Analiżi | Charles Scicluna jissemma għall-Kardinal; Imma kemm hi possibbli din?

Fost il-Kleru Malti qed tissemma ħafna l-possibbilità li fil-futur qarib l-Arċisqof Scicluna jsir Kardinal. L-ILLUM tistaqsi lill-Kardinal Burke u tanallizza kemm dan huwa possibbli

L-Ar`isqof Charles J Scicluna; għal Kardinal?
L-Ar`isqof Charles J Scicluna; għal Kardinal?

Jekk hemm saċerdot li huwa familjari mal-kurituri tal-Vatikan u magħruf mal-ogħla awtoritajiet tas-Santa Sede, bla dubju huwa l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna li serva u għadu jservi f’waħda mill-aktar kongregazzjonijiet importanti tal-Vatikan.

Propju għalhekk li dan l-aħħar qed tikber ix-xniegħa li fil-futur qrib, l-Arċisqof ta’ Malta huwa fost il-favoriti li jkun maħtur mill-Papa Franġisku bħala Kardinal.

Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ għadd ta’ Saċerdoti, kemm dawk Djoċesani u anke reliġjużi li kollha kemm huma saħqu li l-probabbilità li l-Arċisqof Charles Scicluna jsir Kardinal hija waħda kbira, b’uħud saħansitra jinsistu li l-Arċisqof qiegħed jissemma għal Segretarju tal-Istat tal-Vatikan.

Iżda ma waqfitx hemm, hekk kif l-istess gazzetta ppruvat ukoll tistaqsi lill-Kardinal Raymond Burke dwar din il-possibbilità iżda għażel li ma jikkummentax.

Il-Kardinal Raymond Burke huwa wieħed mill-aktar Kardinali konservattivi magħrufa, mhux biss minħabba l-imħabba tiegħu għall-Quddiesa tar-Rit Tridentin (il-quddiesa l-antika), iżda anke għax mhux l-ewwel darba li ma’ Kardinali oħra wera d-dubji tiegħu fuq it-tagħlim tal-Papa Franġisku, b’mod partikolari wara l-Eżortazzjoni Appostolika fuq il-ħajja tal-familja, Amoris Laetitia.

Għal aktar minn darba, il-gazzetta ILLUM kellmet direttament lis-Segretarju tal-Kardinal Burke u spjegajnielu li nixtiequ nistaqsu lill-Kardinal jekk jaħsibx li huwa possibbli li l-Arċisqof Scicluna jinħatar Kardinal, madanakollu kull meta ntlabna nerġgħu nċemplu f’ħin partikolari, il-Kardinal qatt ma seta’ jkellimna.

L-aħħar kommunikazzjoni li kellna mas-Segretarju ta’ Burke kien ftit tal-jiem ilu, meta infurmana li l-Kardinal ma jistax ikellimna “għax se jitlaq fuq vjaġġ twil.”

Ċans akbar li jilbes il-karlotta l-ħamra...

Il-possibbilità li l-Arċisqof Charles Scicluna jinħatar Kardinal kibret fl-aħħar ġimgħat, meta l-Papa Franġisku bagħtu fiċ-Ċilí biex jinvestiga każijiet ta’ abbuż sesswali fuq minuri minn membri tal-kleru, każ li heżżeż lill-Knisja f’dan il-pajjiż.

Wara l-ewwel żjara li għamel l-Arċisqof Scicluna, fejn saħansitra ltaqa’ mal-vittmi, 34 Isqof Ċilen irriżenjaw kollha f’salt.

Ir-rapport tal-Arċisqof Scicluna kien saħansitra wassal lill-Papa Franġisku biex jammetti li żbajla fil-konfront tal-Poplu Ċilen u stieden lill-vittmi tal-iskandlu biex imorru Ruma ħalli jitlobhom maħfra, għax fi kliemu, kien għamel analiżi żbaljata ta’ dawn l-allegazzjonijiet.

Fl-aħħar ta’ Mejju, il-Papa Franġisku kien reġa’ talab lill-Arċisqof Charles Scicluna biex mill-ġdid iżur iċ-Ċilì biex ikompli jinvestiga dan il-każ u jiffoka l-ħidma tiegħu fuq id-Djoċesi ta’ Osorno fejn faqqa’ l-akbar skandlu u li allegatament intefa’ taħt it-tapit mill-Isqof tal-post, Juan Barros.

...imma din mhux l-ewwel ħatra għall-Arċisqof

Iżda apparti ċ-Ċilí, lura fl-2015, il-Papa Franġisku kien ħatar lil Monsinjur Scicluna bħala President ta’ Kulleġġ speċjali fi ħdan il-Vatikan li se jkun qed imexxi l-appelli dwar l-offiżi serji mir-reliġjużi.

Din il-ħatra mhix ċajta! Il-Kulleġġ immexxi mill-Arċisqof Scicluna huwa magħmul minn erba’ Kardinali u żewġ Isqfijiet.

L-istess Kulleġġ huwa parti mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, li l-Arċisqof Scicluna huwa familjari ħafna magħha hekk kif ħadem fiha għal diversi snin qabel ma kien maħtur bħala Isqof Awżiljarju ta’ Malta, fl-2012.

F’din il-Kongregazzjoni, Monsinjur Scicluna kien il-Promutur tal-Ġustizzja, fi żmien li kienet immexxija mill-Kardinal Joseph Ratzinger, aktar tard il-Papa Benedittu XVI. F’dak iż-żmien ukoll, il-każijiet kollha ta’ abbuż minn membri tal-kleru, kienu jgħaddu minn taħt idejh.

Mhux ta’ b’xejn li fil-Vatikan u anke fost il-ġurnalisti, l-Arċisqof Scicluna huwa magħruf bħala “l-investigatur tal-Papa.”

Tant hu hekk, li meta kien qed jirritorna Ruma wara żjara ġewwa Fatima, il-Papa Franġisku kien iddeskriva lill-Arċisqof Malti bħala wieħed mill-akbar ġellieda kontra l-abbużi fil-Knisja Kattolika.

U jekk isir Kardinal jibqa’ Arċisqof?

Jista’ jibqa’ u jista’ le. Skont dak li jiddeċiedi l-Papa.

Mhux bilfors li meta Arċisqof jew Isqof jinħatar Kardinal ikollu jħalli d-Djoċesi li kien qed imexxi biex imur jaħdem il-Vatikan. Anzi ħafna drabi, jibqgħu jmexxu d-Djoċesijiet.

Iżda l-Arċisqof Charles Scicluna qiegħed jissemma għal diversi karigi, fosthom Prefett għall-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi, l-istess kif kien il-Kardinal Ratzinger meta hu kien il-Promutur tal-Ġustizzja.

Madanakollu, il-Prefett ta’ din il-Kongregazzjoni, l-Arċisqof Luis Francisco Ladaria Ferrer għadu kemm inħatar is-sena li għaddiet u sar Kardinal fil-Konċistorju tat-28 ta’ Ġunju li għadda.

Kien hemm saċerdoti Maltin li saħansitra qalu ma’ din il-gazzetta li hemm ċans li Monsinjur Scicluna jinħatar Segretarju tal-Istat, bażikament l-aktar persuna importanti wara l-Papa u li f’idejh ikollu l-kwistjonijiet interni tal-Knisja u anke r-relazzjoni tal-Vatikan mal-pajjiżi u l-għaqdiet internazzjonali.

Iżda sa issa ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Kardinal Pietro Parolin, is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, se jkun qed jirriżenja.

Il-Kardinal Parolin għad għandu 63 sena u normalment fil-Knisja, il-Kardinali u l-Isqfijiet li jmexxu Dekasteru jew Djoċesi jirriżenjaw fl-età ta’ 75 sena u l-Papa mhux neċċessarjament jaċċettaha mill-ewwel.

Madanakollu, esperti tal-Vatikan qalu ma’ din il-gazzetta li ġeneralment, il-Papa Franġisku, qed ibiddel il-pożizzjonijiet kull meta Kardinal jagħlaq ħames snin imexxi dekasteru. F’Ottubru li ġej, il-Kardinal Parolin jagħlaq ħames snin Segretarju tal-Istat.

Imma Malta jista’ jkollha Kardinal ieħor?

Għalkemm inkunu qed naraw kbir jew nippretendu li jkollna Kardinal ieħor, ma hemm xejn xi jżomm lill-Papa Franġisku milli jaħtar Kardinal ieħor Malti.

Ma hemm l-ebda kwota fuq kemm djoċesi jista’ jkollha Kardinali u għalkemm jingħata pariri, il-ħatra tal-Kardinali tibqa’ prerogattiva tal-Papa Franġisku.

Għalhekk, minkejja li Malta diġà għandha Kardinal, l-Agostinjan Prospero Grech, xejn ma jżomm lill-Papa jekk jiddeċiedi li jaħtar Kardinal ieħor Malti.

Ħarsa ħafifa lejn il-Kardinali li ħatar il-Papa Franġisku tikkonferma li l-ħatriet huma f’idejn il-Papa li abbanduna xi ftit jew wisq it-tradizzjoni.

Fil-fatt, Arċisqfijiet li kważi kważi b’mod awtomatiku kienu jinħatru Kardinali fl-ewwel konċestorju wara li jieħdu l-pussess ta’ djoċesijiet bħal dawk ta’ Milan, Venezja u Turin, baqgħu ma ġewx maħtura mill-Papa Franġisku

Minflok, ħatar Kardinali lil dawk l-Isqfijiet li jmexxu djoċesijiet li qatt qabel ma kellhom Kardinal u li jinsabu fil-periferiji, forsi wkoll rifless tal-Papat ta’ Franġisku.

Fost dawn ħatar lil Giuseppe Petrocchi, Arċisqof tal-Aquila, belt li għadha qed tinbena wara t-terremot qawwi tal-2009, lill-Arċisqof Francesco Montenegro ta’ Agrigento li għandu f’idu wkoll Lampedusa (pajjiż iżgħar minn Malta li laqa’ għandu eluf ta’ immigrant) u anke Kardinali oħra f’Cape Verde, Tonga, il-Myanmar u l-Panama.

Il-Papa jikser it-tradizzjoni mill-ġdid…

Wara l-aħħar Konċistorju, jiġifieri dak tat-28 ta’ Ġunju li għadda, l-għadd tal-Kardinali tela’ għal 227.

125 minnhom għandhom inqas minn 80 sena u allura jistgħu jivvutaw fil-Konklavi biex ikun elett il-Papa.

Hawn ukoll il-Papa Franġisku kiser it-tradizzjoni. Il-Papa Beatu Pawlu VI kien poġġa limitu fuq kemm jista’ jkun hemm Kardinali li jistgħu jidħlu għall-Konklavi.

Mal-limitu ta’ 120 Kardinal kienu mxew ukoll il-Papa San Ġwanni Pawlu II u anke Benedittu XVI, iżda l-Papa Franġisku ddeċieda li jaqbżu.

Dan tal-aħħar kien il-ħames Konċistorju tal-Papa Franġisku wara dawk tal-2014, 2015, 2016 u tas-sena li għaddiet, jiġifieri, bejn wieħed u ieħor, il-Papa Franġisku qed jaħtar il-Kardinali darba f’sena.

Meta l-Papa jagħżel il-Kardinali ma jkunx qiegħed jagħżel biss il-persuna li għada pitgħada x’aktarx li se teħodlu postu imma anke l-konsulenti l-aktar viċini tiegħu.

Bażikament ma hemm xejn differenti bejn Kardinal u Isqof, ħlief li dawk tal-ewwel jivvutaw biex ikun elett Papa ġdid. Huma jintgħarfu għax il-karlotta, it-terħa, it-tberfila u l-buttuni tas-suttana, jew inkella l-muzzetta u l-berettin ikunu ħomor.

L-aħmar jissimbolizza d-dispożizzjoni tal-Kardinal li jekk hemm bżonn ikun lest iċarċar demmu għall-fidi.

More in Socjali