Missier jgħid li l-proċess ta’ adozzjoni mill-Indja huwa ‘trasparenti’ u ‘ta’ suċċess’

Adozzjoni mill-Indja? Aġenzija Tama tassigura li saret due diligence tal-Indja u missier adottiv jassigura li l-proċess huwa trasparenti u ta’ suċċess...

It-tfal huma rigal sabiħ, li sfortunatament mhux kulħadd jista’ jkollu. Min ma jkollux tfal illum għandu iżda għażliet diversi, fost dawn, l-adozzjonijiet mill-pajjiż fejn tgħix jew inkella minn pajjiż ieħor.

Il-ġimgħa l-oħra f’rapport fuq gazzetta lokali tqajjem tħassib dwar l-adozzjonijiet mill-Indja u kemm dawn l-addozzjonijiet jistgħu jkunu marbutin ma’ traffikar tat-tfal hekk kif id-domanda għal tfal Indjani qegħda dejjem tiżdied. Ifakkar fil-kxif ta’ ‘racket’ wara rejd f’ċentru tal-adozzjoni f’Bengal kif ukoll statistika li turi illi kull sena madwar 150,000 tifel u tifla Indjani huma ttraffikati għall-iskjavitù, sfruttament sesswali u xibka ta’ tallaba organizzati, f’dan il-pajjiż iddominat mill-faqar. 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Aġenzija Tama, waħda mill-ħames aġenziji responsabbli mill-proċess ta’ adozzjonijiet f’pajjiżna, x’miżuri qed japplikaw biex jaċċertaw illi t-tfal li qed jingħataw għall-adozzjoni mhumiex frott ta’ xi forma ta’ abbuż u/jew traffikar.

Kelliema għall-Aġenzija, bdiet billi fakkret illi la Aġenzija Tama u l-ebda aġenzija oħra ma tista’ tiddeċiedi hi minn liema pajjiż ġenitur propsettiv jista’ jadotta, dak huwa xogħol l-Awtorità Ċentrali tal-adozzjonijiet f’pajjiżna.  Hija assigurat lil din il-gazzetta illi l-Aġenzija taħdem biss ma’ dawk il-pajjiżi illi din l-Awtorità Ċentrali fi ħdan il-Ministeru tal-Familja u Solidarjetà Soċjali tapprova.

Fabrizio Ellul
Fabrizio Ellul

Kompliet tassigura illi bħalma jiġri fil-każ ta’ kull pajjiż ieħor, għall-Indja sar proċess ta’ diliġenza dovuta mill-Awtorità Ċentrali tal-Adozzjonijiet f’Malta u wara dan il-proċess ingħata l-permess lill-aġenziji kollha Maltin tal-adozzjoni biex jibdew l-adozzjonijiet ta’ tfal Indjani minn ġenituri prospettivi Maltin.

Aġenzija Tama assigurat lil din il-gazzetta li hi taħdem biss ma dawk il-pajjiżi li jkunu approvati mill-awtorità. Fakkret ukoll illi jkun hemm komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet Maltin u dawk Indjani u allura jekk ikun hemm xi dubji jew suspetti dawn ikunu ċċarati bejn it-tnejn.

Tajjeb wieħed jirrimarka illi l-Indja hija firmatarja tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tat-Tfal u Kooperazzjoni fir-rigward ta’ adozzjonijiet bejn pajjiżi differenti u fl-2015 implimentat il-Gwidi għall-Adozzjonijiet tat-Tfal.

‘Il-proċess rajnieh wieħed trasparenti...’

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ukoll ma’ Fabrizio Ellul, missier li għadu kif adotta tifel mill-Indja. Fil-fatt Ellul flimkien ma’ familtu issa ilhom li ġew lura Malta mill-Indja ġimagħtejn u nofs biss.

Ellul, li jaħdem ukoll fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u allura għandu għarfien tajjeb ta’ din il-materja, jgħid li hu qatt ma ssuspetta jew ħaseb li fil-proċess tal-addozzjoni ta’ ibnu kien hemm possibilità ta’ abbuż. “Aħna l-proċess ta’ adozzjoni mill-Indja rajnieh bħala wieħed trasparenti, qatt m’għaddielna minn moħħna li seta’ kien hemm xi ħaġa mhux f’postha. Naturalment nifhmu li xi riskji dejjem jista’ jkun hemm.”  Ellul fakkar illi inti tkun qed tirranġa kollox minn aġenzija partikolari, u indirettament ma’ awtorità ċentrali.

Imma għaliex għażlu l-Indja Ellul u martu? “Għażilna l-Indja għax il-proċess huwa iktar effiċjenti, tkun taf kemm se jdum u jekk isir kollu b’suċċess tkun taf meta t-tfal se jkunu għandek,” spjega l-missier mal-gazzetta ILLUM.   

Fil-fatt Fabrizio u martu Feliciann ma kinux l-uniċi nies li adottaw mill-Indja, b’statistika mogħtija mill-Ministeru tal-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali lill-ġurnal The Sunday Times turi kif minn Jannar sa’ Ġunju ta’ din is-sena diġà ġew adottati 25 tifel u tifla mill-Indja, li huwa kważi l-ammont sħiħ ta’ adozzjonijiet mill-Indja fis-sena 2017.

‘Il-proċess sewa madwar €20,000...’

Ellul jispjega kif il-proċess ġie jiswa €20,000 b’kollox. Il-Gvern preżenti introduċa miżura illi permezz tagħha jgħin lill-koppji li jixtiequ jadottaw sal-ewwel €10,000. Mal-ILLUM jkompli jispjega kif din in-nefqa ta’ €20,000 tinkludi lukandi, biljetti tal-ajru u sessjonijiet ma’ psikoloġista li jsiru biex jaċċertaw illi l-familja jew il-persuna tikkwalifika biex tadotta. Naturalment, jispjega, il-proċess jinbidel skont il-pajjiż. Jiġifieri f’pajjiż bħall-Islovakkja, il-biljett tal-ajru ma jkunx daqshekk għoli, imma jkun hemm spejjeż oħrajn bħall-bżonn li ċerti dokumenti jkunu tradotti għall-Ingliż.

Il-missier jispjega kif il-proċess biex jadottaw mill-Indja dam ftit iktar minn sena, għalkemm ammetta li l-proċess faċilment jista’ jkun itwal.

Fil-fatt fakkar illi damu jistennew l-approvazzjoni tal-awtoritajiet Maltin madwar sitt xhur, illi tulhom saret eżaminazzjoni tal-addattabilità tagħhom biex imbagħad il-proċess ħa bejn sitt u tmien xhur biex ikun approvat mill-Indja.

‘Aħna ma ridniex IVF’

Imma għaliex adozzjoni mhux IVF? Fabrizio Ellul qal illi anke jekk il-proċess jista’ jidher twil hu flimkien ma’ martu ddeċidew li l-IVF mhux għażla għalihom. Wara li għaddew min  trawma ta’ telf ta’ tarbija ma xtaqux illi jgħaddu minn proċess illi jerġa’ jinvolvi sptarijiet. Għalhekk marru għall-adozzjoni mill-Indja u jidher ċar li ma jiddispjaċihom assolutament xejn, anzi jinsabu ferħana se jtiru bit-tifel tagħhom.  

More in Socjali