
Aċċessibbli jew le? Żewġ Kunsilli, lukanda u ħwienet iwieġbu
Numru ta' entitajiet li jissemmew fir-rapport tal-KNPD iwieġbu mistoqsijiet tal-illum.com.mt dwar ilmenti mressqin fil-konfront tagħhom
minn Veronica Lynn Mizzi

Rapport annwali maħruġ mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbiltà juri kif bejn l-2014 u l-2015, il-Kummissjoni ħadmet fuq total ta’ 327 ilment, li 203 minnhom kienu ilhom pendenti mis-snin ta’ qabel, b’uħud imorru lura snin. Meta persuna b’diżabbiltà jkollha lment kontra xi entità, il-Kummissjoni tħeġġeġ li l-persuni jkunu attivi u jressqu l-ilment tagħhom huma stess, direttament lill-kumpanija jew entità li jħossu li għandha tagħmel xi ħaġa sabiex jitjieb is-servizz jew l-infrastruttura preżenti, u minn hemm, jekk ma tkunx instabet soluzzjoni, tintervjeni t-‘Taqsima Att Dwar Opportunitajiet Indaqs’ fi ħdan il-KNPD sabiex jibdew id-diskussjonijiet u tkun tista’ tinstab soluzzjoni.
Dan ir-rapport juri l-ħidma li twettqet u l-ilmenti li ġew indirizzati bejn Ottubru tal-2014 u Settembru tal-2015.
Minkejja l-ħidma li saret, jiġifieri l-konklużjoni ta’ 37% tal-ilmenti jew 120 ilment matul dan il-perjodu, għad fadal 202 ilment li għadhom mhux magħluqin, iżda bdew jiġu diskussi. L-ilmenti jvarjaw minn kwistjonijiet relatati mal-edukazzjoni, djar u l-għoti ta’ oġġetti u servizzi. L-akbar numru ta’ lmenti magħluqin kienu fil-konfront tal-Gvern, waqt li saru lmenti wkoll kontra entitajiet privati, il-Kunsilli Lokali u l-Knisja.
Għaldaqstant, il-gazzetta ILLUM iddeċidiet li ssegwi wħud mill-ilmenti li tressqu għand il-KNPD u li għadhom ma ġewx konklużi sabiex tara jekk kienx hemm xi żviluppi minn mindu nfetħu u jekk hux qed tittieħed azzjoni biex tiġi solvuta s-sitwazzjoni.
Il-gazzetta tkellmet ma’ żewġ kunsilli lokali u erba’ kumpaniji li kellhom ilmenti miftuħa fil-konfront tagħhom rigward l-aċċessibbiltà fil-post li fih joperaw jew li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom.
L-ebda entità ma kienet taf bir-rapport
F’diversi okkażjonijiet, meta ġew ikkuntattjati għal reazzjoni dwar l-ilmenti miftuħa fil-konfront tagħhom, l-entitajiet konċernati ma kinux ċerti kif se jwieġbu, minħabba li f’xi każi, sostnew li lanqas biss kienu jafu bl-ilment. Mit-tweġibiet mogħtija, deher biċ-ċar li kważi l-ebda entità ma kienet taf bir-rapport annwali tal-Kummissjoni, li jkollha elenkata lista tat-tali lmenti.
F’kummenti ma’ din il-gazzetta, iċ-Chairperson tal-KNPD, Oliver Scicluna sostna li dawn l-ilmenti jittieħdu b’serjetà kbira mill-istess Kummissjoni, u kull tip ta’ korrispondenza dwar tali lmenti tibqa’ tinżamm għar-referenza sakemm jingħalaq.
Kunsill Lokali Ħal Qormi
Fir-rapport annwali tal-KNPD, jissemmew diversi lmenti fil-konfront ta’ Kunsilli Lokali minħabba li taħt ir-responsabbiltà tagħhom, taqa’ l-parti l-kbira tal-infrastruttura fit-toroq, bħal bankini, arbli u ġonna fost l-oħrajn. Fil-fatt, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi kellu żewġ ilmenti li t-tnejn li huma nfetħu f’Mejju tal-2013. L-ilmenti kienu jgħidu li kien hemm nuqqas ta’ aċċessibbiltà fil-bankini tal-lokalità, waqt li l-ieħor kien jgħid li kien hemm nuqqas ta’ aċċessibbiltà fi Triq San Franġisku, fl-istess lokalità.
Meta kkuntattjat, l-uffiċċju tal-Kunsill Lokali kkonferma li kien irċieva l-ilment dwar Triq San Franġisku, iżda sostna li l-ilment l-ieħor qatt ma wasal għand il-Kunsill. Fil-fatt, kelliem għall-Kunsill Lokali Ħal Qormi qal li l-problemi li kien hemm fl-imsemmija triq, ġew solvuti ftit tal-ġimgħat ilu.

L-istess kelliem saħaq ukoll li l-kunsill huwa konxju li minkejja dan, xorta waħda hemm numru ta’ bankini li għadhom mhumiex aċċessibbli, waqt li tkellem dwar pjan li qed jaħdmu fuqu biex jiġu indirizzati dawn il-problemi, bin-nefqa għal dan tkun ta’ €75,000 bejn l-2015 u l-2016. Dan jiġi wara stħarriġ li sar sabiex tiġi determinata l-aċċessibbiltà fil-lokalità u jkunu jistgħu jingħataw prijorità, dawk il-każi li jkunu iktar urġenti.
L-istess kelliem fakkar li bħala Kunsill Lokali, Ħal Qormi rnexxielu jirbaħ il-premju tal-aktar Kunsill li ħadem favur l-aċċessibbiltà, partikolarment bil-bini tal-ewwel bandli armat b’logħob kompletament aċċessibbli (kif jidher fl-istampa).
Minkejja dan, saħaq il-Kunsill, hemm numru ta’ toroq, partikolarment fil-qalba tal-lokal li ma jsegwux il-linji gwida al-KNPD u jistgħux isegwuhom minħabba li t-toroq huma antiki u dojoq ma tistax tinstab soluzzjoni realistika biex dawn ikunu aċċessibbli minħabba li jgħaddi t-traffiku minnhom.
Kunsill Lokali Gżira

Fil-lokalità tal-Gżira, kien hemm ukoll żewġ ilmenti li jirrigwardaw l-aċċessibbiltà, waħda partikolarment fi Triq Turu Rizzo u ilment ieħor rigward bankina quddiem dar tal-anzjani, biż-żewġ ilmenti jinfetħu matul l-2013, f’Jannar u April rispettivament.
Meta mistoqsi minn din il-gazzetta rigward dawn l-ilmenti, il-kelliem għall-Kunsill Lokali mill-ewwel irrimarka l-problemi partikolari u speċifiċi li għandha Triq Turu Rizzo għaliex hija sitwazzjoni li l-Kunsill ilu jaf biha għal snin, iżda fil-preżent ma jistax isolviha. Il-kelliem jgħid kif minħabba li l-bini residenzjali li jinsab fit-triq huwa antik, fiż-żmien saru xi xogħlijiet strutturali li wasslu biex il-bankina sservi ta’ pedament għad-djar, u għaldaqstant mhux faċli li jsiru x-xogħlijiet fuq it-tali bankina, anke minħabba li tinvolvi xogħlijiet fuq djar privati, minn fondi pubbliċi tal-Kunsill.
L-ilment l-ieħor fil-konfront tal-Kunsill, ikompli jsostni l-kelliem, kien wieħed temporanju minħabba li kien hemm xi xogħlijiet għaddejjin f’dik it-triq, li iżda ssolvew fi żmien qasir.
Bank APS
L-ilment fil-konfront tal-Bank APS kien infetaħ lura f’Mejju tal-2013 u kien isostni li t-touch screens tal-magni tal-ATM li kellu l-bank, kellhom nuqqas ta’ aċċessibbiltà biex jiġu użati.
Meta din il-gazzetta tkellmet ma’ rappreżentant tal-kumpanija, dan ċaħad li hemm xi tip ta’ nuqqas ta’ aċċessibbiltà fejn għandu x’jaqsam l-użu tal-magni tal-ATM. Fil-fatt sostna li kull magna tal-ATM hija mgħammra b’funzjonjiet t’ assistenza bil-vuċi permezz ta’ headphones, għall-klijenti tal-bank li huma neqsin mid-dawl.
Europharma
Ilment li nfetaħ f’Marzu tal-2009 kien fil-konfront tal-ħanut Europharma f’Birkirkara, fejn l-ilment kien jgħid li kien hemm nuqqas ta’ aċċessibbiltà fil-ħanut il-ġdid tal-kumpanija.
F’kuntatt ma’ din il-gazzetta, kelliem għall-kumpanija kkonferma li kien hemm kwistjoni pendenti fejn kellu x’jaqsam il-lift li jwassal għall-entratura tal-ħanut. Il-kelliem spjega kif il-lift għas-siġġu tar-roti ġie installat fil-post iktar minn ħames snin ilu wara konsultazzjoni u l-approvazzjoni tal-KNPD, iżda matul l-installazzjoni kien hemm problemma bit-twaħħil tal-poġġaman, fejn dan ġie mwaħħal man-naħa ta’ ġewwa tal-platform, minflok ma’ barra, bil-konsegwenza li l-ispazju għal siġġu tar-roti fuq il-lift ċkien b’madwar 10ċm. Dan wassal biex tipi ta’ siġġu tar-roti li jkunu kbar ħafna fid-daqs, li l-kelliem sostna li mhumiex komuni, ma jkunux jistgħu jagħmlu użu minn tali lift.

Madankollu, insista l-kelliem, xorta waħda, siġġu tar-roti b’dimensjonijiet normali, jidħol sew u jista’ jagħmel użu mil-lift u l-faċilitajiet tal-ħanut, faċilment. Żied jgħid li fil-preżent, il-kumpanija għaddejja b’diskussjonijiet sabiex ikun jista’ jsir it-tibdil meħtieġ ħalli l-lift ikun jista’ jintuża fid-daqsijiet oriġinali li kienu intenzjonati.
Il-kelliem temm jgħid li filwaqt li huwa importanti li jiġu solvuti kwistjonijiet ta’ titjib fl-aċċessibbiltà bħal dawn, ikun iktar għaqli li kieku jkun hemm iktar ħidma u ffukar fuq postijiet li lanqas huma aċċessibbli xejn għal persuni b’diżabbiltà.
Marks & Spencer
Fost l-ilmenti, kien hemm ukoll dawk fil-konfront ta’ entitajiet privati jew kumpaniji, bħal ħwienet, li ħafna drabi jkunu joffru xi tip ta’ servizz.

L-ilment fil-konfront ta’ Marks & Spencer, li nfetaħ f’Marzu tal-2014 kien li l-‘platform lift’ li għandu l-istabbiliment huwa bil-ħsara. Fil-fatt, meta din il-gazzetta kkuntattjat lill-istabbiliment, dawn ikkonfermaw li minħabba diżlivell bejn il-bankina u l-ħanut fil-Belt Valletta, kien hemm bżonn ta’ xi xorta ta’ lift. Fil-fatt, il-kelliem għall-ħanut ikkonferma li f’Novembru li għadda, il-kumpanija installat dan il-platform lift, wara li saru d-diskussjonijiet u l-awtorizazzjonijiet neċessarji mal-KNPD rigward id-dimensjonijiet u l-funzjonijiet li għandu jkollu tali lift.
Lukanda Riviera
Ilment partikolari li tressaq quddiem il-KNPD kien fil-konfront tal-lukanda Riviera. L-ilment, li nfetaħ lura f’Marzu tal-2009 kien ġeneriku wisq u ma jispeċifikax fejn kien hemm il-problema, billi jgħid li hemm ‘nuqqas ta’ aċċessibbiltà fil-lukanda’.

F’kuntatt li għamlet din il-gazzetta, il-lukanda kkonfermat dan l-ilment u żiedet tgħid li ġie riżolt minn dakinhar sal-lum. Qalet ukoll li meta nfetħet il-lukanda, id-dimensjonijiet tal-kmamar kienu konformi mal-linji gwida, iżda meta dawn inbidlu, kienet diffiċli li jitkabbru l-kmamar. Minkejja dan, insistiet il-kelliema, il-bibien u l-aċċess lejn kull parti tal-lukanda kien tajjeb. Fil-fatt, semmiet ukoll kif il-lukanda hija waħda mill-ftit li għandha lift għal-pool sabiex anke din il-faċilità tal-lukanda tkun miftuħa għal kulħadd.
Minbarra dan, l-istess kelliema xtaqet tirrimarka li f’Novembru li ġej, il-lukanda se tkun qed tagħlaq temporanjament sabiex tagħmel xi xogħlijiet li għandhom iwasslu biex fost l-oħrajn, il-lukanda jkollha 16-il kamra, minn 350 li tkun immirata għall-aċċess ta’ persuni b’diżabbiltà, b’approvazzjoni mill-istess KNPD.


.png)