Il-fergħat tal-BOV se jagħlqu għal jumejn u se jkun hemm qtugħ temporanju tas-servizzi bankarji

Dan sakemm il-Bank of Valletta jaġġorna s-sistemi tiegħu tal-IT

Il-Bank of Valletta se jkun qed jaġġorna s-sistemi tiegħu tal-IT u għalhekk se jkun hemm qtugħ temporanju tas-servizzi bankarji u l-fergħat se jkunu magħluqa għal jumejn.

Is-servizzi se jkunu limitati mill-Ġimgħa 27 ta’ Diċembru u l-Bank se jagħlaq nhar it-Tnejn 30 u t-Tlieta 31 ta’ Diċembru 2019 u ovvjament nhar l-Erbgħa 1 ta’ Jannar 2020.

Il-Bank jerġa'jiftaħ għan-negozju u joffri s-servizzi bankarji minn nhar il-Ħamis, 2 ta' Jannar 2020 fit-8.30 am.

Matul dan il-perjodu, il-klijenti jkunu jistgħu jkomplu jużaw il-BOV Cards u l-BOV Pay b'mod normali fil-ħwienet, ristoranti u l-positijiet l-oħra kollha, lokalment, barra minn Malta u onlajn.

Barra minn hekk, ġbid ta' flus u ċċekkjar tal-bilanċ jibqgħu disponibbli mill-ATMs kollha tal-BOV. 

Il-klijenti jistgħu wkoll jiġbdu l-flus minn ATMs oħra lokalment u barra minn Malta (tariffi normali japplikaw).

Il-Customer Service Centre se jkun qed jopera sabiex il-klijenti jkunu jistgħu jirrapportaw BOV Cards mitlufin jew misruqa u każijiet ta’ frodi.  

Is-servizzi bankarji l-oħra kollha, inkluż pagamenti, BOV Internet Banking u BOV Mobile Banking mhux ser ikunu disponibbli matul dan il-perjodu ta’ aġġornament tas-sistemi tal-IT u se jiġu interrotti skont il-ħinijiet indikati hawn taħt:

Fi stqarrija, il-Bank ħeġġeġ lill-klijenti biex iwettqu t-tranżazzjonijiet bankarji li jeħtieġu għal dan il-perjodu, sal-Ġimgħa 27 ta' Diċembru 2019 skont il-ħinijiet indikati hawn fuq, inkluż trasferimenti lejn il-kontijiet tal-Cards tagħhom sabiex ikollhom aċċess għal biżżejjed fondi ta’ flus tul dan il-perjodu.  

More in Socjali