Il-Milied huwa sinonimu mal-ferħ u l-ħin imqatta fil-kumpanija tal-familja u tal-maħbubin tagħna. Iżda dan jidher li mhux il-każ għal kulħadd, hekk kif studju li għamlet il-Caritas tefa’ dawl fuq ir-realtà kerha ta’ nies li jqattgħu il-festi fis-solitudni.
Il-Caritas, flimkien mal-parroċċa ta' Ħad Dingli wettqu studju fir-raħal, li minnhu ħareġ li anke f’dan ir-raħal sabiħ imfawwar bl-ispirtu tal-Milied, teżisti problema soċjali gravi ta’ numru ta’ nies li qed ibatu minn solitudni.
“Mill-istudju tal-Caritas ħareġ li aktar minn nofs l-anzjani intervistati u li joqgħodu weħidhom, dawn jesperjenzaw il-problema tas-solitudni, li f’dan iż-żmien tal-Milied, tinħass ħafna aktar mill-bqija tas-sena.” Id-Direttur tal-Caritas, Leonid McKay qal dan waqt konferenza stampa li fiha sostna wkoll li “dawn il-problemi ma jidhrux biċ-ċar, imma ħarġu sew waqt dan l-istudju.”
L-Arċipriet ta’ Ħad Dingli, Eucharist Zammit, qabel ma’ McKay u żied jgħid il filwaqt li s-sbuħija ta’ Ħad Dingli tagħti impressjoni ta’ paċi u nuqqas ta’ problemi, ir-realtà hija waħda differenti ħafna, fil-mument li tidħol fid-djar tan-nies.
Fid-dawl ta’ dan l-istudju u fl-okkażjoni tal-Milied, McKay ħa l-opportunità biex iħabbar ikla tal-Milied li se torganizza l-Caritas, apposta għal nies li jgħixu weħidhom. L-ikla se tiġi organizzata taħt tinda fil-bitħa tal-kurja, fil-Furjana.
“L-iskop ta’ din l-ikla huwa li jiġi provdut ambjent familjari għal dawk li jħossuhom weħidhom u abbandunati fi żmien il-Milied,” qal McKay li żied jgħid li idealment, l-ikbar suċċess ikun kieku ħafna nies ikollhom familja ma’ min iqattgħu il-festi u ma jiġux bżonn jattendu għal din l-ikla, iżda l-verità hija li ħafna nies se jiġu, biex almenu waqt jum il-Milied, ma jkunux weħidhom.