Maximus, Ragnar u Bentley fost l-ismijiet li kienu rreġistrati f’pajjiżna tul l-2018
L-ILLUM tati ħarsa lejn l-lista kompluta tal-ismijiet kollha li ġew irreġistrati f’Malta tul is-sena li għaddiet
More in Socjali
L-ILLUM tati ħarsa lejn l-lista kompluta tal-ismijiet kollha li ġew irreġistrati f’Malta tul is-sena li għaddiet
Jagħżluhulek qabel titwieled u tibqa’ tużah ħajtek kollha, ta’ wħud huwa l-istess u ta’ oħrajn partikolari. Din il-ġimgħa l-ILLUM tat ħarsa lejn l-lista kompluta tal-ismijiet kollha li ġew irreġistrati f’Malta tul is-sena li għaddiet fejn b’kollox twieldu ’l fuq minn 2150 tifel u tifla.
Emma u Noah l-aktar żewġ ismijiet popolari
Skont il-lista kompluta li ġiet provduta lill-gazzetta minn Identity Malta, tul is-sena li għaddiet l-aktar isem popolari għall-bniet kien Emma. B’hekk għat-tieni sena konsekuttiva dan l-isem baqa’ l-aktar wieħed popolari fost l-ġenituri ġodda Maltin. Min-naħa l-oħra, l-aktar isem popolari għas-subien f’din is-sena kien dak ta’ Noah. Dan l-isem seraq post Luca hekk kif dan tal-aħħar kien l-aktar wieħed popolari tul is-sena 2017.
Ta’ min jinnota wkoll ismijiet oħra popolari mal-Maltin fosthom, Luca, Liam u Matteo fejn jidħlu s-subien u Mia, Valentina u Ella għall-bniet.
L-ismijiet partikolari li ġew irreġistrati
Fl-istess lista jispikkaw diversi ismijiet mhux tas-soltu fost l-oħrajn insibu, ‘Ace’, ‘Bentley’, ‘Zeppi’ u b’mod partikolari ‘Maximus,’ l-isem tal-gladjatur mill-film brillanti ta’ Ridley Scott.
L-ismijiet ispirati mill-futbol
Il-futbol huwa parti importanti fil-ħajja ta’ bosta u dan jidher biċ-ċar fil-lista ta’ ismijiet hekk kif fost l-oħrajn insibu diversi ismijiet li jidhru li ġew ispirati mid-dinja tal-futbol. Fost l-oħrajn insibu diversi tfal li ssemmew għall-plejer internazzjonali Brażiljan u ta’ Paris St Germain Neymar kif ukoll għall-istilla ta’ Juventus u l-Portugall Cristiano Ronaldo. Apparti minn hekk, tul din is-sena ġie rreġistrat ukoll l-isem ‘Milan’, tim popolarissimu Taljan.
Is-serje televiżivi jħallu effett fuq l-ismijiet Maltin
F’din il-lista spikkaw ukoll diversi ismijiet li jidhru li ġew influwenzati minn diversi serje televiżivi popolari ferm dan iż-żmien. Fost l-oħrajn ġie rreġistrat l-isem ‘Ragnar’ karattru fis-serja televiżiva popolari ferm Vikings kif ukoll diversi ismijiet mis-serje televiżiva Game of Thrones b’ismijiet bħal Aria, Theon u Brianne.
42 sena wara mewtu Elvis jibqa’ ħaj f’Malta
Għamilna referenza għal ismijiet li setgħu ntgħażlu minħabba l-influwenza ta’ xi tim sportiv jew xi serje televiżiva, għalhekk żgur mhux forsi li kellna nsemmu l-ismijiet li jidhru li ġew influwenzati mix-xena mużikali. Fosthom insibu ‘Drake’ wara r-rapper popolari, Ariana għall-kantanta u attriċi Amerikani kif ukoll Elvis għall-King tar-Rock and Roll.