Klassifikati wara l-Ingilterra u pajjiżi fil-lvant tal-Ewropa, Malta għanda fost l-ogħla numru ta’ tqala fost żgħażagħ taħt it-tmintax il-sena. Dan skont statistika li saret aktar kmieni din is-sena, fejn rat li filwaqt li Malta għanda numru iżgħar ta’ żgħażagħ sesswalment attivi meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-UE u l-Istati Uniti, in-numru ta’ tqala huwa fost l-ogħla.
Fattur determinanti huwa li hawn Malta l-abort huwa illegali, iżda mhux biss. Min-numru ta’ tfajliet tqal taħt l-età ta’ 18-il sena, il-maġġoranza jqisu l-abort bħala ħaga ħażina u immorali.
Dawn it-tfajliet kienu parti minn grupp ta’ studju dwar it-tqala fost tfajliet taħt it-tmintax-il sena, immexxi min Dr. Andreana Dibben, mill-Università ta’ Malta. Dibben tkellmet dwar dan l-istudju u fenomeni soċjali simili fil-programm ‘Għandi xi ngħid’ ma’ Andrew Azzopardi fuq Radju Malta.
L-istudju ta’ Dibben iffoka fuq l-effetti soċjali li jaffetwaw it-tfajliet żgħażagħ, mhux biss waqt u wara t-tqala f’età prematura, iżda li jibdew mill-imġiba li s-soċjetà tippretendi aktar minn tfajla milli minn ġuvni. Tfajla trid tkun aktar kawta fl-imġiba tagħha, u filwaqt li ġuvni ta’ sittax-il sena jidher bħala ‘cool’ u ‘playboy’ meta jiftaħar dwar konkwisti sesswali tiegħu, it-tfajliet għadhom jiġu ttimbrati b’mod ħażin, ikompli jgħid l-istudju.
Fejn tidħol il-paternità, raġel għad għandu l-possibbiltà li jżomm il-fatt mistur mis-soċjetà, waqt li għal tfajla huwa bioloġikament impossibbli.
L-istudju ta’ Dibben jara kif l-irwoli sesswali bejn ġuvintur u tfajliet għandhom piż ta’ konsegwenza ferm differenti bejn it-tnejn. Għal ċerti ġuvintur irresponsabbli, l-istorja tintemm wara r-rapport sesswali, li huwa l-istant fejn il-konsegwenzi drastiċi fil-ħajja ta’ tfajla jibdew, jekk din tinqabad tqila.
Ħafna mit-tfajliet li pparteċipaw fl-istudju, kienu għadhom f’relazzjoni ma’ missier it-tarbija, allura l-istudju ta’ Dibbens, indirettament jittratta ftit dwar il-missirijiet ukoll u l-irwol ta’ appoġġ li jistgħu joffru lis-sieħba tagħhom waqt it-tqala. Għal darb’oħra, anke f’dan il-każ, l-irwol tat-tfajla dejjem jigi meqjus bħala wieħed aktar maġġuri.
“Ir-raġel ftit li xejn tinbidillu ħajtu bil-miġja ta’ tarbija. Dawn jibqgħu jmorru għax-xogħol jew l-iskola, u saħansitra anke jsibu ħin joħorġu jiddevertu.” Din kienet stqarrija tal-maġġoranza tat-tfajliet involuti f’dan l-istudju, u dan huwa fatt soċjali komuni ħafna mhux biss fost tfajliet żgħażagħ, iżda għan-nisa kollha.
L-istudju jsemmi wkoll ir-rwol tal-ġenituri tat-tfajliet, u jispjega sitwazzjonijiet differenti fejn numru ta’ ġenituri jkunu jafu u japprovaw ir-relazzjoni ta’ binthom u għal daqstant jagħtu appoġġ lill-koppja u anke jgħinu fit-trobbija tat-tarbija, sal-punt li jew jaċċettaw li s-sieħeb jibda jgħix ma’ binthom, jew joffru għajnuna finanzjarja biex il-koppja tibda tgħix għal rasha wara li jagħlqu t-18-il sena.