Raġel ta’ 34 sena arrestat bħala s-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Miriam Azzopardi
Il-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield qal li r-raġel, mill-Ghana, ġie arrestat fil-Marsa stess hekk kif l-investigazzjoni dwar il-qtil tal-mara ta’ 48 sena għadha għaddejja.
Raġel ta’ 34 sena mill-Ghana ġie arrestat bħala s-suspettat ewlieni b’rabta mal-qtil ta’ Miriam Azzopardi, li nstabet mejta fil-Marsa l-Erbgħa filgħodu.
L-arrest tħabbar mill-Ministru għall-Intern Glenn Bedingfield f’kitba fuq Facebook, fejn qal li ġie infurmat li l-Pulizija kienet arrestat lir-raġel fil-Marsa stess.
“L-investigazzjoni għadha għaddejja u s-siegħat li ġejjin huma kruċjali għall-investigazzjoni,” qal Bedingfield.
Huwa rringrazzja lill-Pulizija u lil dawk kollha li kkoperaw fl-investigazzjoni.
Azzopardi, ta’ 48 sena, kienet instabet mejta fi Triq is-Salib tal-Marsa aktar kmieni matul il-jum. Il-Pulizija aktar tard ikkonfermat li l-mara kienet ġiet strangolata u li l-każ kien qed jiġi investigat bħala omiċidju.
Il-katavru tagħha kien instab għall-ħabta tal-10:30am waqt ronda tal-Pulizija fiż-żona, wara li persuni resqu lejn l-uffiċjali u infurmawhom bil-preżenza tal-katavru.
Fuq il-post kienu marru numru kbir ta’ uffiċjali tal-Pulizija, timijiet mediċi u esperti forensiċi, filwaqt li l-Maġistrat tal-Għassa Joe Mifsud fetaħ inkjesta dwar il-każ.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Jaelle Borg hija ġurnalista ma' din il-gazzetta kif ukoll ġurnalista tal-qorti u tinsab ...