‘Aħna parti integrali mill-festa imma mhux apprezzati daqs ħaddieħor’ – L-ILLUM tiltaqa’ mad-daqqaqa tal-qniepen

Hemm bżonn jindaqqu fit-tul u kuljum? Għad hawn interess? Għadhom importanti? Bejn lokalità u oħra hemm differenzi fid-daqq tal-qniepen? Id-daqqaqa huma apprezzati biżżejjed? L-ILLUM tiltaqa’ ma’ wieħed mill-akbar dilettanti tal-qniepen f’Malta u tistaqsih dwar il-passjoni li saret parti sostanzjali minn ħajti

Min jitpaxxa jismagħhom u min idejquh għax jarahom storbju biss. Iħabbru l-ferħ iżda anke n-niket. Fi żmien kienu jimmarkaw il-ħin tal-ġurnata u llum huma aktar tradizzjoni. Jagħmlu x’jagħmlu u jgħidu x’jgħidu fuqhom, il-ħoss tal-qniepen huwa parti integrali mill-ħajja tal-ibliet u l-irħula, il-kultura u l-ħoss tal-festa. 

F’dan iż-żmien tal-festi, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mad-daqqaqa tal-qniepen, partikolarment ma’ Benedict Bugeja, magħruf aħjar mad-dilettanti tal-festa bħala Benny tal-qniepen. Fi staġun tal-festi nieqes mill-ħoss tal-baned, il-qniepen qed ikunu dawk li jfakkru lill-ibliet u l-irħula li qed tiġi ċċelebrata l-festa u nittamaw li dan iwassal biex jiġu apprezzati aktar.

L-ILLUM żaret lil Benedict Bugeja fid-dar tiegħu fil-Gżira, li (kumbinazzjoni) jisimha wkoll ‘La Campanella’ u miegħu tkellmet dwar din il-passjoni iżda fuq kollox dwar din it-tradizzjoni tad-daqq tal-qniepen.

Bdejna nistaqsu lil Benny dwar kif bdiet din il-passjoni tiegħu mal-qniepen sakemm saret parti integrali minn ħajtu. Irrakkonta kif l-ewwel darba li daqq qanpiena kien fil-magħmudija ta’ oħtu, fil-knisja parrokjali tal-Gżira li hija tant għal qalbu.

“Missieri kien attiv fil-parroċċa tal-Gżira. Kont dejjem niġri miegħu fil-knisja u mas-sagristana. Fil-Magħmudija ta’ oħti ħadni ħdejn il-garigor tal-kampnar. Kien hemm is-sagristan u tani ħabel u bdejt indoqq il-qanpiena ż-żgħira. Niftakar kif is-sensazzjoni tal-ilsien jaħbat mal-qanpiena u l-ħoss, tani pjaċir kbir. Minn hemm bdejt u llum ilni aktar minn 50 sena ndoqq,” saħaq.

Iżda r-rabta tal-familja Bugeja mal-qniepen bdiet minn qabel. Ftit jafu li meta tiġi mbierka, qanpiena jkollha l-parrini. Missier Bugeja kien il-parrinu tal-qanpiena l-kbira tal-parroċċa tal-Gżira għax kien għen biex jinġabru l-fondi għal dan is-sett.

“Minn dejjem kien hemm din in-namra. Anke d-dar konnha nitkellmu fuq il-qniepen. Niftakar l-ewwel darba li tlajt fil-kampar tal-Gżira kont affaxxinajt ruħi. Rajthom kbar ħafna, għax ta’ tifel kont nilgħab bi qniepen żgħar,” saħaq. 

‘Inweġġa’ meta xi ħadd idoqq qanpiena ħażin’

Min jaf daqqaqa tal-qniepen, jinnota kemm dawn jibnu relazzjoni mal-qniepen u jirreferu għalihom bl-isem jew il-laqam. Fil-fatt, fatt kurjuż li ftit jafu, huwa li kull qanpiena, meta tiġi mbierka, tingħata isem partikolari. Ġeneralment, il-qanpiena l-kbira tingħata l-isem tat-titular tal-parroċċa, jew f’xi każi, tal-benefattur tagħha.

“Ikun hemm relazzjoni. Jifhmek biss min hu daqqaq tal-qniepen u jħobbhom. Jiena l-mod kif idoqqu l-qniepen taffettwani. Jekk xi ħadd isabbat qanpiena, inħossha f’qalbi, tidħol fija. Inweġġa’ meta xi ħadd idoqq qanpiena ħażin,” kompla jgħidilna. “Meta qed iddoqq il-qniepen mhux sempliċiment qed tagħmel ħoss. Jiena rrid indoqq. Daqq irid ikun sabiħ, melodjuż.”

‘Il-qniepen ma għandhomx il-kliem ... kif iddoqq twassal messaġġ’

Fakkar ukoll li l-qniepen huma messaġġiera. Iwasslu messaġġi differenti, għal funzjonijiet differenti u d-differenza fil-messaġġ toħroġ mill-mod kif il-qniepen jindaqqu.

“Il-qniepen ma għandhomx il-kliem. Allura bil-mod kif iddoqq, qed twassal messaġġ. Il-mod kif iddoqq il-quddiesa, huwa differenti minn kif iddoqq għal funzjonijiet oħra. Min hu midħla jinduna jekk knisja tkun qed iddoqq barka. Mhux hekk biss. Anke l-qniepen li qed jindaqqu jibagħtu messaġġ. Jekk qed jintużaw il-qniepen kollha biex idoqqu l-barka, ifisser li hemm solennità. Anke jekk qed idoqq il-quddiesa, skont liema qanpiena tuża, tindika l-importanza tal-festa,” kompla jispjega. 

Hemm ukoll dettalji żgħar li mhux kulħadd jifhem, imma li daqstant ieħor huma importanti. Bugeja spjega kif meta qed jindaqqu l-moti qabel funzjoni, wara kull mota jindaqqu tokki. Tokk wieħed bl-akbar qanpiena wara l-ewwel mota, tnejn wara t-tieni mota, tlieta wara t-tielet mota u disa’ tokki wara l-aħħar waħda. 

“Dawn it-tokki jkunu sinjal li se tibda funzjoni,” spjegalna Bugeja. “Ara fil-moti li jindaqqu bi tħabbira għall-għada, dawn ma jindaqqux għax ma tkunx se tibda funzjoni. Wara purċissjoni dawn it-tokki se jindaqqu għax tkun ġejja l-barka. Hemm imbagħad it-tokki li jindaqqu waqt il-quddiesa tal-festa sakemm jibda l-paniġierku, biex min qiegħed barra jkun jaf li se jibda. Il-qanpiena hija messaġġiera.”

Il-qanpiena l-kbira tal-Gżira
Il-qanpiena l-kbira tal-Gżira

‘Hemm tradizzjonijiet li qed jinqatgħu għax nies ma ssibx’

Fakkar li qabel, meta l-arloġġi ma kinux disponibbli bħal-lum, il-qniepen kienu importanti fil-ħajja tal-komunità għax in-nies kienet timxi magħhom. Insista li llum dawn id-dettalji saru tradizzjoni li se tintilef jekk mhux se jkun hemm interess.

Hemm imbagħad daqq li llum kważi inqata’ għal kollox. Bugeja spjega kif fl-antik kienu jdoqqu t-Transtu, biex iħabbru li jkun miet xi ħadd fil-parroċċa. Dan huwa differenti mill-mota li tindaqq fil-funeral. Fi Transtu kienet tindaqq biss qanpiena waħda.

Fejn jidħlu l-moti ta’ niket, biex insejħulhom hekk, ukoll hemm differenza. Jekk qed tindaqq mota bi tliet qniepen, jew inqas, dik qed tindika li hemm funeral, imma mbagħad hemm il-Libra, li tindaqq bil-qniepen kollha. Din tindaqq (b’xi ftit parroċċi) kull nhar ta’ Ġimgħa fit-3pm ta’ waranofsinhar, biex tfakkar fil-passjoni u l-mewt tal-Mulej, fil-funerali tas-saċerdoti u anke fit-Tifkira tal-Mejtin kollha, fit-2 ta’ Novembru.

Sfortunatament, kompla jisħaq Bugeja, hemm tradizzjonijiet li qed jinqatgħu għax, fi kliemu, illum mhux faċli li ssib in-nies biex, pereżempju, nhar ta’ Ġimgħa jmorru jdoqqu.

“Mhux faċli ssib lin-nies. Meta jkollok xi tliet festi f’xulxin diffiċli ħafna. Anke jekk qed tħallas mhux faċli ssib. Iż-żgħażagħ joħorġu jridu mhux jissakkru fil-kampnar fi tmiem il-ġimgħa,” insista Bugeja. Fil-fatt, Benny għandu grupp ta’ daqqaqa tal-qniepen, li jinkludi wkoll lil martu li tħobb il-qniepen daqsu.

Ngħiduha kif inhi, mhux faċli għal dawn in-nies li jispiċċaw iqattgħu l-weekends tas-sajf imsakkra fil-kampnari. Anke jekk jitħallsu (mhux ħafna għas-sagrifiċċji li jagħmlu) mhux kulħadd kapaċi jidħol għal biċċa xogħol bħal din.

Mill-kampnar tal-Gżira
Mill-kampnar tal-Gżira

‘Nagħtu servizz daqs il-mużiċisti u l-bandisti iżda mhux apprezzati’

Iżda aktar milli minħabba n-nuqqas ta’ nies, Bugeja jinkwieta aktar għax fi kliemu, id-daqqaqa tal-qniepen f’Malta mhumiex apprezzati biżżejjed, minkejja li huma parti integrali mill-festa. Mhux huma biss, imma anke l-qniepen mhuwiex apprezzati. 

Fi kliem Bugeja, biżżejjed tħares lejn il-knejjes. Miżmuma bl-aħjar mod minn ġewwa imma mbagħad bil-kampnari traskurati. Fi kliemu dan jidher anke minn sempliċiment garigor li jagħti għall-kampnari. Fi kliemu, dawn ikunu “miżmuma tajjeb sal-gallarija tal-ordni u neżlin biċċiet fil-parti l-oħra li tagħti sal-kampar.”

“Għax aħna tal-qniepen, għax aħna ma ndoqqux vjolin jew xi strument ieħor, allura aħna tat-tieni klassi, daqslikieku mhux bħal mużiċisti jew il-bandisti qed nagħtu servizz,” insista. “Ħadd ma jara s-sigħat twal li nagħmlu hemm fuq. Daqqa sħana kbira u daqqa kesħa u riħ.”

Apparti dan kollu, Bugeja fakkar li d-daqqaqa tal-qniepen huma l-ewwel li jibdew is-servizz u l-aħħar li jtemmuh.

“Jekk fis-sitta hemm it-tranżlazzjoni, mal-ħamsa trid tibda l-erba’ moti. Tispiċċa l-funzjoni, kulħadd jitlaq u aħna nibqgħu hemm indoqqu erba’ moti. Il-Ħadd, nibdew mit-8:00am bil-moti għall-quddiesa tal-festa, wara jkollna l-moti ta’ nofsinhar. Mal-4:00pm jibdew il-moti tal-għasar, indoqqu l-ħruġ u d-dħul tal-purċissjoni, il-barka u l-mota tal-aħħar. Għandek mit-8:00am sal-11:00pm. Id-donazzjoni li nitolbu hija miżera ħafna u xorta jkun hemm min jipprova jiġġebbidlek,” kompla jisħaq. “Trid tkun tħobb u jkollok passjoni biex tidħol għaliha. Issa ilni 50 sena ndoqq u wasalt biex nibda nnaqqas.”

‘Nirrabja meta jkun hemm min jippretendi li l-qniepen jieqfu għax idejquh’

La tkellimna fuq il-ħinijiet twal ma stajnix ma nidħlux xi ftit jew wisq fil-kontroversja. Ikun hawn min jgħidlek: “Hemm bżonn jagħmlu siegħa jdoqqu? Għaliex erba’ moti. Waħda mhux biżżejjed?” X’jaħseb Bugeja dwar dan?

Beda jispjega li meta jindaqqu erba’ moti jfisser li hemm solennità kbira tant li ġeneralment, dawn jindaqqu biss fil-festi, jew inkella f’xi solennità bħall-Milied jew l-Għid il-Kbir. Minkejja li l-qniepen huma ħajtu, Bugeja jemmen ukoll fil-bilanċ u l-prudenza.

“Jiena nħobbhom il-qniepen, imma min joqgħod idoqq l-erba’ moti fost is-sena, għalija ksuħat. Hawn min il-moti ta’ nofsinhar, fil-festa, iġebbidhom sas-sagħtejn. Wisq. Iż-żejjed, bħan-nieqes. Hemm min jieħu gost imma hemm min ma jiħux gost,” insista Bugeja. “Meta tesaġera mal-ħażin jeħel it-tajjeb.”

Minkejja dan, Bugeja saħaq li jirrabbjah ħafna l-fatt li jkun hemm persuni, inkluż barranin, li jmorru jgħixu viċin il-knisja u jippretendu li l-qniepen ma jindaqqux għax idejquhom.

“Jekk se mmur noqgħod Paceville, naf li għandi ljieli ma norqodx. Imma jien inkun għażilt li mmur noqgħod hemm. L-istess min mar joqgħod ħdejn knisja. Il-knisja kienet hemm qabel,” insista. “Din tirrabbjani ħafna, speċjalment meta jkun hemm parroċċi li jċedu.”

‘Tradizzjoni li qed taħrab minn idejna’

Kien hawn li Bugeja fakkar ukoll li l-qniepen u l-mod kif jindaqqu, huma parti mit-tradizzjoni Maltija għax il-mod kif jindaqqu f’Malta huwa uniku.

“Din it-tradizzjoni qed taħrabilna minn idejna. Aħna stess qed nitilfuha. Jekk min qed imexxi se jċedi, aħna d-dilettanti ma nistgħu nagħmlu xejn,” insista.

Jogħġbu xi sett aktar minn ieħor?

Qlibna s-suġġett, bil-gazzetta tistaqsi lid-daqqaq f’kemm il-kampnar tela’ jew inkella (għax forsi aktar faċli) jekk hemmx xi kampnar jew sett qniepen, li qatt ma daqq. Tant kemm dar u tant kemm daqq qniepen, li lanqas seta’ jwieġeb din il-mistoqsija.

“Naħseb li tlajt kullimkien, ħlief f’xi kappelli. Jidhirli li fil-parroċċi tlajt kullimkien,” qalilna.

Staqsejnih ukoll jekk hemmx xi sett ta’ qniepen li huwa jieħu gost ħafna jdoqq. Insista li f’Malta hawn diversi settijiet sbieħ ta’ qniepen u fost dawn semma dawk tas-Siġġiewi, tal-Gżira, ta’ San Duminku tal-Belt Valletta, ta’ Ħal Luqa, Ħal Lija, Ħal Qormi (San Bastjan), Stella Maris tas-Sliema u oħrajn.

Insista li hu jħobb ħafna s-settijiet tal-qniepen li huma intonati, bħalma ġeneralment ikunu l-qniepen ta’ Taylor jew Barigozzi (żewġ funderiji ewlenin tal-qniepen). 

“Gosti. Hawn min imbagħad iħobb il-qniepen Maltin li jkunu aktar ħarxa fil-ħoss tagħhom,” kompla jispjega. “Imbagħad hemm min għandu qniepen sbieħ u ma japprezzahomx, anke kif idoqquhom. F’ħames minuti, jibdew u jispiċċaw mota bi kbir. Ma hemmx dik is-sbuħija li qed iddaħħal qanpiena wara l-oħra ftit ftit. Aħna, meta jkollna mota ta’ nofsiegħa, ġieli ndumu kwarta biex indaħħlu ħamest iqniepen. Trid toħloq climax meta ddaħħal il-kbira.”

‘Jiena nirrispetta t-tradizzjoni tal-lokalità ... ara ma ddoqqx tokk inqas’

Minkejja ċ-ċokon tal-pajjiż, bejn raħal u ieħor jew belt u oħra hemm ħafna tradizzjonijiet differenti, inkluż anke fejn jidħol id-daqq tal-qniepen. Pereżempju, il-moti kif jindaqqu l-Belt Valletta huwa differenti minn kif jindaqqu fil-Kottonera.

“Meta mmur indoqq f’parroċċa, l-ewwel ħaġa li nagħmel huwa li niċċekkja t-tradizzjonijiet tagħhom. Jiena nirrispetta t-tradizzjoni tal-lokal. Fil-Kottonera hemm tradizzjoni partikolari kif jindaqqu l-qniepen u n-nies iħobbuhom u allaħares jekk iddoqq ħames minuti inqas,” kompla jispjega. “Kont parroċċa fil-Kottonera, mingħalija li l-moti ta’ nofsinhar sas-1:15pm, tlaqna lejn id-dar u mlewni messaġġi jistaqsuni għaliex waqafna qabel. Jeħduha bi kbira.”

Spjegalna ftit differenzi fil-moti. Pereżempju l-Belt, il-moti jibdew kollha mill-qanpiena ż-żgħira sal-kbira. Fil-Kottonera mhux hekk. L-ewwel mota tibda mill-qanpiena żgħira sal-kbira, it-tieni waħda mill-kbira saż-żgħira, it-tielet waħda jibdew it-tlieta l-kbar u ż-żgħar jidħlu f’salt u jerġgħu jaqtgħu f’salt u tibqa’ l-kbira waħedha u r-raba’ mota tkun bħall-ewwel waħda.

Bħal kull ħaġa f’Malta jkollok ukoll il-pika li ddeffes denbha, speċjalment fejn ikollok parroċċi li jiċċelebraw żewġ festi. Ħoll xagħrek u ġib iż-żejt, spjegalna, jekk iddoqq xi tokk żejjed.

“Saħanistra hemm parroċċi fejn fil-festa sekondarja triq iddoqq mod u fit-titular mod ieħor. Trid toqgħod b’seba’ għajnejn,” insista.

‘L-inkwiet tiegħi huwa li dawn tradizzjonijiet li se jinqatgħu’

Bdejna nikkonkludu, b’Bugeja jisħaq li anke jekk illum sar diffiċli biex issib nies iddedikati li jdoqqu l-qniepen, l-interess għadu hemm speċjalment minn dilettanti f’lokalitajiet fejn it-tradizzjoni tal-festa hija waħda qawwija.

“Jieħdu gost jisimgħu l-moti. Jagħrfuna meta mmorru f’lokalità u jgħidulna li jieħdu gost meta mmorru aħna. Tinsix, meta qanpiena qed tindaqq minn fuq il-kampnar, tkun qed tieħu t-temp tagħha, għax l-ilsien qed jaħbat ma’ naħa u oħra u għalhekk tinstema’ isbaħ. Minn isfel, meta qed tiġbed biss ħabel, se tindaqq skont it-temp li jagħżel id-daqqaq,” spjega.

L-inkwiet ta’ Bugeja huwa li se jiġi żmien fejn ħafna tradizzjonijiet, mhux biss id-daqq tal-qniepen imma anke l-armar fil-knejjes, se jinqatgħu. 

“Mhux se nidħol fl-ispiritwalità, għalkemm anke hemm tinkwetani l-bruda, imma ninkwieta għax ma tantx issib nies. Anke biex narmaw il-knejjes. Nies tampari jinżlu l-knisja kuljum u jħossu r-responsabbilità. Iż-żgħażagħ differenti. Ftit issib li jkunu responsabbli u jidħlu għal biċċa xogħol b’ruħhom u ġisimhom,” insista.

Appella liż-żgħażagħ biex ma jiddejqux mill-volontarjat. “Għax tkun volontarju, ma jfissirx li ma tkunx kommess għal xi ħaġa. Jekk dħalt għal xi ħaġa, għandek tagħmilha sew. Jekk mhux se nieħdu ħsiebhom aħna dawn it-tradizzjonijiet, mhux se jżommuhom il-barranin jew uliedna li ġejjin warajna. Se nispiċċaw nitilfu kollox. Se nispiċċaw bi knejjes ma jintramawx, qniepen bl-imrietel, bil-kompjuter u bla gost ta’ xejn,” insista.

Kien għalhekk li temm jappella wkoll lil min imexxi l-parroċċi biex japprezzaw din it-tradizzjoni u almenu fil-ġranet tal-festa, jassiguraw li l-qniepen jindaqqu kif suppost. 

More in Socjali