“Għandu jdejh imċappsin bid-demm ta’ Daphne” – Il-Prosekuzzjoni titlob lill-ġurati jsibu lil Yorgen Fenech ħati fuq iż-żewġ akkużi
Il-Prosekuzzjoni għalqet ir-replika tagħha fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech b’appell qawwi lill-ġurati biex isibuh ħati fuq iż-żewġ kapijiet ta’ akkuża, filwaqt li ddeskrivietu bħala raġel li għandu “jdejh imċappsin bid-demm ta’ Daphne Caruana Galizia” u qalet li dan huwa l-aħħar ċans biex issir ġustizzja mal-ġurnalista assassinata
minn Jaelle Borg
“Għan-nom tar-Repubblika ta’ Malta u tal-Avukat Ġenerali nitlobkom sabiex issibu lil Yorgen Fenech ħati fir-rigward taż-żewġ kapi ta’ akkuża li hemm kontra tiegħu,” temm jgħid il-Prosekutur Anthony Vella.
Fenech jinsab akkużat b’kompliċità fl-omiċidju volontarju ta’ Caruana Galizia u b’assoċjazzjoni biex jitwettaq reat.
Fl-aħħar kliem tiegħu lill-ġurati, Vella qalilhom li għandhom kompitu diffiċli quddiemhom, iżda talab li jaslu għad-deċiżjoni tagħhom “b’kuxjenza safja” u bil-konvinzjoni li għamlu ġustizzja kemm mal-akkużat kif ukoll mal-vittma.
“Importanti li tiddeċiedu x’tiddeċiedu, tmorru d-dar konvinti li għamiltu ġustizzja ma’ kulħadd,” qal.
Il-Prosekutur żied jgħid li dan huwa “l-aħħar ċans” biex issir ġustizzja ma’ Caruana Galizia, u fakkar li jumejn qabel kienet tagħlaq 62 sena.
“L-evidenza kollha tikkonverġi f’isem wieħed”
Matul ir-replika, mifruxa fuq jumejn, il-Prosekuzzjoni insistiet ripetutament li minkejja l-ħafna ismijiet li ssemmew tul il-ġuri, il-persuna li l-ġurati għandhom jiġġudikaw hija Yorgen Fenech.
“Din l-evidenza kollha li rajna tikkonverġi f’isem wieħed – Yorgen Fenech,” qal Vella.
Il-Prosekuzzjoni qalet li Fenech kien il-persuna li tat l-ordni għall-qtil, għaddiet il-flus u baqgħet involuta fl-avvenimenti li seħħew wara.
Vella poġġa r-recordings ta’ Melvin Theuma fiċ-ċentru tal-każ, fosthom konversazzjoni fejn Theuma jgħid lil Fenech darbtejn li kien tah €150,000 u Fenech iwieġbu: “Niftakar.”
Il-Prosekuzzjoni qalet li Theuma mhuwiex “xi qaddis” u li huwa kompliċi fil-qtil, iżda insistiet li l-qalba tal-verżjoni tiegħu baqgħet konsistenti u kienet ikkorroborata minn elementi oħra.
Vella staqsa wkoll għaliex, jekk Fenech kien verament innoċenti, qatt ma rrekordja lil Theuma biex jipprova l-verżjoni tiegħu.
“Ir-recordings ħadd ma jista’ jħassarhom u jmerihom,” qal.
Il-motiv: “Il-flus”
Parti sostanzjali mir-replika kienet iddedikata għall-motiv.
Il-Prosekuzzjoni argumentat li l-pressjoni fuq Fenech kienet qed tiżdied minħabba Electrogas u 17 Black, u rreferiet għal emails u messaġġi li, skontha, kienu juru kemm kien imħasseb dwar l-“adverse media” u dwar ir-riskju finanzjarju.
Meta staqsa min kellu l-motiv biex tinqatel Caruana Galizia, Vella wieġeb: “Il-flus.”
Huwa sostna li l-kollass ta’ Electrogas seta’ jirrovina lil Fenech kemm kummerċjalment kif ukoll fir-reputazzjoni tiegħu, u qal li dan kien motiv ferm aktar konkret minn dak li d-Difiża ppruvat tattribwixxi lil Keith Schembri.
“Nafu li Yorgen Fenech ried lil Daphne Caruana Galizia mejta,” qal Vella f’wieħed mill-aktar mumenti diretti tar-replika.
Il-Prosekuzzjoni rreferiet ukoll għal xiri ta’ armi li, skontha, Fenech għamel mid-dark web f’Novembru 2018, fosthom hand grenades, pistoli Glock bis-silencers, assault rifles u mijiet ta’ balal.
Vella staqsa lill-ġurati minn min seta’ ried jeħles Fenech f’dak il-perjodu.
Keith Schembri jibqa’ fil-qalba tal-konfront bejn iż-żewġ naħat
Il-Prosekuzzjoni ddedikat parti kbira mir-replika biex twieġeb għat-teorija tad-Difiża li Keith Schembri kien il-veru mandant tal-qtil.
Vella aċċetta li d-Difiża għandha dritt tipproponi teorija alternattiva, iżda qal li din trid tkun sostnuta mill-evidenza.
“Ma rajniex recordings li jimplikaw lil Schembri – ovvjament, għax ma jeżistux,” qal.
Il-Prosekuzzjoni insistiet li dan huwa l-ġuri ta’ Yorgen Fenech u mhux ta’ Schembri jew ta’ persuni oħra.
Vella qal li anke jekk jistgħu jeżistu persuni oħra involuti, dan ma jneħħix ir-responsabbiltà ta’ Fenech jekk il-Prosekuzzjoni ppruvat il-każ kontrih.
Il-Prosekuzzjoni tattakka wkoll il-verżjoni ta’ Fenech
Vella kien kritiku wkoll tax-xhieda li ta Fenech fuq il-pedana.
Qal li wara seba’ snin kien jistenna li l-akkużat jispjega fid-dettall għaliex jemmen li Schembri kien il-mandant u għaliex Chris Cardona seta’ kien involut.
“Wara seba’ snin ġie l-mument opportun, imma għalija ma tantx qtajt il-kurżità,” qal.
Il-Prosekuzzjoni semmiet ukoll differenzi bejn l-istqarrija ta’ Fenech u x-xhieda tiegħu, fosthom fuq il-preżenza ta’ Schembri waqt episodju f’ranch u fuq x’għamel b’recordings li qal li kien tah Theuma.
Vella ddeskriva l-verżjoni li Fenech kellu recordings li jimplikaw lil Schembri iżda qatt ma semagħhom u mbagħad tahom lilu bħala “ħrafa vvintata” u “insult lejn l-intelliġenza”.
Id-Difiża: “Issa rridu ninżgħu l-ingwanti”
Malli għalqet il-Prosekuzzjoni, bdiet il-kontro-replika tad-Difiża.
Charles Mercieca fetaħ b’ton aggressiv u qal lill-ġurati: “Issa rridu ninżgħu l-ingwanti.”
Huwa qal li kien “pleasantly surprised” bir-replika tal-Prosekuzzjoni għax kien qed jistenna li toħroġ xi prova jew argument li “jsammar” lil Fenech, iżda skontu “ma ħareġ xejn – totalment xejn”.
Mercieca reġa’ attakka l-investigazzjoni fuq Keith Schembri, inkluż is-search fl-uffiċċju tiegħu, u qal li l-Prosekuzzjoni naqset milli twieġeb għal diversi mistoqsijiet li d-Difiża ilha tqajjem.
Huwa ddeskriva l-allegata laqgħa ta’ April 2017 bejn Fenech u Theuma bħala “fantaxjenza” u reġa’ wera lill-ġurati ritratti biex isostni li Fenech kien fuq cruise f’parti mill-perjodu li Theuma kien qed jirreferi għalih.
“Dan mhux ludo jew snakes and ladders – hawn qed tiddeċiedu fuq persuna,” qal Mercieca.
Is-seduta tintemm wara battibekk ta’ madwar 20 minuta
Il-kontro-replika mbagħad spiċċat interrotta minn battibekk twil dwar punt ta’ dritt, bil-ġurati jintbagħtu barra mill-awla.
F’mument minnhom Mercieca għajjat lejn il-Prosekuzzjoni biex “toqgħod bilqiegħda”, bil-Imħallef Edwina Grima twissih b’mod qawwi li hija l-Qorti li tidderieġi min jitkellem u kif titmexxa s-seduta.
Il-Qorti wissietu wkoll biex ma jużax spjegazzjonijiet ibbażati fuq il-liġi Ingliża b’mod li jistgħu jiżgwidaw lill-ġurati.
Wara madwar 20 minuta ta’ argumenti, l-Imħallef iddeċidiet li se tisma’ r-recording tas-seduta biex tistabbilixxi eżattament x’intqal qabel tagħti deċiżjoni.
Il-ġuri għalhekk ġie aġġornat għal għada filgħodu, meta mistennija tkompli l-kontro-replika tad-Difiża.

Wara battibekk li dam għaddej għal madwar 20 minuta bejn id-Difiża, il-Prosekuzzjoni u l-Qorti, l-Imħallef Edwina Grima tiddeċiedi li se tisma’ r-recording tas-seduta biex tistabbilixxi eżattament x’qal Charles Mercieca fil-mument li qajjem il-kontroversja.
Il-Qorti għalhekk ma tiddeċidix il-punt minnufih, iżda tagħżel li tivverifika l-kliem preċiż qabel tagħti direzzjoni oħra.
Is-seduta tingħalaq għal-lum u l-ġuri se jkompli għada filgħodu. Nkunu magħkom għada.
Battibekk fl-awla
Il-battibekk bejn id-Difiża u l-Prosekuzzjoni jkompli jeskala, b’Charles Mercieca jgħajjat lejn il-Prosekuzzjoni:
“Poġġi bilqiegħda u ħallini nagħmel il-kontro-replika.”
L-Imħallef Edwina Grima tintervjeni mill-ewwel u twissi lil Mercieca b’mod serju:
“Dr Mercieca, hawnhekk il-Qorti tidderieġi min jagħmel xiex, mhux inti.”
Il-Qorti mbagħad tindirizza wkoll il-mod kif id-Difiża kienet qed tispjega punt lill-ġurati, u twissi lil Mercieca biex ma jużax prinċipji jew spjegazzjonijiet ibbażati fuq il-liġi Ingliża b’mod li jistgħu joħolqu konfużjoni.
“Hawn Malta qegħdin u l-liġi Maltija tintuża,” tgħid l-Imħallef, filwaqt li żżid:
“Ejja ma niżgwidawx lill-ġurati b’dan il-mod. Don’t go there.”
Id-Difiża: “Dan mhux ludo jew snakes and ladders — hawn qed tiddeċiedu fuq persuna”
Charles Mercieca jkompli jattakka l-każ tal-Prosekuzzjoni u jgħid li, meta Anthony Vella qal lill-ġurati “ejja ngħidu li kien hemm persuni oħra”, dan innifsu juri li l-Prosekuzzjoni mhix qed temmen kompletament il-verżjoni ta’ Melvin Theuma.
Skont id-Difiża, il-fatt li l-Prosekuzzjoni stess qed tgħid li l-investigazzjoni għadha għaddejja u li jistgħu joħorġu elementi ġodda jfisser li l-istampa għadha mhix magħluqa.
“Dan mhux ludo jew snakes and ladders,” jgħid Mercieca. “Hawn qed tiddeċiedu fuq persuna.”
L-avukat jgħid ukoll li l-ġurati m’għandhomx jintużaw bħala “timbru” fuq il-proklama ta’ Theuma, u jinsisti li ma jistgħux jikkundannaw persuna fuq verżjoni li, skont id-Difiża, ma ġietx investigata biżżejjed.
Mercieca jistaqsi lill-ġurati x’mistoqsijiet kienu qed jistennew li twieġeb il-Prosekuzzjoni, u jgħid li fuq dak kollu li ġara qabel ir-recordings ma saritx investigazzjoni serja.
“Qabdu l-verżjoni ta’ Theuma, ġrew biha biex jieħu l-proklama u ma investigaw xejn,” jgħid.
Id-Difiża terġa’ tqajjem ukoll il-punt li, skont Mercieca, Theuma kien diġà ngħata wegħda ta’ proklama qabel ma l-investigaturi semgħu l-verżjoni ta’ Yorgen Fenech.
Id-Difiża turi ritratt tal-cruise u tgħid li Theuma kien kategoriku fuq id-dati
Charles Mercieca jerġa’ jpoġġi l-kronoloġija ta’ April 2017 fiċ-ċentru tal-kontro-replika tiegħu.
L-avukat juri ritratt u jgħid lill-ġurati li bejn il-15 u t-22 ta’ April 2017, Yorgen Fenech kien fuq cruise abbord il-Harmony of the Seas, u jinsisti li din hija prova ċentrali għall-verżjoni tad-Difiża.
Mercieca jgħid li anke Anthony Vella stess, fil-fatt, qed juri li għandu dubji dwar il-kronoloġija ta’ Theuma, għax qal lill-ġurati li Theuma jħawwad id-dati.
Id-Difiża iżda tisħaq li Theuma ma kienx vag meta xehed dwar il-laqgħa.
“Ma qalilniex xi żmien approssimattiv,” jgħid Mercieca. “Kien kategoriku: ġimgħatejn, l-aktar tliet ġimgħat qabel tħabbret l-elezzjoni.”
Għad-Difiża, dan jagħmel id-data tal-allegata laqgħa ma’ Fenech punt ewlieni li, skontha, il-Prosekuzzjoni għadha ma rnexxilhiex tispjega.
Id-Difiża terġa’ ddur fuq Keith Schembri: “Dwar is-search ma qalu xejn”
Charles Mercieca jkompli l-kontro-replika b’attakk dirett fuq dak li, skont id-Difiża, il-Prosekuzzjoni għażlet li ma tindirizzax.
Huwa jgħid li dwar is-search fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri ma ngħad xejn, u lanqas dwar l-aġir tal-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
Mercieca jinsisti wkoll li l-Prosekuzzjoni, permezz ta’ Anthony Vella, għażlet li tistrieħ fuq ix-xhieda ta’ dawk li d-Difiża tiddeskrivi bħala “l-aktar żewġ giddieba li smajna f’din l-awla” biex tattakka lil Yorgen Fenech.
B’ton voċiferu, l-avukat jgħid li l-Prosekuzzjoni talbet lill-ġurati biex jiddeċiedu b’żelu, iżda jisħaq li dak iż-żelu kellhom juruh l-investigaturi waqt l-investigazzjoni stess.
F’dan il-punt, Mercieca jerfa’ u juri r-ritratt tas-search fl-uffiċċju ta’ Schembri, fejn jidher Schembri bil-mobile f’idejh waqt li l-investigaturi kienu qed jagħmlu t-tfittxija.
Id-Difiża qed tuża dan il-mument biex terġa’ ssaħħaħ it-teżi tagħha li ċerti toroq investigattivi lejn Schembri ma ġewx segwiti kif suppost.
Id-Difiża tibda l-kontro-replika: “Issa rridu ninżgħu l-ingwanti”
Id-Difiża tibda l-kontro-replika tagħha b’ton ferm aktar aggressiv, u tgħid li għalkemm ma tridx tkun ripetittiva, hemm ħafna punti li jridu jiġu indirizzati.
“Ejja ngħiduha kif inhi — issa rridu ninżgħu l-ingwanti,” tgħid id-Difiża.
Fil-bidu tal-indirizz, l-avukat jgħid b’ton sarkastiku li jinsab “pleasantly surprised” bir-replika sħiħa tal-Prosekuzzjoni, għax kien qed jistenna xi argument jew dikjarazzjoni li “ssammar” lil Yorgen Fenech.
Imma, skont id-Difiża, “ma ħareġ xejn — totalment xejn.”
L-avukat jgħid li, fil-fehma tiegħu, il-fatt li l-Prosekuzzjoni għażlet li tattakka lill-avukati tad-Difiża juri kemm taf li għandha “każ dgħajjef”.
B’ton ċar ta’ sarkażmu, iżid:
“Jien naħfirlu lill-kollega."
Il-ġuri jidħol fil-fażi li jmiss: tibda l-kontro-replika tad-Difiża
Wara li Anthony Vella jagħlaq formalment ir-replika tal-Prosekuzzjoni, il-ġuri issa jidħol fil-fażi li jmiss.
Issa jmiss lid-Difiża ta’ Yorgen Fenech tagħmel il-kontro-replika tagħha u twieġeb għall-punti li qajmet il-Prosekuzzjoni matul l-aħħar jumejn.
Din hija l-opportunità tad-Difiża biex tindirizza l-argumenti finali tal-Avukat Ġenerali qabel il-proċess jgħaddi għall-aħħar stadji tiegħu quddiem il-ġurati.n Din issa hija l-aħħar darba li d-difiża qed tindirizza lill-ġurati.
Tintemm ir-replika tal-Prosekuzzjoni: “Nitlobkom issibu lil Yorgen Fenech ħati”
Tintemm ir-replika tal-Prosekuzzjoni b’appell dirett lill-ġurati sabiex isibu lil Yorgen Fenech ħati fuq iż-żewġ kapijiet ta’ akkuża.
“Għan-nom tar-Repubblika ta’ Malta u tal-Avukat Ġenerali nitlobkom sabiex issibu lil Yorgen Fenech ħati fir-rigward taż-żewġ kapi ta’ akkuża li hemm kontra tiegħu,” itemm Anthony Vella.
Il-Prosekutur jgħid lill-ġurati li m’għandhomx quddiemhom kompitu faċli, iżda jinsisti li għandhom jaslu għad-deċiżjoni tagħhom b’kuxjenza safja u bil-konvinzjoni li għamlu ġustizzja kemm mal-akkużat kif ukoll mal-vittma.
Vella jgħid ukoll li dan huwa “l-aħħar ċans” biex issir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, u jfakkar li jumejn ilu kienet tagħlaq 62 sena.
B’hekk, wara sigħat ta’ replika mifruxa fuq jumejn, il-Prosekuzzjoni tagħlaq formalment l-indirizz tagħha lill-ġurati.
Il-Prosekuzzjoni tagħlaq: “Fenech għandu jdejh imċappsin bid-demm ta’ Daphne”
Anthony Vella jasal għall-għeluq tar-replika tiegħu u jgħid lill-ġurati li, wara kważi xahrejn ta’ proċess, raw min hu Yorgen Fenech u x’kien ir-rwol tiegħu fil-każ.
Il-Prosekutur jinsisti li Fenech kien il-persuna li tat l-ordni għall-qtil u ħarġet il-flus biex dan jitwettaq.
Vella jfakkar ukoll li, fix-xhieda tiegħu stess, Fenech ammetta li ħareġ flus, fosthom somom kbar li skont il-Prosekuzzjoni marru wkoll biex jitħallsu l-avukati tal-eżekuturi.
Imbagħad jagħmel l-appell finali tiegħu lill-ġurati:
“Yorgen Fenech għandu jdejh imċappsin bid-demm ta’ Daphne Caruana Galizia.”
Il-Prosekuzzjoni għalhekk titlob lill-ġurati jsibu lil Fenech ħati fuq iż-żewġ kapijiet ta’ akkuża — kompliċità f’omiċidju volontarju u assoċjazzjoni biex jitwettaq reat.
Jinbidel ir-ritratt fuq il-mejda tad-Difiża wara kważi xahrejn ta’ ġuri
Qed jiġi nnutat tibdil żgħir iżda viżibbli fuq il-mejda tad-Difiża.
Mill-ewwel jum tal-ġuri, fl-1 ta’ Lulju 2026, l-avukati ta’ Yorgen Fenech kellhom quddiemhom ir-ritratt magħruf ta’ Melvin Theuma ma’ Keith Schembri f’Kastilja.
Issa dak ir-ritratt jidher li tneħħa u minfloku tqiegħed ieħor.
Minn dak li jidher mill-gallarija ta’ fuq tal-awla, jidher li r-ritratt il-ġdid huwa wieħed meħud waqt is-search f’Kastilja, fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri.
Vella jasal fl-aħħar parti tar-replika: “Intom l-Imħallfin tal-Fatt”
Anthony Vella jgħid lill-ġurati li wasal għall-aħħar parti tar-replika tiegħu u jfakkarhom li din se tkun l-aħħar darba li se jindirizzahom qabel jibdew id-deliberazzjonijiet tagħhom aktar tard fil-proċess.
Il-Prosekutur jerġa’ lura għal punt dwar l-irċevuti tal-Avukat William Cuschieri, li kien jirrappreżenta lill-eżekuturi. Melvin Theuma kien xehed li kien iżomm dawn l-irċevuti ħdejn il-cooker fil-maisonette tiegħu f’Wied il-Għajn.
Vella jispjega li l-irċevuti li jinsabu f’dan il-każ mhumiex l-oriġinali, iżda kopji awtentikati mill-Qorti, peress li l-oriġinali jinsabu fil-proċeduri tal-aħwa Degiorgio.
Imbagħad idur direttament fuq ir-rwol tal-ġurati.
“Intom l-Imħallfin tal-Fatt,” jgħidilhom Vella, u jfakkarhom li jridu jistrieħu biss fuq il-fatti u l-evidenza li tressqu quddiemhom matul dawn il-ġimgħat.
Jisħaq li d-deċiżjoni tagħhom trid tittieħed b’serenità, mingħajr simpatija jew antipatija, u fuq xejn ħlief il-provi.
Il-Prosekuzzjoni lill-ġurati: jekk intom moralment konvinti, iddikjaraw lil Fenech ħati
Qabel break qasir, Anthony Vella jerġa’ jiffoka fuq l-istandard ta’ prova li għandhom japplikaw il-ġurati.
“Tħallux min iqarraq bikom. Mhux ċertezza assoluta, imma lil hinn minn kull dubju raġonevoli — konvinċiment morali,” jgħid il-Prosekutur.
Vella jgħid li jekk, wara li jqisu l-provi kollha, il-ġurati jkunu moralment konvinti li Yorgen Fenech kien kompliċi fil-qtil, jistgħu b’serenità jiddikjarawh ħati ta’ kompliċità f’omiċidju volontarju.
Il-Prosekuzzjoni tgħaddi wkoll għat-tieni kap ta’ akkuża, dak ta’ assoċjazzjoni biex jitwettaq reat, u tispjega li dan jirrikjedi ftehim bejn żewġ persuni jew aktar, għan komuni u pjan ta’ azzjoni.
Vella jerġa’ jisħaq fuq prinċipju ieħor li ilu jirrepeti matul ir-replika:
“Min jallega jrid jipprova.”
Jgħid li mhux biżżejjed li d-Difiża tagħmel allegazzjonijiet kontra persuni oħra jew tipprova titfa’ r-responsabbiltà fuq ħaddieħor. Skont il-Prosekuzzjoni, kull teorija trid tkun sostnuta minn evidenza.
Il-Prosekuzzjoni: anke element wieħed ta’ kompliċità jista’ jkun biżżejjed
Anthony Vella jkompli jispjega lill-ġurati, b’mod sempliċi, kif taħdem il-kompliċità fil-liġi kriminali.
Il-Prosekutur jgħid li anke element wieħed ta’ kompliċità jista’ jkun biżżejjed, jekk il-Prosekuzzjoni tipprova li l-akkużat ikkontribwixxa għall-għan komuni tal-qtil.
Bħala eżempju, Vella jerġa’ jqiegħed quddiem il-ġurati l-verżjoni tal-Prosekuzzjoni: Fenech jagħti l-ordni lil Melvin Theuma, Theuma javviċina persuni oħra, jgħaddu l-flus u l-pjan jibda jitħaddem sakemm eventwalment Daphne Caruana Galizia tinqatel.
“Yorgen Fenech irrenda ruħu kompliċi? Permezz ta’ wegħdiet, b’ordni, bi ħlas ta’ flejjes?” jistaqsi Vella.
Il-Prosekutur iżid li, skontu, Fenech stess ammetta elementi minn dan waqt recordings li saru mingħajr ma kien jaf li qed jiġi rrekordjat.
Il-Prosekuzzjoni: “Hawn Yorgen Fenech huwa l-akkużat”
Anthony Vella jerġa’ jfakkar lill-ġurati li, minkejja li matul il-ġuri ssemmew diversi persuni oħra, huma jridu jiddeċiedu fuq ir-responsabbiltà ta’ Yorgen Fenech.
“Hawn Yorgen Fenech huwa l-akkużat,” jinsisti Vella. “Tridu taraw jekk il-Prosekuzzjoni laħqitx il-grad mitlub mil-liġi fir-rigward tiegħu, mhux ta’ nies oħra.”
Il-Prosekutur jgħid li anke jekk jista’ jkun hemm persuni oħra involuti, il-ġurati mhumiex hemm biex jinvestigaw lilhom jew biex jiddeċiedu dwar ir-responsabbiltà tagħhom.
Vella jerġa’ jfakkar li l-inkjesta dwar il-qtil għadha għaddejja u li din hija sigrieta.
“Jekk hemm investigazzjonijiet oħra x’isiru, se jsiru hemm,” jgħid.
Il-Prosekuzzjoni għalhekk terġa’ tipprova żżomm l-attenzjoni fuq il-mistoqsija ewlenija tal-ġuri: jekk il-provi mressqa humiex biżżejjed biex jippruvaw il-ħtija ta’ Fenech sal-grad rikjest mil-liġi.
Il-Prosekuzzjoni: kompliċi fil-qtil għandu l-istess responsabbiltà kriminali bħall-awtur
Anthony Vella jgħid lill-ġurati li Yorgen Fenech qed jiġi akkużat ukoll bħala kompliċi, jiġifieri mhux neċessarjament bħala l-persuna li wettqet l-att materjali tal-qtil, iżda bħala persuna li setgħet tat ordni, struzzjonijiet jew flus biex id-delitt jitwettaq.
Il-Prosekutur jispjega li fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia kien hemm aktar minn eżekutur wieħed, iżda l-liġi tħares ukoll lejn min ħallas, ordna jew saħħaħ il-volontà biex il-qtil iseħħ.
Vella jgħid li dawn il-persuni ma jitqisux bħala l-awturi materjali tal-qtil, iżda bħala kompliċi.
Madankollu, jisħaq fuq punt legali ċentrali:
il-liġi tagħti lill-kompliċi l-istess responsabbiltà kriminali bħall-awtur tar-reat.
Il-Prosekuzzjoni qed tuża dan biex tfakkar lill-ġurati li, anke jekk Fenech ma kienx wieħed mill-eżekuturi li wettqu l-qtil materjalment, dan ma jeskludix ir-responsabbiltà tiegħu jekk jiġu ppruvati l-ordni, il-ħlas jew l-għajnuna tiegħu fid-delitt.
Il-Prosekuzzjoni: l-akkuża titlob kemm l-intenzjoni kif ukoll l-azzjoni
Anthony Vella jgħid lill-ġurati li Yorgen Fenech qed jiffaċċja żewġ kapijiet ta’ akkuża, bl-ewwel wieħed ikun l-omiċidju volontarju.
Il-Prosekutur jispjega li biex tiġi ppruvata din l-akkuża jrid ikun hemm kemm il-mens rea, jiġifieri l-intenzjoni kriminali, kif ukoll l-actus reus, l-azzjoni li twassal għar-reat.
Vella jerġa’ jorbot dan max-xhieda ta’ Melvin Theuma, li skontu Fenech sejjaħlu l-Blue Elephant, ordnalu jqabbad persuni biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia, u baqa’ joħroġ il-flus anke wara.
Il-Prosekuzzjoni terġa’ tfakkar ukoll fir-recording fejn Theuma jgħid darbtejn lil Fenech li kien ħallsu €150,000, u Fenech iwieġbu:
“Niftakar.”
Għall-Prosekuzzjoni, dan huwa wieħed mill-punti li jgħaqqdu flimkien l-allegata intenzjoni, il-ħlas u l-parteċipazzjoni fil-qtil.
Il-Prosekuzzjoni terġa’ tqajjem l-allegazzjoni ta’ €200,000 u €400,000 biex tinxtara x-xhieda ta’ Johann Cremona
Anthony Vella jerġa’ jirreferi għax-xhieda ta’ Keith Schembri, li kien allega li d-Difiża offriet €200,000 biex tinxtara x-xhieda ta’ Johann Cremona, u li l-għada din l-offerta telgħet għal €400,000.
Il-Prosekutur ifakkar, iżda, li f’konfront li sar fl-Awla 22, Cremona kien qal li hu stess kien gideb u li din l-allegazzjoni ma kinitx vera.
Vella xorta jistaqsi kif id-Difiża tista’ tpoġġi l-piż kollu fuq Keith Schembri u tipprova tgħaddilu dak li, skont il-Prosekuzzjoni, huwa attribwibbli lil Yorgen Fenech.
Jirreferi wkoll għax-xhieda ta’ Schembri li f’Ġunju 2020 kien intbagħat għalih mill-avukati tad-Difiża biex jaraw “x’jistgħu jirranġaw”.
Il-Prosekuzzjoni tgħid ukoll li hemm messaġġi bejn Schembri u Charles Mercieca minn madwar ġimgħa qabel ix-xhieda ta’ Schembri.
Id-Difiża toġġezzjona u tgħid li l-Prosekuzzjoni qed tagħmel dikjarazzjonijiet li mhumiex korretti, filwaqt li Vella jinsisti li qed jaqra minn messaġġi li ntwerew fl-awla.
L-Imħallef Edwina Grima tgħid li d-Difiża tista’ twieġeb għal dawn il-punti fil-kontro-replika, u tagħmilha ċara li m’għandhiex għalfejn id-Difiża tidderieġi lill-Qorti dwar kif għandha tmexxi s-seduta.
Il-Prosekuzzjoni: Fenech xtara armi mid-dark web fl-eqqel tal-iżvelar ta’ 17 Black
Anthony Vella jgħid lill-ġurati li, ftit wara dibattitu parlamentari dwar 17 Black, Yorgen Fenech kien xtara permezz tal-dark web u bil-Bitcoin żewġ hand grenades, żewġ pistoli Glock bis-silencers, żewġ assault rifles u 700 balla.
Skont il-Prosekuzzjoni, il-prezz kien ta’ madwar 0.9 Bitcoin, ekwivalenti għal madwar $66,000, u l-ħlas ġie kkonfermat dakinhar stess.
Vella jgħid ukoll li Fenech ta ismu stess u l-indirizz ta’ Portomaso Tower biex jitwassal l-ordni.
Il-Prosekutur jagħmel allegazzjoni qawwija dwar l-iskop ta’ dak ix-xiri:
“B’dawn l-armi ried joqtol aktar minn persuna waħda.”
Jgħid li dan kollu seħħ f’Novembru 2018, fl-eqqel tal-iżvelar dwar 17 Black, u jistaqsi lill-ġurati:
“Minn min ried jeħles Yorgen Fenech?”
Il-Prosekuzzjoni qed tuża dan l-episodju biex issaħħaħ l-argument tagħha dwar l-istat ta’ paniku, il-pressjoni u l-intenzjonijiet ta’ Fenech f’dak il-perjodu.
Il-Prosekuzzjoni tqajjem dubji fuq il-prova tal-vjaġġ ta’ Fenech
Anthony Vella jerġa’ jdur fuq il-kronoloġija ta’ April 2017 u fuq il-passaport ta’ Yorgen Fenech, li d-Difiża użat biex issostni li kien barra minn Malta f’parti mill-perjodu li fih Melvin Theuma jgħid li ngħata l-ordni għall-qtil.
Il-Prosekutur jgħid li ż-żewġ timbri fil-passaport — wieħed marbut mal-Istati Uniti u l-ieħor mal-UAE — ma jurux waħedhom fejn kien Fenech tul il-perjodu kollu bejn is-7 u l-21 ta’ April.
Vella jistaqsi għaliex id-Difiża ma ressqitx provi aktar diretti dwar il-vjaġġ, bħall-biljetti tal-ajru, irċevuti jew dokumentazzjoni oħra.
Jagħmel ukoll referenza għall-karti bankarji, iżda jisħaq li tranżazzjoni fuq karta ma tipprovax bilfors min kien qed jużaha, għax karta tista’ tintuża minn persuna oħra.
Il-Prosekuzzjoni għalhekk qed targumenta li l-provi mressqa mid-Difiża ma jagħlqux kompletament il-kwistjoni ta’ fejn kien Fenech f’dawk il-jiem u ma humiex biżżejjed, waħedhom, biex iwaqqgħu l-kronoloġija ta’ Theuma.
Lura fl-awla fejn ser. tkompli r-replika tal-prosekuzzjoni
Pawża sat-2:45pm
Il-Prosekuzzjoni fuq l-allegata ħarba: “Kien lest jitlaq fi żmien nofs siegħa”
Anthony Vella jkompli jaqra chats u messaġġi li, skont il-Prosekuzzjoni, juru lil Yorgen Fenech jipprova jsib mod kif jitlaq minn Malta bl-ajru b’mod diskret.
Il-Prosekutur jgħid li Fenech kien qed jikkuntattja persuni fl-industrija tal-avjazzjoni u, f’ħin minnhom, kien lest jitlaq fi żmien nofs siegħa lejn Franza, iżda ried jagħmel dan “baxx baxx”.
Vella jirreferi wkoll għal messaġġ lil Alan Borg, CEO tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn Fenech jistaqsi jekk setax isiefer
Skont il-Prosekuzzjoni, Borg wieġbu: “No ta’, not really.”
Vella jfakkar ukoll li Fenech kien qed jikkunsidra li jikri residenza fin-Normandija, fi Franza.
Il-Prosekutur għalhekk jerġa’ jqajjem dubju dwar il-verżjoni ta’ Fenech li kien sejjer biss għal service tad-dgħajsa.
“Fenech gidbilna wkoll meta qalilna li kien sejjer għal service tad-dgħajsa biss?” jistaqsi Vella. “Inħakem minn paniku wara li sar jaf bl-arrest ta’ Melvin Theuma?”
Il-Prosekuzzjoni: “Din l-evidenza kollha tikkonverġi f’isem wieħed — Yorgen Fenech”
Anthony Vella jistaqsi lill-ġurati min, skont il-Prosekuzzjoni, kellu l-motiv biex tinqatel Daphne Caruana Galizia.
It-tweġiba tiegħu hija waħda: “Il-flus.”
Vella jgħid li dan il-motiv, fil-fehma tal-Prosekuzzjoni, jaqbel mal-kronoloġija tal-fatti, mal-pressjoni finanzjarja li kienet qed tinbena fuq Fenech u saħansitra mal-prezz tal-assassinju.
“Din l-evidenza kollha li rajna tikkonverġi f’isem wieħed — Yorgen Fenech,” jinsisti.
Il-Prosekutur imbagħad jaqra minn chat bejn Yorgen Fenech u zijuh Ray Fenech, lejlet dak li l-Prosekuzzjoni tiddeskrivi bħala tentattiv ta’ ħarba minn Malta.
Fil-korrispondenza, Ray Fenech jgħidlu biex ikellem lil “K”, b’referenza għal Keith Schembri, u jiċċekkja jekk kienx “safe” jitlaq mill-ajruport u jgħaddi mill-VIP area.
Jiddiskutu wkoll il-flus, b’Fenech jgħid li kellu kards bankarji fuqu.
Skont il-chat, Schembri kien qallu biex jibqa’ kalm u li “ma kien se jiċċaqlaq xejn”, filwaqt li zijuh iwissih biex ma jafda lil ħadd.
Fenech jgħidlu wkoll li Ivan tat-Times kien infurmah li nies tat-Times kienu jinsabu fil-Marina ta’ Portomaso.
Il-Prosekuzzjoni qed tuża dawn il-messaġġi biex turi, skontha, kemm Fenech kien qed jipprova jifhem jekk setax jitlaq minn Malta u x’kien qed jiġri madwaru f’dawk is-sigħat
Il-Prosekuzzjoni: Fenech kien taħt pressjoni kbira u mdorri li ħaddieħor jagħmel dak li jrid hu
Anthony Vella jkompli jibni l-profil ta’ Yorgen Fenech li, skont il-Prosekuzzjoni, għandu jitqies fil-kuntest tal-motiv.
Jgħid lill-ġurati li qed jitkellmu dwar raġel li biddel l-isem ta’ kumpanija wara l-pubblikazzjoni ta’ blog ta’ Daphne Caruana Galizia, li kien qed jiffaċċja kriżi kbira marbuta mal-proġett Electrogas, u li kien qal hu stess li falliment ta’ dak il-proġett kien se jirrovinah.
Vella jżid li Fenech kien qed jiffaċċja wkoll backlash qawwi mill-bank, u għalhekk, skont il-Prosekuzzjoni, il-pressjoni fuqu kienet kemm finanzjarja kif ukoll reputazzjonali.
Il-Prosekutur imbagħad jagħmel punt aktar personali dwar il-mod kif, skontu, Fenech kien imdorri jopera.
Jgħid li Fenech huwa raġel li “rrovina l-ħajja ta’ diversi nies” u li, grazzi għall-flejjes kbar li kellu, kien imdorri li ħaddieħor jagħmel dak li jrid hu.
Il-Prosekuzzjoni qed tuża dan biex issaħħaħ il-kuntrast li qed tagħmel bejn il-motiv li tattribwixxi lil Fenech u dak li d-Difiża qed tipprova torbot ma’ Keith Schembri.
Il-Prosekuzzjoni: il-motiv attribwit lil Keith Schembri “ma jagħmilx sens”
Anthony Vella jkompli jattakka t-teorija tad-Difiża dwar il-motiv ta’ Keith Schembri.
Skont id-Difiża, wieħed mill-motivi possibbli kien li Daphne Caruana Galizia kienet żvelat li l-eks Chief of Staff kien marid. Vella jistaqsi fejn hi l-evidenza li dan seta’ jwassal għal omiċidju.
“Bħala motiv ma jagħmilx sens, it doesn’t hold water,” jgħid il-Prosekutur.
Vella jargumenta li storja dwar marda ma kinitx qed thedded li twaqqa’ xi imperu finanzjarju, u jgħid li ma tressqet ebda prova li Schembri kien se jġarrab telf finanzjarju kbir minħabba dak li kienet qed tikteb il-ġurnalista.
Jikkuntrasta dan ma’ Yorgen Fenech, u jfakkar li skont il-Prosekuzzjoni l-kollass tal-proġett Electrogas seta’ jirrovinalu l-interessi kummerċjali u l-kredibbiltà tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni għalhekk qed tgħid lill-ġurati li l-motiv finanzjarju li qed tattribwixxi lil Fenech huwa, fil-fehma tagħha, ferm aktar konkret minn dak li d-Difiża qed tipprova tibni madwar Schembri.
Anthony Vella jerġa’ jindirizza t-teorija tad-Difiża dwar Keith Schembri u l-allegazzjonijiet li b’xi mod il-familja ta’ Daphne Caruana Galizia kellha x’taqsam mal-qtil, b’rabta mal-laptop tal-ġurnalista.
Il-Prosekutur jirreferi għal kliem attribwit lil Yorgen Fenech stess f’chat jew recording, fejn qal li riedu l-laptop għax dan, skontu, “kien se jħawwad l-imħuħ.”
Vella mbagħad jiġbor l-argument tiegħu fi frażi diretta:
“Lista ta’ garr u lmenti ma jordnax qtil — lanqas mobile mitluf ma jfisser qtil.”
Il-Prosekuzzjoni qed targumenta li l-fatt li Keith Schembri seta’ kellu ilmenti, problemi jew interess f’dak li kien hemm fuq apparat elettroniku ma jwassalx awtomatikament għall-konklużjoni li kien hu l-mandant tal-qtil.
Il-messaġġ ta’ Vella lill-ġurati jibqa’ l-istess: suspett jew ċirkostanzi ma jistgħux jieħdu post prova konkreta ta’ involviment fil-qtil.
Il-Prosekuzzjoni: id-Difiża ma talbitx konfront ma’ Keith Schembri “għax beżgħet”
Anthony Vella jerġa’ jdur fuq il-fatt li d-Difiża qed tpoġġi lil Keith Schembri fiċ-ċentru tat-teorija tagħha, iżda jgħid li meta Yorgen Fenech tela’ jixhed ma ntalab ebda konfront mal-eks Chief of Staff.
“Mhux ħaġa loġika li titlob konfront bejn l-hekk deskritt vittma u dak li qed jgħid li waħħalulu?” jistaqsi Vella.
Il-Prosekutur imur pass aktar ’il quddiem u jgħid li, fil-fehma tiegħu, id-Difiża ma talbitx il-konfront għax beżgħet.
Vella mbagħad jerġa’ jitkellem fuq il-motiv u jgħid li Daphne Caruana Galizia kienet kitbet dwar diversi persuni b’saħħithom u kontroversjali, iżda jisħaq li “the motive is not exclusive”.
Jgħid li l-fatt li Caruana Galizia kitbet ħafna dwar Schembri, jew li persuni oħra setgħu wettqu reati oħra jew gidbu, ma jfissirx awtomatikament li kienu involuti fil-qtil.
Il-Prosekuzzjoni tfakkar ukoll li Schembri kien investigat mill-Pulizija, tressaq il-Qorti u qed jiffaċċja proċeduri oħra separati minn dan il-ġuri.
Il-punt ta’ Vella jibqa’ wieħed: l-allegazzjonijiet kontra oħrajn ma jneħħux il-ħtieġa li l-ġurati jeżaminaw il-provi kontra Fenech innifsu.
Il-Prosekuzzjoni torbot 17 Black mal-motiv: “F’inqas minn ġimgħa biddel l-isem tal-kumpanija”
Anthony Vella jkompli jibni l-argument tal-Prosekuzzjoni dwar il-motiv u jgħid lill-ġurati li, inqas minn ġimgħa wara blogpost ta’ Daphne Caruana Galizia, l-isem ta’ 17 Black inbidel għal Wings Development Ltd.
Skont Vella, dan juri li Yorgen Fenech kien maħkum mill-paniku hekk kif il-kumpanija tiegħu kienet bdiet tidħol taħt l-attenzjoni tal-media.
Il-Prosekuzzjoni tqiegħed dan fl-istess perjodu li fih, skont Melvin Theuma, Fenech kien ikkummissjona l-qtil ta’ Caruana Galizia.
Vella jgħid li meta l-ġurnalista żvelat isem Fenech u 17 Black, il-bank tiegħu rreaġixxa, u l-Prosekuzzjoni qed tuża dan bħala parti mill-katina ta’ pressjoni finanzjarja u reputazzjonali li, skontha, wasslet għall-qtil.
Il-Prosekutur jagħmel l-aktar allegazzjoni diretta tiegħu fuq dan il-punt: jgħid li kien f’dan il-kuntest li Fenech ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Anthony Vella jkompli bir-replika tal-Avukat Ġenerali u jattakka l-verżjoni ta’ Yorgen Fenech li ma kienx jagħti każ ta’ dak li kienet tikteb Daphne Caruana Galizia.
Il-Prosekutur jgħid lill-ġurati li, minkejja din il-verżjoni, wara l-Panama Papers hemm rekords li juru lil Fenech ifittex dwar Ajman, fejn kienet marbuta l-kumpanija 17 Black.
Vella jirreferi wkoll għat-22 ta’ Frar 2017, meta Caruana Galizia semmiet għall-ewwel darba lil 17 Black u, skont il-Prosekuzzjoni, isem Fenech deher ukoll fil-kummenti marbuta ma’ dak l-artiklu.
Għall-Prosekuzzjoni, dan imur kontra l-impressjoni li pprova jagħti Fenech fix-xhieda tiegħu li dak li kienet qed tippubblika l-ġurnalista ma kienx jinteressah jew jolqtu direttament.
Id-Difiża takkuża lill-Prosekuzzjoni li qed tirreferi għal materjal li l-ġurati ma kellhomx jisimgħu
Tidħol l-Imħallef Edwina Grima hekk kif id-Difiża tqajjem oġġezzjoni ġdida dwar il-mod kif il-Prosekuzzjoni qed tmexxi r-replika tagħha.
Charles Mercieca jgħid li l-Prosekuzzjoni għamlet referenza għal rapport tal-FIAU li, skont id-Difiża, ma kellux jissemma quddiem il-ġurati.
Fil-verbal tiegħu, Mercieca jinsisti li l-Prosekuzzjoni qed tagħmel referenza għal dokumenti li jew qatt ma ġew ippreżentati quddiem il-ġurija, jew li huma milquta minn direzzjoni tal-Qorti biex ma jissemmewx.
Id-Difiża tgħid ukoll li fir-replika qed jiddaħħlu fatti li, skontha, ma ħarġux waqt il-ġuri, jew saħansitra punti li l-Qorti kienet diġà ordnat li jiġu injorati.
Bħala eżempju, Mercieca jirreferi għal parti mix-xhieda ta’ Andrew Caruana Galizia li l-Qorti kienet ordnat li tiġi skartata.
Il-kwistjoni issa hija jekk il-Prosekuzzjoni, fir-replika tagħha, hix qed tmur lil hinn mill-provi li effettivament tressqu quddiem il-ġurati.
Pawża sal-11:45am
Anthony Vella jkompli jibni l-argument tiegħu dwar il-motiv u jgħid lill-ġurati li għandhom jagħtu aktar piż lil dak li Yorgen Fenech qal fil-privat milli lil dak li seta’ qal pubblikament wara.
“Xejn minn dak li jgħid fil-pubbliku ma jbiddel dak li qal fil-privat,” jgħid Vella, filwaqt li jżid li Fenech forsi qatt ma basar li dawk il-konversazzjonijiet kienu se jispiċċaw jinqraw minn oħrajn.
Il-Prosekutur jistaqsi għaliex il-media kienet tħassbu daqstant.
Skont Vella, il-periklu għal Fenech ma kienx biss wieħed ta’ investigazzjoni kriminali, iżda wkoll wieħed finanzjarju u reputazzjonali.
Huwa jirreferi għal konversazzjoni ma’ Deo Scerri tal-BOV, fejn skont il-Prosekuzzjoni l-problema li kienet qed tiġi identifikata kienet 17 Black u l-“adverse media” marbuta magħha.
Għall-Prosekuzzjoni, dan juri li Fenech kien konxju li rapporti fil-media dwar 17 Black setgħu jkollhom konsegwenzi serji fuq l-interessi finanzjarji u kummerċjali tiegħu.
“Nafu li Yorgen Fenech ried lil Daphne Caruana Galizia mejta”
Anthony Vella jgħaddi issa għall-motiv u jagħmel waħda mill-aktar dikjarazzjonijiet diretti tiegħu quddiem il-ġurati:
“Nafu li Yorgen Fenech ried lil Daphne Caruana Galizia mejta.”
F’dan il-mument, Fenech jidher viżibilment ma jaqbilx ma’ dak li qed jingħad u jidher jgħid xi ħaġa minn taħt l-ilsien waqt li jinsab fl-iżbarra.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad iddur fuq Electrogas u fuq il-pressjoni li, skontha, kien qed iħoss Fenech dak iż-żmien.
Vella jirreferi għal email fejn Fenech kien qal li falliment tal-proġett Electrogas kien jirvinah kompletament, kemm mill-aspett kummerċjali kif ukoll fejn tidħol il-kredibbiltà tiegħu.
Fl-istess kuntest, il-Prosekuzzjoni tirreferi wkoll għal 17 Black, u tgħid li Fenech kien esprima tħassib serju dwar kif il-kumpanija setgħet tispiċċa fil-media.
Vella qed juża dawn il-punti biex jibni l-argument tal-Prosekuzzjoni dwar il-pressjoni kummerċjali u reputazzjonali li seta’ kien hemm fuq Fenech fiż-żmien ta’ qabel il-qtil.
Il-Prosekuzzjoni: m’għandhiex għalfejn tipprova l-motiv
Anthony Vella jgħid lill-ġurati li l-evidenza, skont il-Prosekuzzjoni, ma taqbilx mal-verżjoni li ta Yorgen Fenech.
Il-Prosekutur jerġa’ jgħaddi mit-timeline tal-każ: kif l-esperti segwew il-moviment tal-bomba mill-garaxx lejn il-Bidnija, kif bdew jiċċaqalqu l-burner phones u kif, skont il-Prosekuzzjoni, aġixxew l-eżekuturi.
Minn hemm, Vella jgħaddi għall-kwistjoni tal-motiv.
“Il-Prosekuzzjoni m’għandhiex għalfejn tipprova l-motiv,” jgħid.
Jispjega li jekk mill-provi joħroġ motiv, dan jista’ jgħin lill-ġurati jifhmu aħjar il-każ, iżda bħala prinċipju legali l-Prosekuzzjoni mhijiex obbligata tipprova għaliex sar ir-reat biex tipprova r-responsabbiltà kriminali.
Il-Prosekuzzjoni torbot l-attività tal-burner phones mal-verżjoni ta’ Theuma
Anthony Vella jkompli jibni l-kronoloġija tal-Prosekuzzjoni u jgħid li f’Awwissu bdew jinxtgħelu l-burner phones, b’attività iffokata madwar il-Bidnija.
“Din hija data importanti għax tagħmel ħafna sens mal-verżjoni ta’ Melvin Theuma,” jgħid Vella.
Il-Prosekutur ifakkar li Theuma xehed li, qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Yorgen Fenech kien tah l-ordni biex iqabbad lill-aħwa Degiorgio joqtlu lil Daphne Caruana Galizia.
Skont Theuma, meta tħabbret l-elezzjoni fl-1 ta’ Mejju, Fenech qallu biex iwaqqaf kollox. Wara l-elezzjoni, iżda, Theuma jgħid li Fenech reġa’ mexxa l-pjan ’il quddiem u tah aktar flus biex jitwettaq il-qtil.
Waqt li Vella jagħti din il-verżjoni lill-ġurati, Fenech jidher ixengel rasu mill-iżbarra, b’mod ċar ma jaqbilx ma’ dak li qed jingħad.
Il-Prosekuzzjoni qed tipprova turi li l-attività teknika tal-mobiles taqbel mat-timeline li Theuma ilu jagħti dwar il-waqfien u t-tkomplija tal-pjan.
Il-Prosekuzzjoni: Theuma baqa’ konsistenti fil-qalba tal-verżjoni tiegħu
Anthony Vella jgħid lill-ġurati li, minkejja li Melvin Theuma stess ammetta li għandu problema bid-dati, baqa’ konsistenti fis-sustanza tax-xhieda tiegħu.
Il-Prosekutur jgħid li meta l-investigaturi qabblu t-timeline ta’ Theuma ma’ dik ta’ Yorgen Fenech, il-verżjoni ta’ Theuma kienet tagħmel sens fil-kuntest tal-investigazzjoni.
Vella mbagħad idur fuq il-bomba li ntużat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jgħid li, skont l-investigazzjoni tal-FBI, is-sinjal tagħha nxtegħel fl-10 ta’ Jannar 2017 f’garaxx f’Ħaż-Żebbuġ.
Jgħid ukoll li l-esperti sabu xebh bejn din il-bomba u żewġ bombi oħra li ntużaw f’attentati ta’ qtil kontra Romeo Bone u Kevin Ellul, magħruf bħala ‘Double O’.
Il-Prosekuzzjoni qed tuża dan biex issaħħaħ il-kronoloġija teknika tal-każ u tgħaqqadha mal-bqija tal-provi li, skontha, jikkorroboraw il-verżjoni ta’ Theuma
Anthony Vella jkompli jpinġi lil Yorgen Fenech bħala persuna b’kuntatti u influwenza, u jgħid lill-ġurati li kellu biżżejjed saħħa biex jipprova jdaħħal mobile fil-ħabs.
F’dan il-punt id-Difiża tidher viżibilment urtata, b’Charles Mercieca jxengel rasu, iżda ma twaqqafx l-indirizz tal-Prosekuzzjoni.
Vella mbagħad jirreferi għal kuntatti oħra li kellu Fenech, fosthom ma’ Johann Buttigieg, li dak iż-żmien kien imexxi l-Awtorità tal-Ippjanar, u jgħid li meta Fenech kien ikollu bżonn xi ħaġa marbuta ma’ permess kien ikellmu direttament.
Il-Prosekuzzjoni qed tuża dawn l-eżempji biex issostni l-argument tagħha dwar in-netwerk ta’ kuntatti u l-aċċess li kellu Fenech.
“Anke l-verżjoni tiegħu stess tpoġġih bħala kompliċi”
Anthony Vella jkompli jgħid lill-ġurati li, anke jekk wieħed jieħu l-verżjoni ta’ Yorgen Fenech kif taha hu stess, din xorta tpoġġih f’pożizzjoni ta’ kompliċità.
Il-Prosekutur jgħid li kieku Fenech verament sar jaf li kien hemm pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia, seta’ mqar għamel rapport anonimu lill-Pulizija u, skont Vella, seta’ salva ħajja. Minflok, jgħid, il-Prosekuzzjoni tara fl-imġiba tiegħu odju lejn “mara u omm”, u tfakkar fil-kliem attribwit lilu li ried jitfagħha “minn Portomaso għal isfel”.
Vella jerġa’ lura fuq il-konversazzjonijiet dwar il-flus. Jgħid li meta Theuma semmielu €120,000 bħala “sehmek”, Fenech ma staqsiex għaliex kien qed jingħadlu dan jew x’kellu x’jaqsam miegħu, iżda wieġbu li jkellmu.
Il-Prosekuzzjoni tgħid ukoll li, skont Fenech stess, Keith Schembri kien qallu “mexxi” u wara Fenech għadda €50,000 lil Theuma.
Għal Vella, dan iwassal għal konklużjoni waħda: anke l-istorja li qed jagħti Fenech biex jiddefendi ruħu ma tpoġġihx barra mill-każ, iżda ġewwa fih.
Il-Prosekuzzjoni: “Tah €20,000 tip wara li qallu li ħallas biex tinqatel persuna?”
Anthony Vella jerġa’ jdur fuq il-verżjoni ta’ Yorgen Fenech dwar il-€50,000 li ta lil Melvin Theuma.
Il-Prosekuzzjoni tgħid li Theuma “mhux xi qaddis”, għax huwa kompliċi fi qtil, iżda tqajjem dubju serju fuq kif Fenech irid lill-ġurati jemmnu li Theuma ħareġ €30,000 minn butu bħala depożitu għall-qtil mingħajr ebda garanzija li se jieħu flusu lura.
Vella jfakkar li, skont Fenech, hu mbagħad tah €50,000 — jiġifieri €20,000 aktar mill-ammont li Theuma allegatament kien diġà ħallas.
“Immaġinaw xi ħadd jiġi jgħidlek li ħallas €30,000 biex tinqatel persuna, u flok tibagħtu jixxejjer jew tirraportah lill-Pulizija, tagħtih €20,000 tip,” jgħid Vella. “Għandha mis-sewwa din il-verżjoni?”
Il-Prosekuzzjoni mbagħad tqabbel il-mod kif Fenech irrefera għal Daphne Caruana Galizia fil-ġuri ma’ kliem attribwit lilu ftit wara l-qtil.
Vella jgħid li fil-Qorti Fenech beda jirreferi għaliha bħala “is-Sinjura”, iżda f’konversazzjoni preċedenti kien qal kliem ferm aktar iebes dwarha.
Il-Prosekutur imbagħad jgħid lill-ġurati li, skont il-każ tal-Prosekuzzjoni, Fenech għandu “jdejh imċappsin bid-demm.”
F’dak il-mument, Fenech jidher ixengel rasu waqt li jinsab bilqiegħda fl-iżbarra.
Wara l-break, Anthony Vella jerġa’ lura fuq iż-żewġ episodji li Yorgen Fenech qal li kellu mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat — wieħed f’Kastilja u ieħor fil-Girgenti.
Dwar il-laqgħa f’Kastilja, il-Prosekutur jinsisti li l-evidenza disponibbli ma taqbilx mal-verżjoni ta’ Fenech.
Imbagħad idur fuq il-festin fil-Girgenti, fejn Fenech xehed li kien tkellem waħdu ma’ Muscat. Vella jgħid li l-messaġġi li ntbagħtu wara l-festin jindikaw mod ieħor.
Il-Prosekuzzjoni tirreferi għal messaġġ fejn Muscat jistaqsi lil Fenech jekk kienx ħa pjaċir waqt il-festin. Vella jargumenta li kieku t-tnejn kienu diġà ltaqgħu u tkellmu hemmhekk, ma kienx jagħmel sens li Muscat jistaqsih hekk wara.
Jgħid ukoll li Fenech wieġeb li Muscat kellu ħafna nies madwaru u li, minħabba li kien mistħi, ma resaqx lejh.
Għall-Prosekuzzjoni, dan ikompli jqajjem mistoqsijiet dwar kemm il
Il-ġurati joħorġu hekk kif id-Difiża tqajjem punt ta’ dritt fuq Joseph Muscat
Id-Difiża titlob punt ta’ dritt u l-ġurati jintbagħtu barra mill-awla.
Charles Mercieca jargumenta li lista tax-xhieda, waħedha, mhijiex prova, u jisħaq li matul madwar tlett ijiem ta’ kontro-eżami ta’ Yorgen Fenech, il-Prosekuzzjoni ma staqsietux darba fuq il-verżjoni tiegħu dwar Joseph Muscat.
L-Imħallef Edwina Grima tindika li d-Difiża tista’ twieġeb għal dan il-punt fil-kors tar-replika tagħha.
Il-Prosekutur Anthony Vella, min-naħa tiegħu, jgħid li jekk id-Difiża riedet issostni dak li qed tgħid dwar l-eks Prim Ministru, setgħet sejħitlu bħala xhud — iżda ma għamlitx dan.
Il-Qorti issa qed tisma’ l-argumenti tal-partijiet qabel tiddeċiedi kif għandu jitkompla l-indirizz quddiem il-ġurati.
Il-Prosekuzzjoni tqajjem dubji fuq il-verżjoni ta’ Fenech dwar Joseph Muscat
Anthony Vella jdur fuq dak li Yorgen Fenech qal dwar żewġ kuntatti mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat — wieħed f’Kastilja u ieħor fil-Girgenti.
Il-Prosekuzzjoni tqabbel din il-verżjoni mad-data tal-localisation tal-mobile ta’ Fenech u tgħid li dan resaq lejn il-Belt darba biss, fl-14 ta’ Jannar 2019.
Vella mbagħad jiġbed l-attenzjoni għal messaġġ tal-15 ta’ Jannar, meta Muscat bagħat lil Fenech jistaqsih jekk waslux qawwijin u sħaħ mis-safra.
Skont il-Prosekuzzjoni, Fenech wieġbu jumejn wara, skuża ruħu għad-dewmien u qallu li kien għadu kif ra l-messaġġ għax kien insteraqlu l-mobile f’Miami.
Vella qed juża dawn id-dettalji biex ipoġġi taħt skrutinju l-kronoloġija u l-preċiżjoni tal-verżjoni ta’ Fenech dwar il-laqgħat u l-kuntatti tiegħu ma’ Muscat.
Anthony Vella jkompli jindirizza lill-ġurati dwar dak li l-Prosekuzzjoni tiddeskrivi bħala l-ħarba ta’ Yorgen Fenech.
Huwa jirreferi għal messaġġi li Fenech bagħat lil qraba tiegħu, fosthom biex jieħdu ħsieb lil uliedu, u għal kliem fejn jgħid li issa jiġri minnu x’jiġri.
Vella jinterpreta dawn il-messaġġi bħala sinjal ċar li Fenech kien qed jippjana li jitlaq.
“Mela ried jabbandunahom lil uliedu, mhux le,” jgħid il-Prosekutur.
Huwa jitlob lill-ġurati jerġgħu jaqraw il-messaġġi kollha, u jirreferi wkoll għal diskors dwar in-Normandija fi Franza, fejn skont il-Prosekuzzjoni Fenech kien qed jikkunsidra li jikri residenza u jitlaq għal kollox.
Vella mbagħad idur fuq ir-recordings ta’ Johann Cremona, u jgħid li meta dan kien qed jitkellem dwar Fenech ma kienx jaf li kien qed jiġi rrekordjat.
Fost l-affarijiet li qal Cremona, skont il-Prosekuzzjoni, kien hemm li Fenech messu ġab żewġ hitmen barranin biex joqtlu lil Daphne Caruana Galizia, u li l-qtil seta’ ġie evitat.
Il-Prosekuzzjoni qed tuża dawn il-punti biex targumenta li dak li ntqal fil-privat dwar Fenech għandu piż partikolari proprju għax min kien qed jitkellem ma kienx jaf li kliemu kien qed jinżamm bħala recording.
Il-Prosekuzzjoni: “Din kollha ħrafa vvintata”
Anthony Vella jkompli jattakka l-verżjoni ta’ Yorgen Fenech dwar ir-recordings li, skont l-akkużat, kienu jimplikaw lil Keith Schembri fil-qtil.
Il-Prosekutur jgħid lill-ġurati li fil-messaġġi bejn Fenech u Schembri, inklużi dawk marbuta mal-perjodu tal-allegata ħarba, ma hemm xejn li jimplika lil Schembri fil-qtil.
Vella jistaqsi kif il-ġurati għandhom jemmnu li f’Ottubru 2018 Fenech kellu f’idejh recordings li suppost kienu jinkriminaw lil Schembri, iżda mbagħad għaddiehom proprju lilu.
“Din kollha ħrafa vvintata,” jinsisti Vella.
Jgħid li dawk ir-recordings, kif qed jiddeskrivihom Fenech, ma jeżistux u ma hemm ebda prova konkreta tagħhom.
Il-Prosekuzzjoni mbagħad tiddeskrivi lil Fenech bħala “manipulattiv” u ddur fuq l-episodju tal-allegata ħarba. Vella jgħid li kien l-Ispettur Kurt Zahra li kkonfronta lil Fenech dwar il-possibbiltà li jaħrab, filwaqt li l-akkużat jiċħad li kellu din l-intenzjoni.
Madankollu, skont Vella, il-messaġġi li Fenech kien qed jibgħat lill-qraba tiegħu f’dak il-perjodu juru paniku, freneżija u pressjoni kbira.
Il-Prosekuzzjoni: “Ir-recordings ma setgħu qatt juru l-innoċenza tiegħu”
Anthony Vella jkompli jgħid lill-ġurati li, skont il-Prosekuzzjoni, kien permezz ta’ Yorgen Fenech li l-allegati qattiela saru jafu li kienu se jiġu arrestati, u kien ukoll permezz tiegħu li l-aħwa Degiorgio saru jafu li Vincent Muscat, il-Koħħu, kien qed jitkellem.
Vella jgħid li, minkejja l-ħafna passi li Fenech jgħid li ħa tul iż-żmien, qatt ma ġieh f’moħħu jirrekordja lil Melvin Theuma biex jipprova l-verżjoni tiegħu.
Skont il-Prosekutur, ir-raġuni hija li recording bħal dak ma setax iservi biex jevidenzja l-innoċenza ta’ Fenech, għax il-Prosekuzzjoni tqisu kompliċi fil-każ bħalma tqis lil Theuma.
“Ir-recordings ħadd ma jista’ jħassarhom u jmerihom,” jinsisti Vella.
Il-Prosekuzzjoni qed tipprova tpoġġi lir-recordings bħala prova oġġettiva tal-konversazzjonijiet li saru dak iż-żmien, aktar milli bħala verżjoni mibnija snin wara.
Il-Prosekuzzjoni fuq il-pendrive: “Dawn l-affarijiet jagħmlu sens?”
Anthony Vella jkompli jattakka l-verżjoni ta’ Yorgen Fenech dwar ir-recordings li, skont l-akkużat, Melvin Theuma tah f’pendrive jew ċippa f’Ottubru 2018.
Il-Prosekutur ifakkar li Fenech xehed li kien ta €50,000 lil Theuma wara li dan kien qallu li kien ħallas minn jeddu d-depożitu ta’ €30,000 għall-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Imbagħad, skont il-verżjoni ta’ Fenech, Theuma tah pendrive b’recordings li fihom kien hemm diskors dwar il-qtil u li allegatament kienu jimplikaw lil Keith Schembri.
Vella jgħid li Fenech irid lill-ġurati jemmnu li lanqas biss sema’ dawk ir-recordings.
“Immaġinaw,” jgħid Vella, “persuna li tkellimtu magħha diversi drabi dwar qtil tagħtik recordings dwar dak l-istess qtil, u lanqas biss tiġik il-kurżità tismagħhom.”
Il-Prosekuzzjoni tiddeskrivi din il-verżjoni bħala “insult lejn l-intelliġenza”.
Vella jfakkar ukoll li, skont Fenech, mal-pendrive Theuma kien tah ittra li fiha kien qed jimplika kemm lilu kif ukoll lil Schembri fil-qtil.
U x’għamel Fenech b’dan kollu, jistaqsi l-Prosekutur? Għaddieh lil Schembri, mingħajr ma żamm kopja u mingħajr, skontu, ma sema’ r-recordings.
Għall-Prosekuzzjoni, dan ma jagħmilx sens: Fenech qed jgħid li kellu f’idejh materjal li seta’ jsostni l-innoċenza tiegħu u jimplika lill-persuna li hu stess issa jsejjaħ il-mandant, iżda xorta għaddieh proprju lil dik il-persuna.
Vella jħalli lill-ġurati b’mistoqsija
“Għandhom is-sewwa dawn l-affarijiet?”
Il-Prosekuzzjoni tattakka x-xhieda ta’ Fenech: “Wara seba’ snin, ma tantx qatgħali l-kurżità”
Anthony Vella jerġa’ jdur fuq ix-xhieda ta’ Yorgen Fenech u jgħid lill-ġurati li, meta sar jaf li l-akkużat kien se jitla’ jixhed, stenna li wara seba’ snin jagħti spjegazzjoni sħiħa tal-verżjoni tiegħu.
“Wara seba’ snin ġie l-mument opportun,” jgħid Vella. “Imma għalija, ma tantx qtajt il-kurżità.”
Il-Prosekutur jgħid li Fenech xehed għal ftit sigħat biss u, skontu, ma spjegax għaliex jemmen li Chris Cardona kien involut jew għaliex qed jipponta lejn Keith Schembri bħala l-mandant.
Vella jfakkar li f’punt minnhom Fenech wieġeb: “Mhux ovvja? Naħseb m’għandix għalfejn nispjega.”
Il-Prosekuzzjoni tgħid ukoll li f’ċerti episodji, il-verżjoni li Fenech ta fil-ġuri nbidlet sostanzjalment minn dik li kien ta fl-istqarrija tiegħu.
Bħala eżempju, Vella jsemmi l-episodju tar-ranch: jgħid li fl-istqarrija Fenech kien qal li Keith Schembri ma kienx preżenti, filwaqt li fil-ġuri qal li Schembri kien hemm u li Melvin Theuma kien qabdu, tant li kellhom jintervjenu biex jikkalmawh.
Jirreferi wkoll għar-recordings. Skont Vella, fl-istqarrija Fenech kien qal li rema’ r-recordings, iżda fil-ġuri qal li tahom lil Keith Schembri.
Għall-Prosekuzzjoni, dawn id-differenzi huma importanti biex il-ġurati jevalwaw kemm il-verżjoni ta’ Fenech baqgħet konsistenti tul iż-żmien.
Jidħlu l-ġurati u tkompli r-replika tal-Prosekuzzjoni
Il-ġurati jerġgħu jidħlu fl-awla wara d-digriet tal-Qorti dwar iċ-chats bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio.
L-Imħallef mistennija tindirizzahom fuq il-punt u tfakkarhom biex jinjoraw is-sottomissjonijiet li saru lbieraħ dwar dawk il-messaġġi.
Issa tkompli r-replika tal-Prosekuzzjoni.
Il-Qorti twaqqaf lill-Prosekuzzjoni milli tirreferi għaċ-chats bejn Theuma u Mario Degiorgio
Wara dewmien ta’ kważi 20 minuta, tidħol l-Imħallef Edwina Grima u tagħti digriet dwar it-tilwima li nqalgħet ilbieraħ fuq iċ-chats bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio.
Il-Qorti tgħid li, wara li semgħet lill-partijiet u reġgħet eżaminat ix-xhieda tas-Surġent Josef Gerada tal-1 ta’ Awwissu 2026, jirriżulta li meta Gerada kien se jibda jixhed dwar il-kontenut ta’ device identifikat bħala SC00017787, ix-xhieda tiegħu kienet twaqqfet minħabba punt ta’ dritt imqajjem mid-Difiża.
F’dak il-mument, Gerada kien qed jixhed dwar chat bejn Theuma u Mario Degiorgio. Il-Qorti kienet ordnat lill-Prosekuzzjoni tindika minn liema dokument esebit fl-atti kienu ttieħdu l-messaġġi.
Meta Gerada kompla jixhed fl-4 ta’ Awwissu, iżda, ma kompliex fuq dik iċ-chat, u għalhekk il-Prosekuzzjoni lanqas indikat minn liema dokument fl-atti kienet ittieħdet.
Il-Qorti għalhekk tiddeċiedi li, ladarba x-xhud ma xehedx dwar dawk il-messaġġi, il-Prosekuzzjoni ma tistax issa tirreferi għalihom fir-replika, speċjalment peress li ma ttellgħux fuq it-tablets tal-ġurati.
Grima tordna wkoll korrezzjoni fil-verbal tas-seduta tal-1 ta’ Awwissu, biex titħassar il-parti li kienet tindika li dawn iċ-chats ittellgħu fuq it-tablets tal-ġurati.
Il-Qorti tordna lill-Prosekuzzjoni biex, fir-replika tagħha, tirreferi biss għall-provi li effettivament tressqu quddiem il-ġurati u jinsabu fuq it-tablets tagħhom.
L-Imħallef se tidderieġi wkoll lill-ġurati biex jinjoraw dak li qalet il-Prosekuzzjoni lbieraħ dwar dawn il-messaġġi.
Wasalna għal Jum 51 tal-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Wara ġurnata twila lbieraħ, li rat id-Difiża tagħlaq il-provi tagħha u l-Prosekuzzjoni tibda r-replika quddiem il-ġurati, illum mistennija nkomplu minn fejn ħallejna.
Is-seduta mistennija tibda fid-9am, bil-Qorti l-ewwel mistennija tindirizza l-kwistjoni dwar chats bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio li qajmet tilwima legali fl-aħħar tas-seduta tal-bieraħ.
Jiena Jaelle Borg u se nkun magħkom għal darb’oħra matul il-ġurnata kollha.