20 sena ta' proġetti ta' restawr u konservazzjoni fil-Kon Katidral ta' San Ġwann

Il-lista ta’ oġġetti koperti minn dawn ix-xogħlijiet hija tabilħaqq impressjonanti: mill-kwadri titulari ta’ kwalità għolja sal-monumenti funebri tal-irħam u l-bronż; mill-iskultura indurata fil-lavur, sal-ħitan tal-faċċata u tal-ġnub tal-Konkatridral; mill-iskudetti u armi dekorattivi fuq il-bibien u l-bust ta’ Kristu is-Salvatur ta’ Algardi

Il-Kon Katidral ta' San Ġwann
Il-Kon Katidral ta' San Ġwann

Il-Fondazzjoni tal-Kon Katidral ta' San Ġwann immarkat l-20 sena anniversarju mit-twaqqif tagħha, bit-tnedija ta’ pubblikazzjoni dwar ir-restawr u konservazzjoni li sar fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta.

Iċ-ċerimonja ġiet indirizzata mis-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Joyce Dimech, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta' Malta, Michael Pace Ross, u l-President tal-Fondazzjoni  il-Monsinjur Emmanuel Agius.

Fl-indirizz tal-ftuħ, il-President tal-Fondazzjoni qal li "l-għan tal-pubblikazzjoni li nedejna huwa li juri u jiddokumenta l-legat tal-programm estensiv u kompensiv ta’ restawr u konservazzjoni li wettqet il-Fondazzjoni matul dawn l-aħħar għoxrin sena. Dan il-ktieb jagħti wkoll kredibilità lill-viżjoni tal-fundaturi tal-Fondazzjoni u jirrikonoxxi l-kisbiet eċċezzjonali tal-istituzzjoni."

Huwa sostna li l-proġetti ta’ restawr u konservazzjoni li daħlet għalihom il-Fondazzjoni jħaddnu firxa wiesgħa ta’ opri tal-arti, flimkien ma’ ħafna karatteristiċi arkitettoniċi fl-istruttura tal-Knisja.

Il-lista ta’ oġġetti koperti minn dawn ix-xogħlijiet hija tabilħaqq impressjonanti: mill-kwadri titulari ta’ kwalità għolja sal-monumenti funebri tal-irħam u l-bronż; mill-iskultura indurata fil-lavur, sal-ħitan tal-faċċata u tal-ġnub tal-Konkatridral; mill-iskudetti u armi dekorattivi fuq il-bibien u l-bust ta’ Kristu is-Salvatur ta’ Algardi, sal-qanpiena ta’ Lascaris u l-arloġġ mekkanizzat ġewwa l-kampnari; il-kanupew fuq l-artal, l-leġiju tal-kor u l-pulptu, sal-orgni tal-Artal Maġġur u tal-Oratorju u l-armarju dekorattiv tal-kaxxi tal-orgni; mill-grupp statwarju tal-Kruċifissjoni, sal-lanterna tal-injam fl-Oratorju; mill-entratura tal-irħam li tagħti għall-Oratorju, sas-suffett maestuż tal-injam imnaqqax u indurat; mill-balavostri tal-presbiterju, sal-pilastri tal-irħam matul il-korsija; mill-Cappella Ardente, sal-Kripta tal-Gran Mastri; mill-arazzi imprezzabbli Fjammingi u l-atriju ta’ Carapecchia, għall-paviment imprezzabbli tal-irħam mogħni b’xogħol intrikat ta’ interzjar b’elementi funebri u parafernarja bellika.”

Cynthia de Giorgio, Kap Eżekuttiv u Kuratur irrimarkat li l-għan ewlieni tal-Fondazzjoni huwa l-konservazzjoni u r-restawr tal-opri tal-arti u artifatti imprezzabbli ippriservati fil-Konkatidral. Matul dawn l-aħħar żewġ diċenji il-Fondazzjoni ttrasformat dan il-monument storiku minn stat ta’ abbandun, għal livell ta’ konservazzjoni li jassigura l-preservazzjoni għall-futur. De Giorgio qalet li kienet il-ħidma flimkien tar-restawraturi, konservaturi, inġiniera u nies esperti fil-qasam tagħhom li tul dawn is-snin ittrasformaw il-Konkatidral għas-sbuħija Barokka tiegħu fi stat pristin.

"Aħna wkoll nirrikonoxxu x-xogħol li sar mill-ħaddiema tal-Fondazzjoni – mill-kustodji u l-maniġers li kkontribwew matul dawn l-20 sena.”

Il-Fondazzjoni ġiet imwaqqfa b’att pubbliku fil-31 ta’ Lulju tal-2001, iffirmat mill-mibki Arċisqof Ġużeppi Mercieca, u mill-President Emeritu Eddie Fenech Adami, li dak iż-żmien kien Prim Ministru. Il-Fondazzjoni hija amministrata minn Kunsill li jinkludi sitt membri, tlieta mill-Gvern ta’ Malta u tlieta appuntati mill-Arċisqof ta’ Malta. Il-Fondazzjoni hija responsabbli għall-amministrazzjoni tal-Konkatidral bħala monument reliġjuż u kulturali.

Id-dħul iġġenerat matul is-snin, intużaw għall-proġetti ta’ manteniment u restawr, bl-għan li tippreserva dan il-ġojjel Malti fl-aqwa kundizzjoni possibli u jżid l-għarfien u l-ammirazzjoni tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri.  

More in Socjali