Filmat | Jaħarbu mill-biża' u t-theddid imma jsibu l-imħabba f'pajjiżna

Wieħed minn dawn iż-żgħażagħ Tuneżini saħansitra kien mhedded minn ħuh stess ... l-illum.com.mt titkellem magħhom biex tifhem aħjar kif inhi l-ħajja ta' persuna LGBTIQ f'pajjiżhom u dak li għaddew minnu

Dali (xellug) u Chakib (lemin)
Dali (xellug) u Chakib (lemin)

Din il-ġimgħa hija dik iddedikata għal Pride, ċelebrazzjoni li tfakkar fil-kisbiet li saru favur l-ugwaljanza matul is-snin f'pajjiżna, speċjalment fl-aħħar snin.

Quddiem il-fatt li pajjiżna mhux biss mexa’ ‘l quddiem imma laħaq il-quċċata, xi kultant ninsew illi fostna hawn persuni li ġew f’pajjiżna biex jaħarbu mill-oppressjoni u d-diskriminazzjoni ta’ soċjetajiet oħrajn.

Pajjiżna qed jagħti kenn lil eluf ta’ immigranti. L-ILLUM tiltaqa’ ma’ tnejn minnhom, Chakib u Dali, żewġ personalitajiet ikkuluriti, simpatiċi u artisitiċi li sabu kenn u wens mid-diffikultajiet kbar li għadhom qed isibu persuni LGBTIQ fit-Tuneżija, f'xulxin.

Mas-sit illum.com.mt Dali jgħid li saħansita ħuħ stess kien heddu, li jekk hu gay joqtlu u qallu li jasal jagħmilha. Jekk imur lura, dan id-destin kiefer u ikrah jista’ jsir realtà. Dali mhuwiex biss persuna LGBTIQ, imma attivist għal drittijiet ta’ persuni LGBTIQ fit-Tuneżija, pajjiż Musulman.

Il-każ ta' Chakib u Dali għadu miftuħ u minkejja li ilhom f'pajjiżna sentejn sħaħ għadhom bla karti, f'limbu. Bla ċertezza u bla futur, ma jafux jibqgħux Malta jew imorrux lura u jiffaċċjaw il-perikli li hemm jistennewhom. 

(Ara x’qal Dali fil-filmat u ara l-intervista ferm interessanti ma’ Chakib nhar il-Ħadd li ġej fuq il-gazzetta ILLUM)

Filmat tal-fotografu u vidjografu Zak Farrugia

More in Socjali