'Qed nużaw kejl differenti li għandu riħa qawwija ta’ xenofobija'

Salvu Mallia jsostni li fil-ġrajja tal-moskea ta' Buġibba, hemm ħafna passjoni u ftit li xejn loġika

Wara li matul tmiem il-ġimgħa li għaddiet inqgħalet polemika rigward il-garaxx li qed jintuża bħala moskea mingħajr permess f'Buġibba, u l-vot unanimu kontra dan mill-Kunsill Lokali, Salvu Mallia tkellem dwar din is-sitwazzjoni, partikolarment bħala resident ta' din iż-żona.

F'opinjoni li kiteb Salvu Mallia fuq dan is-sit, anke bħala resident f'Buġibba, semma kif jeħtieġ li tiġi indirizzata l-problema u, "li wasal iż-żmien li nwarrbu l-kliem iebes ta’ wħud u l-kliem ħelu ta’ oħrajn, u xi ħadd jaqbad din il-problema serja ħafna minn qrunha,  mhux inkomplu nitfugħa taħt it-tapit għax bla dixxiplina, u nħallu l-estremiżmi jivvalenaw il-ħsieb u jġibu biss firda u mibgħeda li ma jwasslu għall-ebda soluzzjoni."

Mallia kompla jinsisti li min-naħa hemm id-dritt li kulħadd jemmen, jitlob u jadura kif irid u min-naħa l-oħra, "hemm il-biża’ msaħħa minn eżempji koroh f’pajjiżi oħra, li meta l-Iżlam jikber jibda jagħmel l-arja u għax hu reliġjon, u reliġjon minnha nnifisha hija dogmatika, mingħajr loġika u tistmerr l-integrazzjoni, għad ikun ta’ theddida li nerġgħu nsibu ruħna fil-Medju Evu."

Fil-fatt, itemm l-artiklu billi jistaqsi jekk hux qegħdin jgħaġġbuha "dawk li jgħidu li malli l-Misilmin iħossuhom b’saħħithom biżżejjed, ikunu huma stess li jwarru l-ħsieb ta’ integrazzjoni u jimponu ruħhom fuqna bħalma dejjem ġara?"

More in Socjali