Rapport Caritas: Ġenitur waħdu, li jikri post u għandu karozza jmur €230 minn taħt fix-xahar

L-ILLUM tagħti ħarsa fid-dettall lejn l-istudju tal-Caritas u kif familja tkampa b'paga minima ... familja b'ġenitur wieħed dejjem tibqa' minn taħt

Mingħajr flus ftit li xejn tista’ tagħmel xorti, il-Malti jgħid li mingħajr flus la tgħannaq u lanqas tbus. F’pajjiż bħal Malta, li jista’ jitqies bħala wieħed medjament affluwenti u f’ambjent fejn it-titjib ekonomiku huwa wieħed mill-aktar qawwi, bħalissa huwa faċli ħafna li wieħed jinsa li mijiet, jekk mhux eluf ta’ nies qed jitħabtu biex iwasslu l-paga tagħhom sal-aħħar tax-xahar. 

Mhux xi ħaġa aljena li tisma’ lil xi ħadd jgħid li ma jafx kif se jasal sal-aħħar tax-xahar, u kif qed jipprova jġebbed kemm jista’ l-paga biex ikun jista’ jmantni familja sħiħa. 

Ir-rapport riċerkat tal-Caritas, ippubblikat l-ġimgħa l-oħra juri li minkejja inċentivi li Gvernijiet wieħed wara l-ieħor ħadu fil-forma ta’ benefiċċji jew traħħis ta’ kontijiet, xorta jibqa’ mill-aktar diffiċli li wieħed ilaħħaq mal-ispejjeż neċessarji biex ikun jista jgħix (u jgħajjex) b’mod diċenti. 

L-ewwel fattur interessanti tar-rapport huwa l-ammont minimu li tliet tipi ta’ familji jeħtieġu biex ikunu jistgħu jgħixu b’mod diċenti u jkollhom il-ħtiġijiet bażiċi li wieħed jeħtieġ fil-ġurnata tal-lum. Familja magħmula minn żewġ adulti u żewġt itfal teħtieġ €954 fix-xahar biex tkun tista’ tkopri spejjeż bażiċi. Ġenitur waħdu b’żewġt itfal jeħtieġ €766, filwaqt li koppja anzjana ta’ ’l fuq minn 65 sena, tkun teħtieġ €544 fix-xahar. 

Jekk wieħed iqabbel dawn l-ammonti mal-paga minima, isib li fil-każ ta’ żewġ adulti b’żewġt itfal u fil-każ ta’ ġenitur waħdu, fiż-żewġ każi bi dħul singolu ta’ paga minima, dawn mhumiex biżżejjed biex iwasslu lill-membri ta’ dawn il-familji sal-aħħar tax-xahar. Il-paga minima, hekk kif maħduma mid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi (DIER) għal dawk li għandhom minn 18-il sena ’l fuq tlaħħaq il-€168 fil-ġimgħa, li tfisser €672 kull erba’ ġimgħat. 

Dan ifisser li l-aktar li jintlaqat ħażin huwa ġenitur waħdu b’żewġt itfal. Fil-fatt, f’każ li l-omm jew il-missier ikollu dħul ta’ paga minima, dan ikun €94 minn taħt. Fil-każ ta’ familja b’erba’ persuni bi dħul singolu minimu, id-diskrepanza bejn id-dħul minimu u l-ispiża minima għal ħajja diċenti tiżdied għal €282. F’każ li ż-żewġ ġenituri f’din il-familja jkollhom impjieg u t-tnejn għandhom dħul minimu, allura d-dħul totali jiżdied għal €1,344 kull erba’ ġimgħat. F’dan il-każ, wara li jitħallsu l-ispejjeż bażiċi, il-familja jkun għad fadlilha €390 oħra fix-xahar.

Il-kirja kummerċjali...pjaga reali

Kif irrapurtat fuq il-gazzetta ILLUM ta’ nhar il-Ħadd li għadda, il-kirjiet kummerċjali qed jogħlew sew bħalissa, minħabba domanda qawwija, speċjalment minn klijenti barranin li qed jiġu jaħdmu f’pajjiżna, f’oqsma bħall-gaming. 

Il-basket li reġgħet ifformulat il-Caritas, jirrigwarda l-ispiża minima iżda jieħu in kunsiderazzjoni biss kera ssusidjata mill-Awtorità tad-Djar. B’hekk fl-ammonti li għadna kif semmejna, il-kera hija ‘artifiċjalment’ baxxa u tlaħħaq biss is-€16.42 fix-xahar, jew €197 fis-sena. 

Il-Caritas, f’dan l-istudju żżid tgħid li fil-fatt huma ħafna dawk li jgħixu fi proprjetà li hija mikrija mill-privat u li fuqha titħallas kera kummerċjali.  F’dan il-każ, l-ispiża minima tinbidel b’mod drastiku. Ir-rapport juri kif b’kirja minima ta’ €300 fix-xahar għal proprjetà kummerċjali, kull tip ta’ familja jkollha toħroġ €53.50 oħra fix-xahar (meta tnaqqas l-ispiża ta’ post issusidjat). Dan ifisser li l-ispiża minima kull xahar titla’ għal €1,000 għal familja b’żewġ ulied, €819 għal familja b’ġenitur wieħed u €597 għal koppja anzjana. 

F’dan il-każ, id-diskrepanza bejn id-dħul minimu tiżdied sew, bil-persuni li jgħixu waħedhom ikunu l-iktar li jbatu. Ġenitur waħdu b’żewġt itfal fuq paga minima u li qed jikri post għax, biex nagħtu eżempju qed jistenna post tal-Gvern, ikollu joħroġ €147 lil hinn mid-dħul mill-paga minima. 

Ir-rapport SILC (Statistics of Income and Living Conditions) tal-2013 juri kif f’pajjiżna, 23.2% ta’ dawk li jgħixu f’postijiet mikrija u 23.7% tan-nies li jgħixu f’postijiet tal-Gvern jew fejn in-nies mhumiex sidien diretti, huma fqar. 

L-ispejjeż ikomplu jiżdiedu b’karozza

Il-basket kif inhu, anke meta żidna l-ispiża ta’ proprjetà b’kirja kummerċjali, xorta ma’ jkoprix spejjeż oħrajn relatati ma’ karozza privata. Fil-fatt, l-ammont jinħadem fuq il-bażi li l-persuni li jgħixu f’din il-faxxa ta’ spiża minima jużaw, b’mod esklussiv, it-trasport pubbliku. 

F’każ li persuna jkollha karozza, l-ispiża li tinkludi l-liċenzja, l-assigurazzjoni, manutenzjoni tal-karozza, fuel u t-test tal-VRT kull sentejn, titla’ b’€82 fix-xahar. 

B’hekk, l-ispiża minima terġa’ titla’ għal darb’oħra għal kull tip ta’ familja. Ġenitur waħdu b’paga minima li jikri post u li għandu karozza, jara l-ispiża minima tiegħu ta’ kull xahar tiżdied għal €900 kull xahar. Dan huwa kważi €230 iktar mill-qligħ mill-paga minima nazzjonali. 

Żdiedet ix-xirja, naqas il-kont u bqajna fejn konna?

Dan huwa t-tieni studju simili li għamlet il-Caritas, jiġifieri wieħed jista’ faċilment iqabbel fejn għola u fejn raħas il-basket ta’ spiża minima llum, meta mqabbel mal-2012. 

Fil-fatt, minn eżerċizzju li sar din il-ġimgħa mis-sit illum.com.mt, kien innutat kif l-akbar roħs fl-ispiża kien fejn jirrigwarda kontijiet tad-dawl u l-ilma wara t-tnaqqis għall-familji li daħħal il-Gvern preżenti skont il-wegħda elettorali tal-Partit Laburista. Fil-fatt, il-basket tal-Caritas juri kif fuq id-dawl biss, familja b’żewġt itfal iffrankat €24 fix-xahar; minn €36.85 fl-2012 għal €13 fl-2015. L-ilma wkoll raħas għal din il-familja hekk kif l-ispiża ta’ €15.47 fl-2012 issa niżlet għal €10, jew roħs ta’ €5.47 fix-xahar. 

Ġenitur waħdu ra l-ispiża fil-kontijiet tonqos b’€28.47 mill-2012 sal-lum, filwaqt li koppja anzjana ta’ aktar minn 65 sena rat tnaqqis ta’ kważi €27 fl-ispiża fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Ir-roħs jibda jittiekel mill-ewwel

Iżda dan it-tnaqqis fl-ispejjeż mill-ewwel jibda jittiekel minħabba żidiet notevoli fil-prezzijiet tal-ikel. Fil-fatt, l-istudju tal-Caritas juri kif bejn l-2012 u l-2015 kien hemm żieda ta’ €53 fix-xahar fl-ispiża ta’ familja b’żewġt itfal f’dak li jirrigwarda xirjiet ta’ ikel biss. L-istess studju juri kif għall-ikel, dawn il-familji llum qed jonfqu madwar €517.56 fix-xahar biex ikunu jistgħu jixtru ammont ta’ ikel bażiku li bih il-familja tkun tista’ tgħix u jkollha nutrizzjoni adegwata. Dan jimmarka żieda ta’ €53 mill-istess basket li l-Caritas kienet użat fi studju simili fl-2012 fejn l-ispiża totali għall-istess tip ta’ familja kien jammonta għal €467.27 fix-xahar.

Din l-ispiża żdiedet b’€35 għal dawk il-ġenituri li huma waħedhom u €28 għal koppja anzjana ta’ iktar minn 65 sena. 

Spejjeż oħrajn bħal dawk relatati ma’ mobile, televixin u telefon tad-dar baqgħu prattikament l-istess. Intant kien hemm tnaqqis ukoll fil-prezzijiet tal-gass, li l-maġġor parti tagħhom kienu mikulin minn spejjeż relatati ma’ xiri ta’ oġġetti relatati mal-iskola (stationery, printing u oġġetti oħrajn relatati mal-edukazzjoni).

More in Socjali