Intervista | Speċjalista tas-saqajn li qata’ siequ barra biex ikompli jiġri

Antonio Flores: Bormliż ta’ 28 sena, gradwat mill-Università ta’ Malta bħala podjatra  u f’Settembru li għadda qata' siequ barra. Għaliex? Bl-għan li jibqa' jagħmel dak li dejjem xtaq jagħmel. Jiġri.

“L-isport ma jibnix l-karattru, iżda jesponi l-karattru.” Min jaf kemm-il darba smajt din il-kwotazzjoni forsi mingħand xi għalliem tal-P.E jew inkella xi kowċ però jkolli ngħid, li l-ewwel darba li esperjenzajt din il-kwotazzjoni famuża tal-ġurnalist Amerikan Heywood Broun tieħu l-ħajja, kienet propju din il-ġimgħa. F’dar fi sqaq kwiet u tradizzjonali f’Bormla ltqajt ma’ Antonio Flores, ġuvni ta’ 28 sena li f’Settembru li għadda qata’ siequ barra bl-għan li jkompli jittrenja l-isports li tant għandu għal qalbu, l-atletika.

Staqsejt lil Antonio biex joħodni lura għall-bidu tal-istorja kiefra  tiegħu.“Kollox beda ftit ġimgħat wara t-twelid,” beda biex jispjega Antonio, “jien twelidt b’kundizzjoni magħrufa bħala ‘club foot’, kundizzjoni medika li biha s-sieq tkun imdawra u tħares lejn is-sieq l-oħra.” Antonio kompla jispjega kif minn età żgħira għadda minn ħafna operazzjonijiet u tentattivi differenti sabiex jippruvaw jidrittawlu siequ. “Meta kelli sitt snin, għaddejt minn aktar operazzjonijiet aggressivi, li fihom anke missuli l-għadam ta’ sieqi biex tiġi dritta. Kienet iddrittat però xorta waħda baqgħet diformata u  għalhekk baqgħet inqas b’saħħitha mis-sieq l-oħra. Minkejja dan, l-uġigħ kien waqaf u għalhekk stajt nimxi u nilgħab l-isports mat-tfal l-oħra, però xorta ma kontx tajjeb daqshom,” spjega Antonio.

Minkejja din id-diffikultà Antonio kien dejjem żagħżugħ li fittex l-isport u kellha tkun tellieqa ta’ 50 metru biex tiftaħlu opportunità ġdida fid-dinja tal-atletika.” Fiż-żmien tas-sekondarja, ħabat li kellna tiġrija bejn il-klassi ta’ 50 metru. Jien kont ħadt sehem fiha, u klassifikajt fit-tielet post, li għalija kont qisni ġejt fl-ewwel post għaliex għidt minkejja diżabbiltà nista' niġri xorta waħda,” irrakkonta Antonio.

Kont dejjem l-iktar wieħed li nittrenja però kaġun tad-diżabbiltà ma kontx nlaħħaq mat-tfal l-oħrajn

Minn hemm Antonio beda jipprova jsib klabb tal-atletika li seta’ jgħinu jikseb aktar taħriġ f’din id-dinja. ”Wara xi ftit żmien kont sibt klabb u bdejt it-taħriġ. Kont ħadtha b’serjetà kbira, dak iż-żmien it-tfal tal-età tiegħi kienu jitrenjaw darbtejn fil-ġimgħa. Però jien minn jeddi kont naqbad u ninżel għat-taħriġ f’ġranet żejda mal-adulti. Kif kien jarani l-kowċ kien jgħidli ‘int x’qed tagħmel hawn?’ U mbagħad hu kien itini sezzjoni li kont nista’ nagħmel għal rasi. Kont dejjem l-aktar wieħed li nittrenja però kaġun tad-diżabbiltà ma kontx inlaħħaq mat-tfal l-oħrajn, minkejja dan il-fatt għalija l-aktar ħaġa importanti kienet li nikkompeti u nieħu gost,” saħaq Antonio.

L-ewwel esperjenza tiegħu fil-Para-Olimpjadi

Il-motivazzjoni u d-dedikazzjoni ta’ Antonio fetħitlu bibien ġodda anke f’kompetizzjonijiet prestiġjużi dinjin, bħall-Para-Olimpjadi. Kompetizzjoni li hi identika għall-Olimpjadi, b’differenza li tittella’ xahar wara u jistgħu jieħdu sehem fihom nies bi bżonnijiet speċjali. Mal-ILLUM, Antonio jirrakonta l-esperjenza tiegħu f’Beijing fl-2008, “meta kkompetejt fil-Para-Olimpjadi ta’ Beijing kont tellaqt eżatt maġenb Oscar Pistorius, li dak iż-żmien kien wieħed fost l-aqwa u ma kienx qiegħed fil-kontroversja tal-lum. Kienet ħolma li saret realtà. Nieħu gost ngħid li l-ewwel 30 metru għaddejtu,” jgħid b’daħka Antonio.

Jerġa' jibda l-uġigħ fsiequ…

Sfortunatament wara din l-esperjenza sabiħa ġewwa l-Asja, Antonio reġa’ beda jbati minn uġigħ f’siequ. Hu jispjega, “ma kontx ċert x’kien u għalhekk iddeċidejt li nieqaf mill-atletika u minflok bdejt nippratika l-powerlifting.”

Minkejja dan, l-imħabba tiegħu lejn l-atletika reġgħet qanqlet fih ħsieb biex jerġa’ jieħu ċans, “ftit snin wara kont pruvajt nerġa' nibda niġri però ma kienx irnexxieli hekk kif l-uġigħ mhux talli kien jippersisti talli kien żdied sewwa u għalhekk qtajt qalbi mill-atletika. Kienet diffiċli ħafna. Hi diffiċli sakemm taċċetta li ma tistax tiġri aktar f’ħajtek. Però b’xi mod dak iż-żmien kont iffukat fuq l-istudju tiegħi fil-podjatrija (xjenza medika li tispeċjalizza fis-saqajn), u allura stajt nikkonċentra fuq hekk,” sostna Antonio.

Kienet tweġġagħni 24 siegħa kuljum. Kont inħoss tingiż kull ftit sekondi. Kienet twaqqafni milli norqod, verament kienet kiefra

Hu kompla jispjega li xi żmien wara hu kien sar jaf bi ‘brace’ li tintlibes mas-sieq u li tieħu l-piż minn fuq sieqek u l-għaksa u li tista’ tintuża waqt l-isport, din qanqlet tama ġdida f’qalb Antonio. “Kont tlajt u għamiltha barra minn Malta, ġejt lura u stajt nerġa' nibda nittrenja kienet ħolma li saret realtà. Però għal darb’oħra l-ħolma tiegħu kienet prematura, għaliex ftit ġimgħat wara reġa’ beda jħoss l-uġigħ f’siequ.

“Wara li falla dan it-tentattiv, fittixt l-għajnuna u l-opinjoni medika ta’ ħafna speċjalisti,” jgħidilna Antonio, “ħadd ma kellu soluzzjoni faċli, fuq il-mejda kelli żewġ għażliet, jew li ngħaqqad flimkien kull għadma ta’ sieqi ma’ xulxin, li fl-aħħar mill-aħħar xorta kienet se tillimitali ħajti u  ma kontx se nkun nista' niġri jew nimxi sew; jew inkella li naqta' sieqi barra. Jien mort għat-tieni għażla, li avolja kienet għażla drastika għażiltha għax f’moħħi bdejt ngħid u naħseb li fil-futur se nkun nista’ nerġa' nibda niġri, jekk għada pitgħada jkolli tfal nista’ niġri magħhom, ix-xogħol nista' nkun indipendenti. M’għandix bżonn noqgħod nistaqsi għall-għajnuna kull ħames minuti,” jgħid Antonio.

Staqsejtu jekk jistax jaqsam magħna l-ħsibijiet li għaddewlu mill-kurituri ta’ moħħu qabel ma daħħal għal din l-operazzjoni. Antonio kien pront sabiex jgħid li “jgħaddulek ħsibijiet negattivi u anke pożittivi imma fis-sitwazzjoni tiegħi jien diġà kont qed ngħix ħajja diffiċli bil-kundizzjoni tiegħi allura l-għażla kienet aktar faċli. Bniedem li qatt ma kellu problemi f’saqajh u għal xi raġuni jew oħra, it-tobba jgħidulu ‘li sieqek trid tinqata’, jaf  jeħodha iktar bi kbira. Jien min-naħa tiegħi kont ħerqan biex nerġa’ nikseb dik il-kumdità li kont tlift,” qal b’ton mill-aktar skjett iż-żagħżugħ ta’ 28 sena.

Tibda triq it-twila għar-riabilitazzjoni

Antonio għamel l-operazzjoni f’Settembru li għadda u għalkemm kif spjega hu ‘ma kinetx xi waħda twila,’ it-toqol tal-proċess beda wara.

“Ftit żmien wara l-operazzjoni beda dak li jgħidulu ‘phantom pain’, uġigħ li bażikament jiġi kkawżat meta l-ġisem jibqa’ jirreġistra l-parti nieqsa li xi darba kien hemm u għalhekk jibda jikkaġuna wġigħ f’dik il-parti. Fil-każ tiegħi kienet tweġġagħni sieqi li ma kinetx għadha hemm, u għal  dan l-uġigħ, mhux  sempliċiment kemm tgħid ħadt żewġ painkillers u għaddietlek, tieħu kemm tieħu se jibqa’ hemm,’ spjega Antonio. 

Hu kompla jgħid, “kienet tweġġagħni 24 siegħa kuljum, kont inħoss tingiż kull ftit sekondi kienet twaqqafni milli norqod, verament kienet kiefra, kont ngħid li mhux se jirnexxili nkampa biha.”

Jien kont inżomm f’moħħi li dan l-uġigħ la mhux qed jagħmel ħsara, ibqa' għaddej, iktar kemm tesponi ruħek għall-uġigħ iktar sa taddatta malajr

F’dan il-punt tal-intervista ma stajtx ma nsaqsihx x’kienet il-ħaġa, il-fattur jew anke l-persuna li żammietu għaddej mill-għarbiel. Hu kien pront sabiex jgħid, “il-futur. It-tama għall-futur, li dan l-uġigħ probabilment mhuwiex permanenti u li se jtaffi bil-mod. Meta tħoss dak l-uġigħ, f’dak il-ħin f’moħħok tibda tgħid, aħjar tieqaf, aħjar tieqaf u taċċetta li s’hawn biss tista' tasal. Però jien kont inżomm f’moħħi li dan l-uġigħ la mhux qed jagħmel ħsara, ibqa' għaddej, iktar kemm tesponi ruħek għall-uġigħ iktar se taddatta malajr. U iktar kemm taddatta malajr iktar se tiġri. Għalhekk f’moħħi  kien ikun hemm jiena qed niġri,” temm jgħid Antonio.

U issa li jista’ jerġa' jibda jiġri x’pjanijiet għandu għall-futur?

“L-għan tiegħi huwa li mhux biss nkompli niġri hekk kif diġà bdejt bil-mod it-taħriġ,  iżda li nkompli nitħarreġ sabiex nikkompeti fil-Para-Olimpjadi li se jsiru f’Tokjo fis-sena 2020.

Tlaqna mid-dar ta’ Antonio f’Bormla b’emozzjoni mħallta. Bejn id-dispjaċir li persuna tant attiv u li jħobb tant l-isports kellu jgħaddi minn tant sfidi biex fl-aħħar mill-aħħar ikun kapaċi jagħmel dak li dejjem xtaq u min-naħa l-oħra ammirazzjoni lejn il-motivazzjoni u l-persistenza li dan iż-żagħżugħ wera tul ħajtu.

Kellu bżonn id-dinja kellha ħafna nies oħrajn bħal A

More in Socjali