Studenta mixlija li ppreżentat dokument falz lill-Identità

Tfajla ta’ 22 sena ġiet arrestata wara li uffiċjali tal-Identità ikkonfermaw li dokument ippreżentat b’rabta ma’ applikazzjoni ma kienx awtentiku

Studenta Nepaliża ta’ 22 sena tressqet il-Qorti it-Tlieta filgħodu akkużata li għamlet dikjarazzjoni falza jew tat tagħrif falz lil awtorità pubblika u li għamlet użu minn dokument falsifikat.

Bini Lama kienet applikat online għal permess sabiex tkun tista’ tibqa’ Malta għal skop ta’ impjieg.

Il-Qorti semgħet kif il-Ħadd filgħodu, il-pulizija rċeviet telefonata mill-Identità fl-Imsida, fejn Lama kienet ġiet imsejħa biex tivverifika dokumenti li kienet tellgħet online bħala parti mill-applikazzjoni tagħha. Waqt il-verifiki, uffiċjali tal-Identità allegatament ikkonfermaw li wieħed mid-dokumenti ma kienx awtentiku. 

Meta ġiet mistoqsija mill-uffiċjali, Lama ammettiet li kienet taf li d-dokument ma kienx ġenwin u sostniet li d-dokument kien ingħatalha minn aġenzija privata li għenuha biex tiġi Malta. Hija ġiet arrestata fuq il-post.

Id-difiża kkontestat il-validità tal-arrest, billi argumentat li ma kien inħareġ ebda mandat ta’ arrest fil-konfront tagħha. Il-prosekuzzjoni, iżda, spjegat li Lama kienet marret personalment fl-uffiċini tal-Identità wara li ġiet imsejħa biex tivverifika d-dokumenti tagħha, fejn reġgħet ippreżentat id-dokument allegatament falz. Il-Qorti ddikjarat l-arrest bħala wieħed validu, u qieset li fiċ-ċirkostanzi l-pulizija setgħet tarrestaha minnufih mingħajr mandat, wara li hija stess ammettiet mal-awtoritajiet li d-dokument ma kienx ġenwin.

Ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur Elton Buckingham mexxa l-prosekuzzjoni. Il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici ppresieda l-kawża.

More in Qrati u Pulizija