Ritratti | 30 sena ilu ... xeni li l-Port il-Kbir ma jinsa qatt

Kieku mhux għall-imxija tal-COVID-19, bejn nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej konnha se ngħixu mumenti simili hekk kif il-Papa Franġisku kien se jżur lil Malta, għal darb'oħra fuq il-passi tal-Appostlu tal-Ġnus

Kieku s-swar tal-Port il-Kbir kellhom jitkellmu żgur li waħda mill-avvenimenti li jsemmu tkun iż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II u x-xena ta' dan il-qaddis f'nofs il-port, abbord katamaran, imdawwar b'għadd ta' bċejjeċ tal-baħar.

Kienet festa għall-poplu Malti u Għawdxi kollu u seħħet propju bħal-lum 30 sena. Ħadd qabel ma kien basar li Papa se jżur il-gżejjer Maltin aħseb u ara kemm jaqsam il-Port il-Kbir.

Kieku mhux għall-imxija tal-COVID-19, bejn nhar is-Sibt u l-Ħadd li ġej konnha se ngħixu mumenti simili hekk kif il-Papa Franġisku kien se jżur lil Malta, għal darb'oħra fuq il-passi tal-Appostlu tal-Ġnus.

Il-Papa Ġwanni Pawlu II kien l-ewwel Kap tal-Knisja Kattolika li rifes fuq Malta. Għalhekk, kif wieħed jistenna, il-laqgħa li tawh il-Maltin kienet enormi. Il-Papa kien għamel tlett ijiem qalb il-Maltin, bejn il-25 u s-27 ta’ Mejju 1990.

It-toroq minn kull fejn għadda kienu mżejna u ppakkjati bin-nies. Fjuri u karti nxteħtu mill-gallarijiet. Ħarġu l-baned, inħaraq in-nar u l-Bormliżi, b’mod spontanju ħarġu l-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni u mxew biha wara l-Papa sa Cafè Riche fejn ma kinux kuntenti qabel il-Papa lemaħha u semmieha.

Kienet l-ewwel darba li l-Maltin setgħu jilqgħu lis-suċċessur ta’ Pietru fuq il-gżira ta’ Pawlu u għalhekk għamlu minn kollox biex iħossu milqugħ. Għalhekk kantaw:

‘Viva l-Papa Ġwanni Pawlu

li għoġbu jżur lil Malta tagħna.

Għamel bħal tal-Ġnus l-Appostlu,

għall-ftit żmien joqgħod hawn magħna.’

Għalhekk, ma setax jonqos, li waħda mill-avvenimenti ewlenin kienet iż-żjara tal-Papa fil-Grotta ta’ San Pawl, fejn jingħad li Pawlu għex tul it-tliet xhur li għamel f’Malta. Jibqa’ mnaqqax f’qalb ir-Rabtin il-mument meta l-Papa poġġa waħdu f’bank, f’nofs il-Kolleġġjata Pawlina, jitlob fi knisja armata sa snienha.

Il-Papa Pollakk kien iltaqa’ mar-reliġjużi u s-saċerdoti  fil-Kon Katidral u bħala Kap ta’ Stat, kellu laqgħa mal-President u l-awtoritajiet ċivili fil-Palazz tal-Belt Valletta.

Ġwanni Pawlu kien iltaqa’ wkoll mal-qraba tal-missjunarji fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u reħielha lejn Għawdex fejn kellu laqgħa sabiħa fil-Katidral tal-Assunta. Ma setax jonqos, li l-Papa jżur is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, fejn qaddes quddiesa u saħansitra poġġa madwar ras ix-xbieha devota tal-Madonna ħames stilel.

X’aktarx li l-aktar mument spettakolari ta’ din iż-żjara kienet id-dawra tal-Papa minn Għawdex lura lejn Malta abbord katamaran. Imdawwar b’għadd kbir ta’ bċejjeċ tal-baħar, il-Papa ttieħed biswit il-Gżejjer ta’ San Pawl fejn assista għall-inżul ta’ statwa ta’ Kristu f’qiegħ il-baħar u wara ddaħħal fil-Port il-Kbir, qalb is-salut tal-kanuni u l-għajjat tan-nies minn fuq is-swar.

Kellu laqgħa ħelwa mat-tfal tal-iskejjel, quddiem in-Nunzjatura l-antika f’Ħ’Attard u ż-żgħażagħ tawh merħba kbira fl-istadjum nazzjonali.

Laqgħa oħra sinifikanti kienet fil-Kottonera, fejn il-Papa ltaqa’ mal-ħaddiema Maltin, bl-appell imqanqal tal-Papa kontra l-inġustizzja. Il-Papa kellu wkoll laqgħa ekumenika fil-Katidral tal-Imdina.

Iż-żjara ta’ Ġwanni Pawlu kienet intemmet b’quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana.

X’kien qal Ġwanni Pawlu II wara l-ewwel żjara f’Malta?

Fl-ajruport, qabel ħalla Malta, il-Papa kien qal: “Fil-ħin kollu li kont Malta bqajt impressjonat bil-mod kif il-Maltin huma marbuta bis-sħiħ mal-wirt kulturali u reliġjuż tagħhom. Ix-xewqa tagħkom li tkunu fidili lejn dan il-wirt prezzjuż waqt li fl-istess ħin tistinkaw biex tippromwovu l-iżvilupp tagħkom għall-ġid ta’ kulħadd hu ċertament sinjal ta’ tama qawwija għall-ġejjieni ta’ Malta. It-tradizzjonijiet tagħkom huma xhieda tal-għaġeb tal-karattru nazzjonali tagħkom u tal-identità tagħkom. Jalla jibqgħu jmexxukom u jsaħħukom fid-determinazzjoni tagħkom.

Ftit jiem wara, fl-ewwel Udjenza Ġenerali wara ż-żjara, kien qal hekk: “Minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta hija pajjiż b’importanza internazzjonali kbira. Il-qagħda ġeografika tagħha ffavoriet il-laqgħa ta’ kulturi u idjomi differenti. Illum ukoll Malta għadha tħaddan din il-vokazzjoni ta’ medjazzjoni fost il-ġnus tal-baħar mediterran kollu. Nittama li hija tagħraf tissokta f’din il-missjoni naturali tagħha, mingħajr ma tirrinunzja għall-patrimonju prezzjuż ta’ valuri li kisbet mill-ġenerazzjonijiet li għaddew.”

More in Socjali