Sors qrib l-investigazzjoni kkonferma lil din il-gazzetta li Robert Agius, magħruf bħala “Tal-Maksar”, kien wieħed mill-priġunieri li fil-pussess tiegħu nstab mobile phone waqt tfittxijiet fil-ħabs.
Separatament, MaltaToday irrappurtat li t-tliet mobile phones li nstabu fil-ħabs kienu fil-pussess ta’ Agius, George Degiorgio, magħruf bħala “iċ-Ċiniż”, u priġunier Taljan.
Aktar kmieni, il-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield qal li żewġ persuni li bħalissa qed jiskontaw sentenza fil-ħabs qed jiġu investigati mill-Pulizija wara li fi tfittxijiet fiċ-ċelel tagħhom instabu żewġ mobile phones.
Huwa qal ukoll li mobile phone ieħor instab f’ċella ta’ priġunier differenti.
Bedingfield qal li l-investigazzjoni bdiet fil-jiem li għaddew wara informazzjoni li waslet għand il-Pulizija, u li x-xogħol investigattiv bejn diversi entitajiet kien ikkoordinat mill-Korp.
Robert Agius qed jiskonta sentenza ta’ għomru l-ħabs talli pprovda l-bomba li ntużat fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
George Degiorgio qed jiskonta 40 sena ħabs għall-qtil ta’ Caruana Galizia, kif ukoll sentenza ta’ għomru l-ħabs għall-involviment tiegħu fil-qtil tal-avukat Carmel Chircop.
Bedingfield qal li l-persuni involuti mistennija jiġu interrogati fis-sigħat li ġejjin.
“Diġà għidt li m’hu se nħarsu lejn wiċċ ħadd,” qal il-Ministru.
Huwa żied jgħid li kieku kien għalih kien iħabbar ukoll l-ismijiet tal-persuni involuti, iżda qal li jrid jirrispetta l-investigazzjoni tal-Pulizija.
“F’għajnejn il-liġi kulħadd huwa l-istess,” qal.