Iħobb ħafna x-xjenza, ħadem fuq proġetti bħall-Esplora u għamel żmien ateu ... illum qassis

Studja x-xjenza. Ħadem fuq proġetti kbar bħall-Esplora. Kien beda jistudja għad-dottorat u dokumentarju qalilbu ħajtu ta’ taħt fuq. Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-saċerdot novell Christopher Bugeja

Ritratt: Dun Christopher mal-ġenituri dakinhar tal-Ordinazzjoni. (Il-Knisja f'Malta)
Ritratt: Dun Christopher mal-ġenituri dakinhar tal-Ordinazzjoni. (Il-Knisja f'Malta)

Il-ġimgħa li għaddiet, għaxart irġiel ġew ordnati saċerdoti, uħud minnhom żgħażagħ u oħrajn mhux daqstant. Din il-ġimgħa, il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ wieħed minnhom: Dun Christopher Bugeja, xjentist ta’ 36 sena li tista’ tgħid li qabel daħal is-Seminarju kellu quddiemu karriera sabiħa. Għamel żmien saħansitra jilgħab bejn ateu u anjostiku. X’waslu biex isir qassis? 

Dun Christopher daħal is-seminarju ta’ 28 sena. Dak iż-żmien kien gradwa, ġab masters minn barra minn Malta u kien beda jistudja għad-dottorat.

“Qabel dħalt is-Seminarju assolutament ma ridtx insir qassis,” beda jispjega. It-tir tiegħu kien li jżewweġ flimkien il-kommunikazzjoni max-xjenza. “Kont ninkedd ħafna li f’Malta ma kellna l-ebda programm fuq ix-xjenza.”

Fil-fatt, meta daħal l-Università, għaqqad ix-xjenza mal-kommunikazzjoni anke għax kien digà mess xi ftit mar-radju u fi kliemu fehem kemm dan il-mezz ta’ kommunikazzjoni għadu b’saħħtu. 

Huwa studja l-kommunikazzjoni u l-psikoloġija fl-Università ta’ Malta u minn hemm tela’ jistudja l-Kommunikazzjoni tax-Xjenza fir-Renju Unit.

F’Malta, huwa ħadem fuq proġetti tal-inġinerija u t-teknoloġija ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u anke pproduċa għar-radju u t-televiżjoni inkluż għal barra minn Malta. 

Dun Christopher Bugeja kien wieħed minn dawk li ħolmu bl-Esplora. “Niftakar meta ċempluli biex jgħiduli li l-Esplora, il-proġett li tant kont noħlom bih, kien wasal biex jieħu l-ħajja. Bdejt naħdem fuq l-Esplora mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Fl-istess ħin bdejt id-Dottorat barra minn Malta,” spjega s-saċerdot.

‘...imma ħassejtni niġġieled ma’ sur’

Hawn it-ton tiegħu nbidel. “Wasal żmien fejn bdejt inħossni qed niġġieled ma’ sur. Nipprova naħdem fuq id-dottorat u kollox ġej kontra. Telqet waħda mis-supervisors. Kien se jiżdied drastikament il-kont tal-Università. Problema wara l-oħra. Sakemm wasal mument li spiċċajt fis-sodda għal ġimgħa sħiħa, inħares lejn is-saqaf ma nistax niċċaqlaq,” spjega Bugeja.

Fi kliemu, bla ma trid, meta tispiċċa ġimgħa fis-sodda, issib ruħek taħseb fuq ħajtek, dak li għadda, li għandek u li trid tagħmel. “Kienet esperjenza li daħlitni f’qoxorti. Staqsejt lili nnifsi jekk il-pjanijiet għall-karriera kinux l-aħjar għalija,” insista Dun Christopher.

Fl-istess ġimgħa, beda jfittex ftit dokumentarji u fuq il-BBC laqtu wieħed jismu “Catholics.” Kien twil siegħa. 
“Niftakar biss li kien dwar Seminarju f’nofs Londra. Rajt dan id-dokumentajru tmien darbiet f’lejl wieħed. Messli l-qalba tiegħi. Fl-aħħar ta’ din il-maratona, indunajt li s-sejħa tiegħi dejjem kienet għas-saċerdozju u kont qed ninjoraha. Riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa,” spjegalna s-saċerdot novell. “Minn hemm bdejt il-mixja tiegħi.”

‘Illum qed naraw is-saċerdot kif verament hu: uman’

Ngħiduha kif inhi. Dan mhux żmien faċli għall-Knisja. Skandli ta’ xi wħud fi ħdanha heżżuha. Illum is-saċerdot ma għadux iċ-ċentru tar-raħal u forsi wkoll hawn min iħares lejh bi stmerrija. Dan kollu ma jaqtalux qalbu aktar u aktar lilu li quddiemu kellu karriera sabiħa mmens?

“Kieku għadna nħarsu lejn is-saċerdot kif konnha nħarsu lejh 50, 60 sena ilu, kieku aktar u aktar ma kontx nersaq lejn is-Seminarju. Illum qed naraw is-saċerdot kif verament hu: uman. Iva, sfortunatament, fil-Knisja, kif kien hemm f’organizzazzjonijiet oħrajn, kien hemm min hu mħassar, dak li l-Papa Franġisku jsejjaħlu ‘korrott,” jiġifieri dak li minnu se joħroġ il-ħażen li weġġa’ l-Knisja u s-Soċjetà.” saħaq Dun Christopher. “Dawn huma skalda fis-soċjetà tagħna. Irridu nitolbu ħafna għalihom u għall-vittmi tagħhom.”

Ritratt: Il-Knisja f'Malta
Ritratt: Il-Knisja f'Malta

Fi kliem Dun Christopher, għall-grazzja ta’ Alla, dawn ma kinux il-maġġoranza, iżda kif jiġri dejjem, il-ħażin se jinstema’. Dwar il-kritika li tirċievi l-Knisja, Dun Christopher fakkar li Kristu, fi żmienu, kien bniedem kontroversjali ħafna u mhux talli kkritikawh, talli qatluh.

“Jien għalija l-kritika, jekk tkun kostruttiva, hija xi ħaġa tajba għax tkun qed tgħin il-Knisja biex timxi ‘l quddiem. Jiena l-kritika tajba, tgħini,” insista. “Vera. Huwa żmien diffiċli iżda huwa żmien li jirrifletti l-isfidi li minnhom jgħaddi kulħadd inkluż il-qassis. Il-ħajja ma għandhiex tkun faċli għall-qassis għax il-qassis huwa meħud minn fost il-poplu biex ikun rappreżenant ta’ Alla fost il-poplu u għalhekk bħall-poplu għandu jgħix l-isfidi wkoll.”

Imma x-xjenza u l-fidi jmorru flimkien?

Dun Christopher huwa xjentist iżda huwa wkoll saċerdot. Imma x-xjenza u l-fidi jmorru flimkien? Ix-xjenza trid tispjega kollox. Lil Alla ma tistax tispjegah. X’jaħseb dwar dan? Kellu risposta pronta.

“Li kieku x-xjenza kellha tispjega kollox, kieku x-xjenza waqqfet. Ix-xjenza ma tispjegax kollox imma tipprova tfittex il-verità. Ma tistax tispjega kollox għax il-kollox huwa kbir wisq. Iżda kemm ix-xjenza u l-fidi qed ifittxu l-istess ħaġa: il-verità. Ix-xjenza tfittex il-verità li tista’ titkejjel, jiġifieri l-verità tal-kimika, il-bijoloġija, il-fiżika u oħrajn. Ma tistax tmur oltre. Il-fidi qed tfittex il-verità, iżda mhux dik li tista’ titkejjel iżda ta’ dak li huwa wisq kbir, dak li aħna nsejħulu d-divin,” spjega Dun Christopher.

Kien hawn li saħaq li ma jmorrux kontra xulxin, anzi fi kliemu jmorru id f’id għax it-tnejn qed ifittxu l-istess ħaġa, minn angoli differenti u għalhekk jistgħu jgħinu lil xulxin. “Ix-xjenza tgħin lill-fidi biex ma taqax fis-superstizzjoni għax dak li jista’ jitkejjel għandu jitkejjel. Il-fidi min-naħa tagħha tgħin lix-xjenza biex tmexxina ‘l quddiem fil-linja li tista’ tgħin lill-poplu. Il-fidi tista’ tmexxi x-xjenza lejn ir-riċerka kontra l-mard u mhux tħalli x-xjenza tirriċerka fuq l-armamenti. Waħda tfittex il-ħajja u l-oħra taqdi l-mewt,” spjega b’passjoni.

‘Għamilt żmien nipprova nkejjel l-eżistenza ta’ Alla bix-xjenza’

Hawn ma qattx jinħeba wara subajgħ. Fi kliemu, għamel żmien iqis lilu nnifsu ateu jew inkella anjostiku. “Ftit ftit kont qed ninduna li qed nipprova nkejjel l-eżistenza ta’ Alla bix-xjenza. Qisek qed tkejjel lil Malta bir-riga tas-sitt pulzieri. Impossibbli,” saħaq.

Illum, permezz tax-xjenza, jaf japprezza aktar dak kollu li jsib madwaru, minnu nnifsu, sal-fjura u dak kollu li jagħmilha dik li hi, in-naħla fil-kampanja u d-dinja ta’ taħt l-ilma għax Dun Christopher huwa wkoll bugħaddas. “Meta napprezza dan kollu, inħossni ċkejken u għalhekk jiftaħni għal dak li hu akbar,” spjega.

Kien hemm mument li kien se jaqtalu qalbu?

L-ILLUM tistaqsih jekk qattx kien hemm mumenti tul il-mixja tiegħu fis-Seminarju fejn ħassu li qed jaqta’ qalbu. “Iva kien hemm,” wieġeb fil-pront.

Għalih kienet deċiżjoni iebsa mhux biss li jwaqqaf id-dottorat biex ikun jista’ jiffoka fuq l-istudji tiegħu fis-Seminarju iżda anke li jerġa’ jibda jistudja kollox mill-bidu. 

Għas-sena barra, jiġifieri r-raba’ sena tas-Seminarju, Dun Christopher kien għażel li jmur jagħmel esperjenza l-Peru.  “Indunajt li rrid nitgħallem lingwa ġdida ... għaddew erba’ ħsibijiet minn moħħi. Kien hemm mumenti iebsa, imma mbagħad tibda tinduna li x’ħin iddur lejn Alla fit-talb, se tasal dik l-imbuttatura biex tkompli.”

Ritratt: Il-Knisja f'Malta
Ritratt: Il-Knisja f'Malta

Tela’ l-Peru ma jafx kelma bl-Ispanjol. Malli wasal kienet qed tistennih kopja li ma kinitx taf kelma bl-Ingliż. Fi tlett ijiem ried jiltaq sew ilsienu. Wara xahar spiċċa jmur flok il-kappillan (li miegħu kien qed jaħdem) biex jgħallem il-Bioetika fl-Università. Wara ftit kellu f’idu proġett ta’ bini. Ried jagħżel il-ħaddiema, jixtri l-materjal u jikkoreġi l-iżbalji tal-ħaddiema anke jekk hu mhux bennej. 

“Bl-għajnuna ta’ Alla wasalna. Kull ħaġa li qatgħetli qalbi, sibt l-għajnuna biex negħlibha,” wieġeb b’ottimiżmu.

‘Mill-għoqiedi f’ħajti Alla għamel bizzilla’

L-ILLUM tistaqsih jekk f’dawn is-snin kellux esperjenza li mmarkatlu ħajtu u Dun Christopher isemmi magħna tnejn. Fi kliemu, l-ewwel esperjenza li mmarkatu u li għadha timmarkah sal-lum, huwa l-mod kif Alla jaħdem fil-ħajja tal-bniedem. 

“Fil-bidu kont qed nara għoqiedi biss. Illum inħares lura u minn dawk l-għoqiedi nara disinn sabiħ. Jiena mir-Rabat. Meta kont żgħir kont nimmeravilja ruħi nara anzjana, ħdejn il-Katakombi, taħdem iċ-ċombini u minn għoqda wara l-oħra toħroġ disinn mill-isbaħ. Rajt lil Mulej jagħmel bizzilla minn ħajti,” spjega Dun Christopher.

Il-Peru ... esperjenza li mmarkatu

L-esperjenza fil-Peru u l-ħidma li twettaq il-Knisja fost dawk fil-bżonn tibqa’ wisq immarkata f’qalb Dun Christopher. “Nibqa’ impressjonat kemm il-Knisja tagħmel ġid fejn ħaddieħor ma jridx jersaq. Tagħmel il-ġid mhux għall-glorja tagħha. Tagħmel il-ġid għax in-nies huma nies,” saħaq Dun Christopher.

Hawn semma l-kappillan li miegħu kien għamel l-esperjenza, Fr Ray Portelli, li fi kliemu jaħdem meta jaf li mhu se jieħu xejn lura anke jekk jaħli l-enerġija kollha tiegħu. Dun Christopher spjega kif dan l-istess kappillan saħanistra kien talab il-permess tal-Isqof tiegħu biex ikun jista’ jistudja għal tabib għax fil-parroċċa tiegħu kien hemm bżonn li jkun hemm tabib.

“Fr Portelli huwa kappillan, tabib, lecturer tal-Università u tas-Seminarju, għandu waħda mill-aktar parroċċi ħajja fil-belt ta’ Iquitos f’nofs il-foresta Amażonika, jaħdem daqs għaxra, jaħdem ma’ ħafna nies li mhux Insara u jibqa’ jagħmel dan bi tbissima kbira,” saħaq Dun Christopher. 

Din l-istess parroċċa, bil-ħidma ta’ dan is-saċerdot Għawdxi u anke l-ġenerożità tal-poplu Malti, għandha wkoll djar ta’ rijabilitazzjoni mid-droga u l-abbuż mill-alkoħol, dar għall-anzjani, xelter għal min ma għandux fejn jorqod u anke Hospice għal dawk morda bl-Aids, it-TB u l-kanċer. F’Iquitos għal dan il-mard u kundizzjonijiet ma hemmx fejqan. “Din l-esperjenza ħalliet impatt kbir f’ħajti.”

‘Waqt l-Ordinazzjoni ħassejtni daqs dudu ċkejken’

Wara ħafna taqtigħ ta’ qalb minħabba l-COVID-19, waslet l-Ordinazzjoni. X’ħass dak il-ħin li ġie ordnat saċerdot? X’kien għaddej minn moħħu meta kien mixħut wiċċu mal-art? 

“Ir-rit fih innifsu jolqot is-sensi kollha. Għandek il-viżwal għax il-knisja tkun imżenja sabiħ, tisma’ l-kant li jqanqlek, hemm ix-xamm tar-riħa taż-żejt ifuh li bih l-Isqof jikkonsagra idejn is-saċerdot, u anke l-ħass għax min qed jiġi ordnat iħoss idejn l-Arċisqof li qed jikkonsagrah. Hija xi ħaġa li tqanqlek. Qisha mewġa li tiġi fuqek u għandek ħajtek kollha biex tifhimha. Meta kont wiċċi mal-art ħassejtni iżgħar minn dudu ċkejken. Ħassejt ix-xejn tiegħi u ħassejt li vera għandi bżonn l-għajnuna. Din il-ħajja hija kbira wisq għalija,” insista Dun Christopher.

Fi kliemu, l-aktar mument li se jibqa’ jgħożż hija d-dilka ta’ idejh biż-żejt. “Dak il-ħin għidt, dawn l-idejn ma għadhomx tiegħi, saru idejn ta’ Alla. Jien kollni kemm jien ma għadnix tiegħi nnifsi,” spjega emozzjonat.

Is-saċerdoti ġodda (Il-Knisja f'Malta)
Is-saċerdoti ġodda (Il-Knisja f'Malta)

Ma jixtieqx li jkollu mara u tfal?

Żgur li waħda mill-akbar affarijiet li saċerdot jiċċaħħad minnhom hija dik li jkollu l-familja tiegħu. Ma kinitx iebsa għal Fr Christoper li jiċċaħħad minn din l-imħabba? 

“Saċerdot ma jiċċaħħadx. Saċerdot joffri u joffri bil-qalb. Qed joffri wkoll li jkollu familja. Iva iebsa. Li jkollok 36 u taf li mhux se jkollok mara biex tħobb u tfal tiegħek, hija tqila. Imma f’dawn is-snin tħejji ruħek għal din l-offerta,” saħaq Dun Christopher. “Mhux se jkolli t-tfal bijoloġiċi tiegħi, imma se jkolli aktar tfal. Anzjana ta’ 80 sena, ratni bil-kullar u għajtitli father. L-ewwel darba nħsadt. L-imħabba li tista’ tirċievi minn familja hija sabiħa imma l-imħabba li tirċievi minn familja akbar hija sabiħa wkoll. Din hija grazzja.”

X’ikun il-messaġġ lil żgħażagħ li forsi bħalu qed iħossu s-sejħa iżda qed jirrifjutawha? “Għix dak li hu l-aħjar għalik. Il-Mulej se jagħżlek għal dak li hu l-aħjar għalik. Jekk se tagħmel dan, il-Mulej se jagħtik ħafna u int se tagħti ħafna. Jekk le, fil-fond ta’ qalbek se tonqsok il-paċi. Il-ħajja qasira wisq biex tgħixha b’nuqqas ta’ paċi.”

More in Socjali