Integrazzjoni jew Invażjoni?

Opinjoni ta' Salvu Mallia dwar il-Moskea f'Buġibba

Ma rridx nagħmel ġudizzju, imma nħajjar biex tinħoloq diskussjoni serja li twassal biex kulħadd jgħid tiegħu b’maturità u mingħajr passjoni għamja, biex ngħarfu dak li l-ewwel u qabel kollox, hu ta’ ġid għal pajjiżna u l-ġejjieni tiegħu.

La post hu miftuħ b’mod illegali m’għandu qatt jitħalla jaħdem, lanqas knisja

Bħalissa għaddejja burraxka sħiħa dwar il-moskea illegali ta’ Buġibba u xi ftit jew wisq nasal biex ngħid li kulħadd għandu xi biċċa raġun. L-ewwel u qabel kollox, la post hu miftuħ b’mod illegali m’għandu qatt jitħalla jaħdem, lanqas knisja. Imma mbagħad niftakar f’Paceville, fl-amnestija li ħarġet biha dan l-aħħar Deborah Schembri biex il-gvern jidher ħelu ma’ nies li ma ħaqqhomx, il-kumpless ta’ Montekristo ta’ Polidano sanzjonat saħansitra mill-President tar-Repubblika u l-boathouses turned profit making bangalows tal-Għadira u ħniżrijiet oħra tan-nuqqas ta’ dixxiplina li jrid jibqa’ jimxi biha dal-pajjiz u qed iżżomna lura milli nikbru, u jkolli nibda naħseb li hawnhekk qed nużaw kejl differenti li għandu riħa qawwija ta’ xenofobija.

Min-naħa l-oħra, kull min jisma’ l-aħbarijiet ta’ barra, ma ttieħx tort jitfantas bl-għadd dejjem jikber fostna ta’ Misilmin, li wieħed irid jifhem li mhumiex razza etnika, imma membri ta’ reliġjon li qed tagħmel ħilitha kollha biex turi lil kulħadd kemm hi intransiġenti, antikwata u perikoluża. Meta tisma’ żagħżugħ Mislem u student universitarju jistqarr li jekk isir jaf li sieħbu sar ateu ma jkellmux iżjed, jew li saħansitra jasal biex joqtlu għax joffendi min jaf xiex, qajla tista’ tibqa’ moħħok mistrieħ.

Għalija kull reliġjon ibbażata fuq kotba mimlija ħrejjef li ma jitwemmnux ta’ żmien il-bronż hija ta’ min jistmerra u ma jafdahiex lanqas ċentimetru, għax żgur li xi darba jew oħra wriet li għandha l-ħila twassal lil nies twajba jagħmlu ħruxijiet ma’ dawk li ma jaqblux magħhom f’isem il-qdusija. Biżżejjed wieħed ifakkar fil-massakru ta’ San Bartilmew tal-1572. Kien hemm żmien meta f’din in-naħa tad-dinja, bis-saħħa tas-sekulariżmu li naqqas bis-sħiħ is-saħħa tal-fanatiżmu reliġjuż, ġrajjiet bħal dawn kien għebu għal kollox u l-massakri bdew jieħdu ħsieb li jżommuhom ħajjin l-idejoloġiji totalitarji werrieta tar-reliġjonijiet totalitarji daqshom. Imma minn ftit taż-żmien ’l hawn, il-Misilmin, imsaħħan mill-ħruxijiet tal-imperjaliżmu Amerikan, reġgħu bdew iħarsu lejn ir-reliġjon tagħhom bħala qawwa politka aktar minn spiritwali u l-Jiħad reġgħet bdiet titqies bħala gwerra qaddisa kontra l-infidili u l-pagani qaddejja tax-xjaten, aktar milli t-taqbid tar-ruħ bejn it-tajjeb u l-ħażen.

Jiena nemmen li pajjiżna għandu bżonn tal-barranin u kulturi ġodda biex jitkattar u jisseddaq il-poplu u ma jibqax magħluq fih innifsu, għax minn dejjem hekk kienu l-affarijiet. Biżżejjed wieħed idur dawra mal-kunjomijiet tagħna. Imma llum ħafna qegħdin jistaqsu xi prezz għandna nkunu lesti li nħallsu għal dan it-tkabbir fl-għażla tad-DNA tagħna ħalli niffrankaw għadd ta’ problemi li jġib iċ-ċokon tagħna, fosthom saħansitra dawk ta’ saħħa. Għal dawn l-aħħar 1000 sena, il-kultura tagħna kienet minn dejjem tħares lejn il-punent u r-reliġjon Kristjana li sawbitu, u l-minaretti jiżżeffnu fis-sema tagħna flimkien mal-kampnari, ħafna jqisuhom bħala dagħwa kontra reliġjon li qajla għadhom jemmnu fiha u theddida għall-identità li qed nitilfu bis-sekondi.

Skonti, iħossu mhedded b’dan il-mod min il-kultura tiegħu tkun dgħajfa u bi ftit li xejn għeruq sodi u minn daqshekk, jista’ jkun li għandna għalxiex nitħassbu tassew, għax konna u għidna nagħtuha bis-sieq, lilha u lill-patrimonju tagħna u jekk mhux se nibdew nagħtu kashom bis-serjetà, se nispiċċaw ninbelgħu mill-kulturi li qiegħdin jitfgħu l-għeruq tagħhom fostna, flok naslu għal integrazzjoni bilanċjata bħalma dejjem ġara u kif jixtiequ jaraw li jiġri xi wħud.

Naħseb li billi noqogħdu nimpikaw mal-Misilmin li hawn fostna, ngħidu kliem iebes bħal ‘Hands off Buġibba’ u nippersegwitaw reliġjon, inkunu tassew boloh u nagħmlu l-affarijiet agħar

Naħseb li llum qabel għada, wasal iż-żmien biex nagħżlu mingħajr tlaqliq ’il fejn irridu mmorru. Mhux jekk għandniex pjaċir bil-barranin fostna jew le, imma jekk hux se nrabbu ftit tad-dixxiplina fuqna nfusna bis-serjetà, biex il-kultura tagħna issir dak li jgħaqqadna mhux il-biża’ mill-barranin, għax bil-biża’ ma tibnix pajjiż, imma tħott poplu.

Naħseb li billi noqogħdu nimpikaw mal-Misilmin li hawn fostna, ngħidu kliem iebes bħal ‘Hands off Buġibba’ u nippersegwitaw reliġjon, inkunu tassew boloh u nagħmlu l-affarijiet agħar. Għax il-persekuzzjoni dejjem ħadmet kontra min għamliha, biżżejjed wiehed isemmi l-Insara u l-Lhud, u jekk iġġegħelha tinħeba fil-katakombi, tispiċċa titlef il-kontroll fuqha u ssaħħaħ ir-rieda għall-fanatiżmu u l-martirju. Għaldaqstant inħoss li fil-ġrajja tal-moskea ta’ Buġibba hemm ħafna passjoni u ftit li xejn loġika. Min-naħa hemm id-dritt ta’ kulħadd li jemmen u jadura kif u ’l min jidhirlu u min-naħa l-oħra, hemm il-biża’ msaħħa minn eżempji koroh f’pajjiżi oħra, li meta l-Iżlam jikber jibda jagħmel l-arja u għax hu reliġjon, u reliġjon minnha nnifisha hija dogmatika, mingħajr loġika u tistmerr l-integrazzjoni, għad ikun ta’ theddida li nerġgħu nsibu ruħna fil-Medju Evu, fejn l-eretiċi tinqatalhom rashom quddiem pjazza nies, il-pedofilija issir sagrament imqaddes u mara stuprata tiġi mħaġġra minn ġemgħa rġiel, għax skond it-tradiżżjoni maskilist, seta’ kien biss it-tort tagħha u ta’ ħadd iżjed li waqqgħet lill imsejkna li niġġsuha fid-dnub.

Hemm min jinsisti li għandna nwarrbu minn fostna kull Mislem bħal fi żmien il-Kavallieri, għax il-ġrajja ta’ din ir-reliġon turi li fil-fatt mhi reliġjon xejn, imma moviment politiku espansjonistiku li jeqred jew ijassar lill-kull min imiss miegħu. Oħrajn din iħossu li hi paranojja eżagerata u jinsistu fuq l-integrazzjoni bħalma għandu jiġri fejn jitħalltu r-razez. Li hu żgur li wasal iż-żmien li nwarrbu l-kliem iebes ta’ wħud u l-kliem ħelu ta’ oħrajn, u xi ħadd jaqbad din il-problema serja ħafna minn qrunha,  mhux inkomplu nitfugħa taħt it-tapit għax bla dixxiplina, u nħallu l-estremiżmi jivvalenaw il-ħsieb u jġibu biss firda u mibgħeda li ma jwasslu għall-ebda soluzzjoni.

Qiegħdin jgħaġġbuha dawk li jgħidu li malli l-Misilmin iħossuhom b’saħħithom biżżejjed, ikunu huma stess li jwarru l-ħsieb ta’ integrazzjoni u jimponu ruħhom fuqna bħalma dejjem ġara?

Niftiehemu, jekk l-Iżlam jibqa’ għaddej kif inhu llum, ma nistagħġeb xejn li t-triq naturali għaċ-ċiviltà dekadenti tal-punent tkun li ssir Misilmina kif Ruma saret Nisranija u f’dak il-każ, dawn l-argumenti huma kollha għal xejn għax bħas-soltu, aħna ninbelgħu minn min hu l-aktar b’saħħtu! Biss sadattant, hemm bżonn li jinħoloq forum pubbliku fejn kulħadd jitkellem ċar u jsemma’ dak li jrid, biex jittieħdu deċiżjonijiet razzjonali dwar il-ġejjieni demoġrafiku u kulturali ta’ pajjiżna.

Mingħajr ma rrid, mill-ewwel jiġuni f’rasi għadd ta’ mistoqsijiet: Hu possibbli li reliġjon u mhux razza,  tintegra meta qiegħda turi biċ-ċar, li hi daqstant iebsa u bla kompromessi? Qiegħdin jgħaġġbuha dawk li jgħidu li malli l-Misilmin iħossuhom b’saħħithom biżżejjed, ikunu huma stess li jwarru l-ħsieb ta’ integrazzjoni u jimponu ruħhom fuqna bħalma dejjem ġara? Jista’ jkun li l-ħniena u l-mgħodrija li aħna nqisuħ bħala virtù, għal ħaddieħor huma dgħufijiet li jista’ jisfrutta biex juża’ kontrina?

Jista’ jkun li sar iż-żmien sew, biex mingħar preġudizzju minn kulħadd, naqtgħugħa darba għal dejjem b’min u biex għanda pjaċir, u ’l min nistgħu nafdaw fostna jew le?

More in Socjali