Il-Bormliżi se jkunu qed ixammru l-kmiem biex inaddfu partijiet minn din il-Belt storika u antika.
Is-sit illum.com.mt tkellem mas-Sindku Alison Zerafa Civelli li spjegat kif il-Kunsill Lokali Bormliż se jkun qed jorganizza diversi attivitajiet ta’ tindif imferrxa matul is-sena.
L-ewwel attività minn dan il-programm se tkun qed issir nhar is-Sibt li ġej.
Fil-fatt, se jkunu qed jiġu mnaddfa ż-żoni ta’ madwar l-iskola primarja u l-iskola tal-Verdala.
“Ħsibna li jkun xieraq li meta jerġgħu jirritornaw l-iskola, it-tfal tagħna jsibu ambjent sabiħ,” saħqet is-Sindku.
Fil-fatt, nhar is-Sibt li ġej se jkunu qed jitnaddfu ż-żoni madwar l-entraturi tal-iskejjel u anke l-viċinanzi tagħhom.
Se jiġu installati wkoll bins ġodda fil-madwar.
Zerafa Civelli spjegat ix-xogħol se jibda mill-Ġimgħa fejn se jkun qed jinqata’ l-ħaxix ħażin u anke ssir ħasla bil-powerwash.
Mistoqsija minn jista’ jieħu s-sehem, is-Sindku saħqet li r-residenti Bormliżi u l-pubbliku huma mistiedna li jattendu għal din l-attività li fiha se jieħu sehem ukoll għadd ta’ għaqdiet Bormliżi.