Pietru Grixti identifikat bħala r-raġel li miet fiż-Żurrieq

Ir-raġel ta’ 75 sena spiċċa maqbud bejn it-trakk u ħajt tas-sejjieħ wara li l-vettura allegatament imxiet waħedha.

 

Pietru Grixti ġie identifikat bħala r-raġel ta’ 75 sena li tilef ħajtu t-Tlieta filgħodu fiż-Żurrieq, wara li spiċċa maqbud bejn it-trakk tiegħu u ħajt tas-sejjieħ.

It-traġedja seħħet għall-ħabta tas-7.30am fi Triq Wied iż-Żurrieq, meta l-Pulizija ġiet infurmata li persuna kienet indarbet wara li ntlaqtet minn vettura.

Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li trakk tat-tip Isuzu KC, li kien jintuża mill-vittma, beda jiċċaqlaq waħdu għal raġunijiet li għadhom mhux magħrufa.

Konsegwenza ta’ dan, Grixti spiċċa maqbud bejn il-vettura u ħajt tas-sejjieħ.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku mill-Isptar Mater Dei biex jassistu lill-vittma.

Madankollu, ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.

Il-Maġistrat Renata Farrugia qed tmexxi inkjesta dwar il-każ u ħatret diversi esperti biex jassistuha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi eżatti tal-inċident.

More in Qrati u Pulizija