Filmat | ‘Lili l-arti għenitni ntaffi mill-uġigħ li għaddejt minnu ... ridt nagħmel l-istess ma’ Carmel’

Ma jarax minn għajn waħda u huwa colour-blind iżda huwa wkoll designer u artist. L-ILLUM takkumpanja lil Carmel Pace u ibnu Matthew għand l-artist Alan Azzopardi li pinġa ritratt ta’ Miriam Pace biex fi kliemu jwassal imqar ftit kuntentizza lill-familja tagħha

Ħames xhur ilu, Miriam Pace tilfet ħajjitha traġikament meta d-dar tagħha, li kienet tinsab biswit sit ta’ kostruzzjoni, iġġarfet u saret terappin.  Għaddew ħames xhur minn dik il-ġurnata li waqqfet pajjiż iżda isem Miriam Pace għadu fuq fomm kulħadd.

Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet ma’ Carmel u Matthew Pace, ir-raġel u t-tifel ta’ Miriam u magħhom marret għand Alan Azzopardi, raġel li minkejja li ma jarax minn għajn waħda u huwa wkoll colour-blind, għaraf jegħleb dawn l-isfidi u ma ħalla xejn jiġi bejnu, it-talenti u l-passatempi tiegħu.

Fil-fatt, minkejja dawn il-kundizzjonijiet, Azzopardi huwa designer u l-passatemp tiegħu huwa t-tpinġija. It-teknika li biha jpinġi mhijiex normali. Jagħmel dan mhux biż-żebgħa u l-kuluri iżda bil-faħam (charcoal). Azzopardi pinġa ritratt ta’ Miriam Pace u ppreżenta dan ix-xogħol tiegħu lil żewġha Carmel. 

“Qisu ritratt,” kienet l-espressjoni ta’ Carmel, bid-dmugħ f’għajnejh, malli ra t-tpinġija ta’ martu. Kieku mhux għax tara xogħlijiet oħra ta’ Azzopardi u għax jispjega t-teknika li juża, taħseb li t-tpinġijiet tiegħu huma sempliċiment print ta’ ritratti mingħajr kulur. 

‘Ridt li ma ninsewx...’

Ix-xebh huwa impressjonanti, ir-riflessi u d-dellijiet huma wisq reali. Imma kif jirnexxielu jagħmel dan? Il-gazzetta ILLUM poġġiet bilqiegħda ma’ Azzopardi biex tifhem aħjar.

Bdiet tistaqsih dwar it-tpinġija ta’ Miriam Pace. X’waslu biex jagħmel din it-tpinġija?

Azzopardi beda jispjega kif hu l-aktar li jpinġi huma ritratti ta’ artisti internazzjonali li ma jkunux għadhom ħajjin anke biex ifakkarhom permezz tat-talent tiegħu. 

“Kulħadd jaf x’ġara. Ridt insellem lil Miriam, din il-persuna speċjali, bit-tpinġija tiegħi. Bit-tpinġija tiegħi nixtieq li ma ninsewx! Ma ninsewx kemm il-każ u min kienet Miriam,” spjega l-artist.

‘Mhux darba emozzjonajt ruħi jiena u npinġi’

Kompla jispjega kif hu ma jafx lil Carmel u lanqas lil Miriam iżda din l-istorja emozzjonatu ħafna.

“Kienet ftit emozzjonanti mhux ħażin. Jiena u npinġiha mhux darba emozzjonajt ruħi,” komla jisħaq l-artist.

‘Kienu qaluli li mhux se nkun nista’ npinġi aktar’

Kif spjegat aktar qabel, it-teknika li juża Azzopardi mhijiex komuni għax huwa jpinġi bil-faħam u aktar minn pniezel jippreferi juża subajgħ.

“Jiena minħabba l-kundizzjoni li għandi f’għajnejja tgħallimt inpinġi ftit differenti mis-soltu. Apparti li bil-faħam, ir-ritratt li jiena qed inpinġi, inpinġih rasu ‘l isfel,” beda jispjega Azzopardi. “Peress li jiena nieqes minn għajn waħda, nagħmel dan biex ma nħallix lil moħħi jiggwidani dwar dak li qed inpinġi. Jekk qed inpinġi imnieħer ma noqgħodx ngħid għax ġej kbir jew żgħir u allura noqgħod nirranga ftit ‘l hemm u ‘l hawn. Inpinġi sempliċiment id-dellijiet li qed nara fir-ritratt oriġinali u għalhekk ir-riżultat joħroġ daqshekk realistiku.”

Fil-fatt, Azzopardi joħloq it-tpinġija tiegħu mid-dellijiet. Ma jpinġix outline. Ipinġi biss id-dellijiet kif qed jarahom. 

Huwa u jkellmek jimpressjonak u timpressjona ruħek aktar u aktar meta tara r-ritratti li huwa jpinġi. Interessanti li meta tilef waħda minn għajnejh kien hemm min qallu li mhux se jkun jista’ jpinġi aktar!

‘L-arti għenitni naljena lili nnifsi ... ridt intaffi ftit mill-uġigħ ta’ Carmel’

Kien hawn li morna lura biex nitkellmu dwar ir-ritratt ta’ Miriam Pace. L-ILLUM staqsietu għaliex għażel li jippreżenta din il-pittura lir-raġel ta’ Miriam Pace.

“Ħa nerġa’ nkellmek fuq il-kundizzjoni tiegħi. Jiena għaddejt minn ħafna uġigħ. L-arti għenitni naljena ruħi. L-arti għenitni nnaqqas mill-uġigħ li kelli. Bdejt nimmaġina mil-liema uġigħ għaddej Carmel u biex bl-arti tiegħi ngħin lil ħaddieħor ikun kuntent, iddeċidejt li nagħmel din it-tpinġija u nagħtihielu,” insista l-artist.

Fil-fatt, Azzopardi ma għamilx din il-pittura biex idoqq it-trombi. Lanqas talabna mmorru għandu. Kien Carmel Pace li talabna mmorru miegħu anke biex nuru kemm għadu qed jirċievi għajnuna u appoġġ mingħand persuni differenti, mill-kbir saż-żgħir u juri l-apprezzament tiegħu u familtu.

Fil-ftit ħin li l-ILLUM għamlet l-istudio ta’ Alan ma setgħetx ma tinnutax kemm hu bniedem pożittiv. Biżżejjed tara kif irnexxielu jisfrutta dawn id-diffikultajiet li għandu.

“Jiena dejjem nagħti messaġġ wiegħed. Jiena dejjem inħares lejn il-pożittiv. Ġieli jiġu mumenti fil-ħajja fejn diffiċli tara l-pożittiv. Imma jekk tkun pożittiv, il-ħajja tkun isbaħ u eħfef,” temm jisħaq Alan. 

More in Socjali