20% taż-żgħażagħ ta’ 16-il sena xorbu minħabba problemi, dipressjoni jew burdati ħżiena

Riċerka mill-ESPAD u l-FSWS juri illi ta’ 13-il sena jew inqas 34% kienu diġa’ daqu l-alkoħol u 6% kienu diġa’ sikru darba f’ħajjithom 

20% tal-istudenti li s-sena l-oħra kellhom bejn 15 u 16-il sena xarbu alkoħol minħabba problemi psikoloġiċi jew inkella ta’ burdata.  Fil-fatt mistoqsijin, f’riċerka li saret, għaliex jixorbu 7% qalu li jixorbu biex “jinsew il-problemi” filwaqt li 7% oħra semmew id-dipressjoni kif ukoll nervi u li 6% qalu illi jixorbu biex iħossuhom aħjar meta jkollhom burdata ħażina. 

16% qalu li jixorbu għax jieħdu gost jagħmlu dan, 15% qalu li jikkonsmaw alkoħol għax dan jgħin biex wieħed jiddeverti aktar waqt okkażjoni bħal party u 13% qalu illi l-alkoħol jagħmel dawn l-avvenimenti u ċelebrazzjonijiet aktar divertenti. 

Minkejja perċezzjoni popolari kienu biss 8% li qalu illi jixorbu biex jintogħġbu jew biex iħossuhom aktar parti mill-grupp ta’ ħbieb. 

Dawn il-persentaġġi jirriżultaw fir-rapport nazzjonali tal-2019mill- European School Survey Project on Alcohol and Other Drugs (ESPAD) li jitratta diversi vizzji u xejriet fil-ħajja ta’ dawk fil-bidu taż-żgħożija.  Ir-rapport ta’ Malta kien magħmul minn Sharon Arpa u Petra Borg mill-Foundation for Social Welfare Services (FSWS). 

Mistoqsijin jekk jaħsbux li l-alkoħol tista’ tixtrih faċilment jew pjuttost faċilment 85% wieġbu fil-pożittiv, b’75% jgħidu li faċli tixtri inbid filwaqt li 72% jgħidu li huwa faċli li tixtri l-birra.  67% qalu li huwa faċli biex jixtru xarbiet alkħoliċi mħalltin lesti (alcopops, breezers...) u 60% jgħidu li huwa faċli li jixtru spirti (whiskey, vodka, gin ...). 

40% xorbu b’mod eċċessiv f’xahar

Mistoqsijin jekk xorbux b’mod eċċessiv, 40% tal-istudenti bejn 15 u 16-il sena – li kienu magħżulin minn 44 skola – wieġbu fil-pożittiv. ‘Xorb eċċessiv’ għal fini ta’ dan l-istudju kien meqjus bħala ħamsa minn dawn jew aktar:  Flixkun/tazza kbira tal-birra jew żewġ fliexken/tazzi żgħar jew tazza inbid jew żewġ shots jew grokki jew flixkun cider jew flixkun alkoħol mħallat.

40% qalu li ħadu ħamsa jew aktar minn dawn fl-aħħar 30 jum, b’22% jgħidu li kienet okkażjoni waħda jew tnejn, 10% qalu li kienet bejn tliet u ħames okkażjonijiet, 4% qalu li kienet bejn sitt u disa’ okkażjonijiet ta’ xorb eċċessiv f’xahar u 4% qalu li f’xahar xorbu b’mod eċċessiv iktar minn 10 darbiet. 

32% qalu illi sikru mill-inqas darba f’ħajjithom, 25% qalu li sikru fl-aħħar sena u 12% qalu li sikru fl-aħħar xahar.  It-tfajliet qalu li kienu aktar intossikati xi darba f’ħajjithom mill-ġuvintur (36% kontra 29%) u anke fl-aħħar 12-il xahar (28% kontra 23%). 

Ta’ 13-il sena 34% kienu diġa’ daqu l-alkoħol u 6% kienu diġa’ sikru darba f’ħajjithom. 

Ta’ 13-il sena 7% kienu diġa’ ħadu l-ewwel sigarett

Intant ir-riċerka staqsiet lill-istudenti wkoll dwar it-tipjip b’22% ta’ dawk bejn 15 u 16-il sena jgħidu illi pejpu minn tal-inqas darba, 12% sa ħames darbiet, 5% sa 19-il darba u 5% oħra iktar minn 20 darba. 

Intant bħal fil-każ tal-alkoħol jidher li hemm min jibda jpejjep kmieni hekk kif 7% qalu illi ħadu l-ewwel sigarett meta kien għad kellhom 13-il sena jew saħansitra inqas minn hekk.  Minn dawn 2% jgħidu li mbagħad bdew ipejpu kuljum.  Intant 15% ħadu l-ewwel sigarett fl-etajiet bejn l-4 u l-15-il sena u 4% minnhom jgħidu li mbagħad bdew ipejpu kuljum. 

Kif mistenni l-maġġoranza taż-żgħażagħ jaraw li hemm ħafna iktar riskji jekk persuna tpejjep kuljum milli jekk tieħu sigarett tal-okkażjoni. 

20% jemmnu li hija faċli li ssib minn fejn tixtri l-kokaina, 33% l-kannabis

U finalment f’dan l-artiklu l-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn ir-riżultati relatati mad-drogi u sustanzi illegali. 

Minkejja li din ir-riċerka tirrapporta użu baxx ħafna ta’ droga, għajr għall-kannabis, persentaġġ konsiderevoli ta’ żgħażagħ iqisu li huwa faċli jew faċli ħafna li ssib minn fejn tixtri d-droga. Fil-fatt 33% jaħsbu li huwa faċli li ssib minn fejn tixtri l-kannabis, 22% il-kokaina, 19% is-sedattivi mingħajr riċetta tat-tabib u 15% l-Ecstasy. 

L-aktar li tintuża f’dawn l-etajiet hija l-kannabis, issib din ir-riċerka, b’12% jgħidu li ħadu darba f’ħajjithom, 9% darba fl-aħħar sena u finalment 5% fl-aħħar xahar. 

L-użu tad-drogi l-oħrajn huwa pjuttost baxx u titla’ għal 5% biss f’każi ta’ alkoħol li jinxtorob bil-pirmli, segwiti minn 4% li qalu li ħadu cannabinoids sintetiċi filwaqt li kienu biss 2% li qalu illi ħadu kokaina u 1% ħadu l-Magic Mushrooms. 

Intant anke hawn 2% ta’ dawk li għandhom 13-il sena kienu diġa’ għamlu użu mid-droga, bis-subien (2.7%) jagħmlu aktar użu mill-kannabis, minn nisa (1.5%).  Dan filwaqt li s-subien (1%) f’dawn l-etajiet għamlu aktar użu mill-kokaina mill-bniet (0.3%). 

More in Socjali