‘Kwalunkwe vizzju huwa ħarba mir-realtà ... irridu naraw minn xiex qed jaħarbu t-tfal tagħna’

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ soċjologa u psikoterapista hekk kif rapport tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa wera kif l-addoloxxenti Maltin huma l-aktar li jagħmlu użu eċċessiv mill-midja soċjali. Dan x’effett se jkollu fuq ħajjithom fil-futur? Għaliex din id-dipendenza? Tista’ toħroġ xi ħaġa pożittiva minn dan kollu?

“Kwalunkwe vizzju kemm jekk tad-droga, tas-sess, għax-xiri u oħrajn huwa dejjem ħarba mir-realtà. Irridu nħarsu lejn il-ħajja tal-addoloxxenti. Jekk huma qed jispiċċaw dejjem fuq il-midja soċjali, l-internet jew il-logħob, irridu naraw minn xiex qed jaħarbu. Għaliex ir-realtà tagħhom hija daqshekk iebsa.” Hekk saħqet il-Psikoterapirsta Mariella Dimech mal-gazzetta ILLUM wara li rapport tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa wera kif l-addoloxxenti Maltin, dawk li għandhom bejn 11 u 15-il sena, huma l-aktar dipendenti fuq il-midja soċjali fost addoloxxenti minn 45 pajjiż.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ Dimech dwar l-impatt li l-użu eċċessiv tal-midja soċjali jista’ jħalli fuq is-saħħa mentali tal-addoloxxenti Maltin. Bdiet tisħaq li dan mhuwiex xi fenomenu tal-lum il-ġurnata. 

“Qabel, il-familji meta kienu jkunu fuq il-mejda flok jitkellmu kienu jaraw it-televiżjoni jew inkella jaqraw il-gazzetta flok jikkomunikaw. Illum hemm il-midja soċjali, jiġifieri l-Internet. Fejn qabel l-addoloxxenti kienu joqogħdu fil-kmamar tagħhom jisimgħu l-mużika, jaqraw jew joħolmu fid-dinja tagħhom, illum għandhom il-midja soċjali li toffrilhom l-opportunità li jikkomunikaw ma’ sħabhom,” saħqet Dimech.

Anke jekk forsi nħarsu lejn dan il-fenomenu mill-aspett negattiv biss, il-psikoterapista spjegat li hemm vantaġġi wkoll tal-midja soċjali. Anzi fi kliemha, fi żmien il-pandemija tal-COVID-19 “allaħares ma kinitx il-midja soċjali,” għax fi kliemha din offriet alternattiva għas-soċjalizzazzjoni aktar u aktar meta wieħed jiftakar li dawn spiċċaw imsakkra d-dar mill-klassijiet tal-iskola.

“L-edukazzjoni mhijiex is-suġġetti u l-marki biss, iżda aspett importanti tal-edukazzjoni hija s-soċjalizzazzjoni, jitagħlmu kif imorru mal-ħbieb, kif ikampaw mal-frustrazzjoni, kif jiffaċċjaw l-ibbuljar, kif jibnu l-immaġini tagħhom, l-identità tagħhom u oħrajn. Kieku bħalissa ma kienx hemm il-midja soċjali, kieku kien ikollna problema akbar,” saħqet Dimech. Iżda issa, aktar ma mmorru lura għan-normal, aktar iridu jsibu bilanċ.

“Jekk ir-realtà hija diffiċli, l-addoloxxenti se jsibuha aktar diffiċli biex jaħarbu bil-midja soċjali ... hawn min għandu bżonn jaħrab fil-weekend, min għandu bżonn jaħrab kuljum u min kull minuta,” saħqet Gauci. “Kull vizzju huwa ħarba mir-realtà ... irridu naraw minn xiex qed jaħarbu ż-żgħażagħ tagħna.”

Dimech saħqet li bħalissa, b’mod partikolari, ir-realtà hija diffiċli mmens. Fi kliemha, mhux faċli li l-addoloxxenti jagħmlu nofstanhar jisimgħu l-lezzjonijiet onlajn u waranofsinhar, flok joħorġu, se jsibu ruħhom xorta magħluqa fil-kamra tagħhom, x’aktarx wara l-iscreen tal-kompjuter u l-mowbajl.

“Hija stressanti ħafna,” insistiet Dimech. “Meta l-iskejjel jerġgħu jinfetħu u jkun hemm online education, l-edukazzjoni trid tagħti ħafna importanza lis-soċjalizzazzjoni skont l-età u skont il-persuni. Hemm tfal li għalihom din mhux problema u hemm tfal li qed isibuha ħafna diffiċli.”

Temmet tfakkar li l-addoloxxenti hija l-aktar perjodu importanti fil-ħajja tal-bniedem għax ma hemm l-ebda perjodu ieħor li fih persuna tinbidel daqshekk. “Minn tifel jew tifla ssir adult. Hemm bidla enormi u mgħaġġla. Hemm bżonn li fl-edukazzjoni din nagħtu kasha,” saħqet Dimech. 

Mariella Dimech
Mariella Dimech

X’sab eżett dan ir-rapport dwar l-addoloxxenti Maltin?

Ir-rapport Health Behaviour in School-aged Children (HSBC), ippubblikat mill-Uffiċċju Reġjonali tal-Għaqda Dinjija għas-Saħħa għall-Ewropa, wera kif l-addoloxxenti Maltin huma fost l-aktar dipendenti fuq l-użu tal-midja soċjali.

Fil-fatt, l-istess rapport ipoġġi lill-adoloxxenti Maltin fuq nett tal-iskala dwar l-użu “problematiku” tal-midja soċjali, fejn fi kliem sempliċi l-użu tal-midja soċjali huwa wieħed eċċessiv u jista’ jitqies bħala vizzju.

Tant hu hekk li r-rapport jispjega kif l-użu “problematiku” tal-midja soċjali huwa kkaraterizzat minn sintomi bħalma huwa n-nuqqas ta’ kontroll li jkollu impatt fuq aspetti oħra imporanti tal-ħajja. Għalhekk, f’dan il-każ, l-użu eċċessiv tal-midja soċjali jiġi b’dettriment għar-relazzjonijiet personali, kemm mal-ħbieb u l-ġenituri, fost oħrajn.

L-istudju sab kif fost l-addoloxxenti Maltin ta’ 13-il sena, 20% tal-bniet u 13% tas-subien huwa dipendenti fuq l-użu tal-midja soċjali. Il-figuri jibqgħu kważi kważi l-istess fost dawk li għandhom 15-il sena, fejn 18% tal-bniet u 17% tas-subien jagħmlu użu eċċessiv mill-midja soċjali. 

Fost l-addoloxxenti li għandhom 11-il sena, dawk Maltin irreġistraw fit-tieni post wara dawk fl-Ażerbajġan. 

B’mod globali, jiġifieri mhux f’Malta biss, 7% tal-adoloxxenti huma dipendenti żżejjed fuq l-użu tal-midja soċjali.

More in Socjali