejjem qed nirrealizzaw li hawn nies li mhux qed jgħixu fil-faqar, imma fil-miżerja,” insista. “Hemm niex li lanqas flushing ma għandhom u nassigurak li lanqas mowbajl ma għandhom u ma għandhomx kapriċċi, għax ikun hemm minn jiġġudikawhom.”

Il-maħżen mimli daqs bajda bid-donazzjonijiet
Il-maħżen mimli daqs bajda bid-donazzjonijiet

‘Ngħixu l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż kuljum. Il-providenza titla’ qabel ix-xemx’

Qabel l-intervista, Patri Marcellino ħadna fil-maħżen fejn jaħżnu l-ikel. Indafa kbira u kollox ippakkjat daqslikieku kċina ta’ lukanda ta’ ħames stilel. Anke l-ikel. Mid-dehra tiegħu wkoll jidher ta’ kwalità. Il-maħżen kien imballat, iżda fi kliem Patri Marcellino, huma jixtri biss ftit affarijiet.

“Hawn ngħixu l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż kuljum. Il-providenza titla’ qabel ix-xemx,” qalilna, waqt li voluntiera oħra spjegawlna kif mingħajr ma jitolbu xejn, il-ħin kollu ġejjin vannijiet ippakkjati bl-aqwa ikel minn diversi kumpaniji. 

Anke sakemm kienet hemm l-ILLUM, wasal vann, dejjem għall-għarrieda, mimli prodotti essenzjali, bħalma huwa l-butir. Kumpanija partikolari, kull ġimgħa, tipprovdilhom mal-€1,000 f’ikel. 

“Jasal mhux kemm għandna bżonn imma aktar. Din il-ġimgħa xtrajna biss żewġ pakketti melħ,” kompla jgħidilna Patri Marcellino.

Iżda Patri Marcellino għad għandu ħafna proġetti għall-futur. Il-ħolma tiegħu hija li ‘l quddiem joffru wkoll saqaf lil dawk li ma għandhomx.

“Irridu noffru ħafna għajnuna. Għandna ħafna nies li qed isofrufis-skiet uġigħ mentali,” insista. “Nixtiequ li jkollna wkoll servizz ta’ psikologu u ħaddiema soċjali.”

Mistoqsi jekk qattx jaqta’ qalbu, Patri Marcellino temm jisħaq li jekk il-proġett huwa minn Alla, se jirnexxi. “Il-providenza qatt ma naqsitna.”

Kif tista’ tgħin?

Soup Kitchen OFM Valletta

40, Triq Sant’Ursola

Valletta

VLT1233

Tel: 79227570

APS: A/C 41286610023

MT56APSB77013000000041286610023

BOV: A/C 40024827012

MT46VALL22013000000040024827012

More in Socjali