Ħaddiem jgħid fil-Qorti li John Agius ipponta arma lejh qabel ma ġew sparati tiri lejn il-Pulizija
Espert forensiku jgħid li r-riżultati tal-analiżi tar-residwi tal-isparar isaħħu l-konklużjoni li Agius spara arma tan-nar
minn Jaelle Borg
Ħaddiem tal-kostruzzjoni xehed fil-Qorti li John Agius ipponta arma tan-nar lejh u lejn sieħbu waqt li kienu qed jaħdmu fuq binja biswit il-proprjetà tiegħu f’San Ġiljan, qabel ma allegatament spara lejn uffiċjali tal-Pulizija li marru fuq il-post.
Waqt is-seduta tat-Tnejn, il-Qorti semgħet ukoll xhieda dwar nar li allegatament tqabbad taħt il-ħaddiema, tilwim li kien ilu għaddej snin dwar xogħol ta’ kostruzzjoni u riżultati forensiċi li jsaħħu l-konklużjoni li Agius spara arma tan-nar.
Nawaf Khasem spjega li dakinhar tal-inċident hu u ħaddiem ieħor kienu qed jagħmlu xogħol ta’ tikħil fuq il-faċċata ta’ binja, minn fuq pjattaforma sospiża f’għoli ta’ madwar tliet sulari.
Huwa qal li f’ħin minnhom Agius ipponta arma tan-nar fid-direzzjoni tagħhom. Aktar tard, sostna li rah jispara lejn il-Pulizija minn ġewwa l-proprjetà tiegħu.
Ix-xhud qal li mill-pożizzjoni fejn kien jinsab seta’ jara sew dak li kien qed jiġri. Żied jgħid li qatt ma kien ra lil Agius qabel dak il-jum.
Aktar minn 2,000 partikola ta’ fdalijiet tal-isparar
Il-Qorti semgħet ukoll ix-xhieda tal-espert forensiku Matthew Grima, li ġie inkarigat janalizza kampjuni ta’ residwi tal-isparar miġbura minn John Agius u George Agius, kif ukoll diversi oġġetti elevati waqt l-investigazzjoni.
Grima spjega li fuq John Agius instabu aktar minn 2,000 partikola ta’ residwi tal-isparar.
Minn dawn, ħamsa kienu partikoli karatteristiċi li nstabu fuq idu x-xellugija, filwaqt li tnejn oħra ġew identifikati fuq wiċċu.
L-espert qal li dawn il-partikoli għandhom importanza partikolari fl-analiżi forensika minħabba li jkun fihom taħlita speċifika ta’ tliet elementi kimiċi li, meta jinstabu flimkien, jagħtu indikazzjoni aktar b’saħħitha ta’ espożizzjoni għal sparatura.
Skont Grima, ir-riżultati miksuba jagħtu sostenn qawwi lill-konklużjoni li John Agius kien spara arma tan-nar.
Matul ix-xhieda tiegħu, huwa ppreżenta wkoll diversi provi, fosthom ħwejjeġ li allegatament kienu milbusa minn John u George Agius, żraben u kampjuni miġbura mill-arma u mill-munizzjon.
Żviluppatur jirrakkonta kif ra n-nar taħt il-ħaddiema
Fost ix-xhieda li dehru quddiem il-Qorti kien hemm ukoll l-iżviluppatur Frederick Pierre Villa, li ta rendikont ta’ dak li seħħ qabel l-intervent tal-Pulizija.
Villa spjega li kien qed jissorvelja xogħol ta’ tikħil fuq binja li tmiss mal-proprjetà ta’ Agius.
Żewġ ħaddiema kienu jinsabu fuq pjattaforma sospiża biex ikaħħlu ħajt estern meta Agius beda jgħajjat fid-direzzjoni tagħhom.
Għall-ewwel, Villa ma setax jifhem x’kien qed jgħid, iżda talab lill-ħaddiema jkomplu bix-xogħol tagħhom.
Għall-ħabta tad-9am, huwa mar lura fl-uffiċċju tiegħu li jinsab qrib is-sit tal-kostruzzjoni.
Ftit wara, sema’ lill-ħaddiema jgħajtu u meta ħares barra ra duħħan u fjammi telgħin minn taħt il-pjattaforma fejn kienu qed jaħdmu.
Il-ħaddiema ttellgħu minnufih f’post sigur.
Villa qal li aktar tard ra filmat li fih deher Agius jitfa’ likwidu fuq xi biċċiet tal-injam li kienu jinsabu taħt il-ħaddiema, qabel ma qabbadhom.
Madankollu, waqt il-kontroeżami, huwa ċċara li ma kienx ra personalment lil Agius iqabbad in-nar u li dak li qal dwar il-mument li fih beda n-nar kien ibbażat fuq il-filmat li ntwera lilu wara l-inċident.
Villa qal li wara dak li ġara ċempel lill-Pulizija biex jirrapporta l-każ.
Huwa rrakkonta kif ra lill-uffiċjali jaslu fuq il-post u jersqu lejn il-proprjetà ta’ Agius, filwaqt li bdew jordnawlu jiftaħ il-bieb.
Skont ix-xhud, żewġ uffiċjali daħlu fil-proprjetà u ftit wara sema’ tiri ta’ arma tan-nar, li hu kien tal-fehma li kienu ġejjin minn ġewwa l-binja.
Aktar Pulizija waslu fuq il-post u sussegwentement instemgħu aktar sparaturi.
Villa qal li f’dak il-ħin ingħata struzzjonijiet biex jistkenn.
Wara l-isparaturi, huwa nnota ammont konsiderevoli ta’ demm mal-art u ra membri tal-ekwipaġġ mediku jagħtu l-assistenza lil persuna midruba.
Spjega li mill-post fejn kien jinsab ma setax jara b’mod ċar lill-uffiċjal li kien indarab.
Skont l-istima tiegħu, għaddew madwar 45 minuta bejn l-ewwel u t-tieni episodju ta’ sparaturi.
Villa qal li eventwalment Agius ċeda lill-Pulizija.
Tilwim dwar xogħlijiet ta’ kostruzzjoni li kien ilu snin
Mix-xhieda ta’ Villa ħareġ ukoll li l-inċident seħħ wara snin ta’ tensjoni marbuta ma’ xogħlijiet ta’ żvilupp fl-inħawi.
Huwa qal li l-proġett ta’ kostruzzjoni biswit il-proprjetà ta’ Agius kien ilu għaddej madwar tliet snin, filwaqt li fis-snin ta’ qabel kien sar ukoll xogħol ieħor fil-viċinanzi.
Skont Villa, John Agius kien kemm-il darba oġġezzjona għal xogħlijiet li kienu jsiru qrib il-proprjetà tiegħu, b’mod partikolari meta l-ħaddiema kienu jmissu ħajt diviżorju.
Kien hemm ukoll ilmenti dwar l-istorbju u allegazzjonijiet ta’ ħsarat fil-proprjetà.
Villa semma każ fejn kien sar ilment dwar ħsara allegata, iżda dan ma tkompliex wara li minn verifika rriżulta li l-ħsara indikata ma kinitx teżisti.
Anke George Agius kien ressaq ilmenti dwar ix-xogħlijiet, għalkemm Villa ddeskrivieh bħala persuna li ġeneralment kienet aktar lesta li ssib kompromess.
L-iżviluppatur insista li minkejja l-ilmenti, hu qatt ma kellu argument dirett ma’ John Agius.
Qal li għalkemm kienu jaraw lil xulxin ta’ spiss, bilkemm kienu jitkellmu.
Madankollu, ikkonferma li fil-passat kien hemm nuqqas ta’ qbil bejn Agius u kuntratturi li kienu qed iwettqu xogħlijiet oħra fl-inħawi.
Analiżi forensika tikxef sustanza marbuta mal-petrol
F’xhieda separata, espert forensiku ppreżenta r-riżultati ta’ testijiet li saru fuq kampjuni u oġġetti miġbura mill-investigaturi.
Fost l-oġġetti eżaminati kien hemm kontenitur tal-metall, flixkun li kien fih likwidu kannella u erba’ fliexken żgħar tal-ħġieġ b’sustanza skura.
L-analiżi fil-laboratorju identifikat taħlita ta’ idrokarburi assoċjata mal-petrol fost is-sustanzi eżaminati.
L-espert analizza wkoll kampjuni meħuda minn idejn u wiċċ John u George Agius biex jiġi stabbilit jekk kienx hemm traċċi ta’ likwidu volatili.
Madankollu, ir-riżultati ma kinux biżżejjed biex jikkonfermaw il-preżenza ta’ sustanza ta’ dan it-tip.
Il-Qorti semgħet li likwidi volatili jistgħu jevaporaw malajr, u għalhekk jista’ jkun diffiċli li jiġu identifikati permezz ta’ testijiet li jsiru aktar tard.
Jitressqu wkoll provi marbuta ma’ filmati tas-CCTV
Matul is-seduta xehed ukoll Jonathan Mizzi, li ppreżenta rapport dwar filmati tas-CCTV eżaminati bħala parti mill-investigazzjoni.
Min-naħa tiegħu, il-ħaddiem Mohammed Kasim Ibrahim identifika mobile Samsung li kien ġie elevat mill-investigaturi bħala wieħed li jappartjeni lilu.
Wara talba biex l-apparat jingħata lura lil sidu, u fin-nuqqas ta’ oġġezzjoni min-naħa tal-Avukat Ġenerali, il-Qorti awtorizzat ir-rilaxx tiegħu.
Il-kawża se tkompli fit-23 u t-30 ta’ Novembru.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukat Joseph Camilleri Azarov f’isem l-Avukat Ġenerali u mill-Ispettur Stephen Gulia f’isem il-Kummissarju tal-Pulizija.
John Agius qed ikun assistit mill-avukat Thomas Sant.
L-avukati Nikolai Bugeja u Naomi Zammit qed jidhru għall-ħaddiema tal-kostruzzjoni, filwaqt li l-avukati Herman Mula u Silvan Pulis qed jirrappreżentaw lil Johann Vella bħala parte civile.
