“Ma rajniex recordings li jimplikaw lil Schembri – ovvjament, għax ma jeżistux” – Il-Prosekuzzjoni tinsisti li dan huwa l-ġuri ta’ Yorgen Fenech

Il-Prosekuzzjoni insistiet li dan huwa l-ġuri ta’ Yorgen Fenech u mhux ta’ Keith Schembri, hekk kif poġġiet ir-recordings ta’ Melvin Theuma fiċ-ċentru tal-każ u qalet li teoriji alternattivi jridu xorta waħda jaqblu mal-provi li nstemgħu quddiem il-ġurati

17:46

U b’hekk tintemm ġurnata oħra twila fil-ġuri ta’ Yorgen Fenech, ġurnata li bdiet bit-tmiem tas-sottomissjonijiet tad-Difiża, kompliet bix-xhieda tagħha u spiċċat bir-replika tal-Prosekuzzjoni mwaqqfa fuq punt ta’ liġi dwar chats li l-Qorti trid teżamina aktar bir-reqqa. Il-każ jerġa’ jkompli għada fid-9am. Jiena Jaelle Borg nirringrazzjakom talli segwejtuna matul il-ġurnata

Jaelle Borg
17:44

Id-diżgwid dwar iċ-chats bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio ma jissolviex illum, bil-ġurati jibqgħu barra mill-awla waqt li l-partijiet jargumentaw dwar jekk il-kontenut jistax jintuża fis-sottomissjonijiet tal-Prosekuzzjoni.

Il-Prosekuzzjoni tinsisti li ċ-chat huwa ammissibbli għax Josef Gerada kien xehed dwaru u kkonferma li kien estratt mill-apparat rilevanti. Skontha, il-piż li għandu jingħata lil dan il-materjal huwa mbagħad kwistjoni għall-ġurati.

Il-Qorti, iżda, tiddeċiedi li ma tridx tagħti deċiżjoni mgħaġġla fuq il-punt.

L-Imħallef Edwina Grima tgħid li trid tħares lejn il-kwistjoni b’aktar attenzjoni u għalhekk tordna li l-każ jiġi aġġornat għal għada.

“Inkomplu għada fid-9. Irrid inħares lejha mingħajr għaġla,” tgħid.

Id-Difiża tipprova tevita li tintilef aktar ħin fuq il-punt u tissuġġerixxi li l-Prosekuzzjoni taqbeż din il-parti u tkompli bis-sottomissjonijiet tagħha.

Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, il-Qorti tagħlaq is-seduta għal-lum.

Il-ġuri jerġa’ jkompli għada fid-9am.

Jaelle Borg
17:23

L-Imħallef Edwina Grima tagħmilha ċara li l-Prosekuzzjoni ma tistax tuża fis-sottomissjonijiet finali materjal li qatt ma tressaq quddiem il-ġurati waqt il-provi.

Il-Qorti tirreferi għaċ-chats bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio, u tgħid li dawn qatt ma ġew imqiegħda formalment quddiem il-ġurati.

“Kellkom tistaqsu lil Melvin Theuma dwarhom meta kien fuq il-pedana. Illum qed nisimgħu dan iċ-chat għall-ewwel darba,” tgħid l-Imħallef.

Il-Prosekutur Anthony Vella jinsisti li l-materjal kien diġà jinsab fl-atti.

Charles Mercieca jerġa’ joġġezzjona u jgħid li l-fatt li dokument jinsab fl-atti ma jfissirx awtomatikament li sar prova quddiem il-ġurati, speċjalment jekk il-kontenut tiegħu ma ġiex ikkonfermat mix-xhud rilevanti.

Vella jwieġeb li Josef Gerada kien diġà xehed dwar l-eżistenza taċ-chat u kkonferma li kien estratt mill-apparat.

Il-punt li issa qed jiġi diskuss huwa għalhekk mhux jekk iċ-chat jeżistix, iżda jekk il-Prosekuzzjoni tistax tuża l-kontenut tiegħu fis-sottomissjonijiet meta l-ġurati ma kinux semgħuh jew rawh matul il-provi.

Jaelle Borg
17:17

Anthony Vella jibda jaqra minn chats bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio, fosthom kumment dwar l-ispejjeż tal-avukati: “L-avukati għamlu tajjeb!”

Hekk kif il-Prosekuzzjoni tkompli, Charles Mercieca jitlob biex jindirizza lill-Qorti u l-ġurati jintbagħtu barra mill-awla.

Mercieca jitlob lil Vella jindika eżatt minn fejn qed jaqra dan il-materjal.

“Qiegħed fl-atti,” iwieġeb Vella.

It-tensjoni fl-awla togħla, b’Mercieca jgħid lill-Imħallef:

“Ma niflaħx iżjed, Sinjura.”

Il-Qorti issa qed tisma’ l-argument bejn iż-żewġ naħat dwar l-użu ta’ dawn il-chats qabel ma l-ġurati jerġgħu jidħlu.

Jaelle Borg
17:14

Anthony Vella jdur fuq ix-xhieda ta’ Yorgen Fenech u jgħid lill-ġurati li, meta l-akkużat tela’ fuq il-pedana, kien jistenna li jagħti l-verżjoni tiegħu b’mod sħiħ u jindirizza direttament il-punti li ilhom isegwuh tul il-każ.

Il-Prosekuzzjoni tgħid li x-xhieda diretta ta’ Fenech damet biss ftit sigħat u li, f’dak il-ħin, ma daħalx fid-dettall fir-recordings u lanqas ċċara numru ta’ punti li kienu ħarġu mill-interrogazzjoni tiegħu.

Vella jfakkar ukoll li, waqt l-interrogazzjoni, Fenech kien talab diversi drabi għal konfrontazzjoni.

Huwa għalhekk jistaqsi għaliex, meta finalment kellu l-ispazju quddiem il-Qorti, ma talabx li jikkonfronta lil Keith Schembri, lil Melvin Theuma jew lil xhieda oħra bħal Adrian Vella u Johann Cremona.

Il-Prosekuzzjoni tfakkar li Fenech kien qal li kien se jitkellem “fil-mument opportun”.

Vella jgħid li dak il-mument wasal meta tela’ jixhed.

“Kellu ċ-ċans jikkonfronta lir-raġel li qallu ‘inti ordnajt il-qtil, inti ħallast għall-qtil’ — u xorta ma għamilx dan,”jgħid.

Il-punt tal-Prosekuzzjoni huwa li, jekk Fenech ried verament jiċħad direttament l-akkużi ta’ Theuma u ta’ oħrajn, kellu l-opportunità jagħmel dan minn fuq il-pedana u ma ħadhiex.

Jaelle Borg
17:10

Anthony Vella jirrikonoxxi li r-relazzjoni personali u kummerċjali bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri tista’ tagħti spjegazzjoni għaliex Fenech seta’ ried jipproteġi lil Schembri wara li sar jaf b’ċerti fatti.

It-tnejn kienu ħbieb u kellhom rabtiet fin-negozju, jgħid il-Prosekutur.

Iżda Vella jgħid lill-ġurati li jridu jħarsu wkoll lejn dak li Fenech stess qal fir-recordings, fosthom referenza għal “dak li Keith Schembri għamel għalija.”

Il-Prosekuzzjoni tfakkar ukoll li, skont kliem Fenech fir-recordings, Schembri kien ħasad meta sar jaf bl-involviment ta’ Fenech fil-qtil.

Vella mbagħad jiġbed l-attenzjoni għal kliem attribwit lil Theuma f’konversazzjoni ma’ Johann Cremona“Yorgen ma kellux għalfejn irid din.”

Il-punt li jagħmel il-Prosekutur huwa wieħed ta’ żmien: dik il-konversazzjoni seħħet madwar iż-żmien tal-qtil, mhux wara l-arrest ta’ Fenech meta, skont id-Difiża, setgħu nbnew verżjonijiet jew motivi biex Fenech jiġi implikat.

Għall-Prosekuzzjoni, dan jagħti aktar piż lill-argument li r-rabta ta’ Fenech mal-każ kienet qed tissemma ferm qabel ma kien hemm xi raġuni marbuta mal-proċeduri kriminali tiegħu biex tinħoloq storja kontrih.

Jaelle Borg
17:05

Anthony Vella jirrikonoxxi li d-Difiża għandha kull dritt tipproponi lil Keith Schembri bħala l-mandant alternattiv tal-qtil. Iżda jgħid lill-ġurati li teorija bħal din ma tistax tibqa’ biss suspett jew possibbiltà — trid toqgħod mal-provi li fil-fatt instemgħu fil-ġuri.

Il-Prosekuzzjoni tistaqsi x’juri l-każ dwar dak li persuna kienet taf qabel il-qtil, x’saret taf wara, u x’għamlet b’dik l-informazzjoni: jekk għaddiethiex lil ħaddieħor, jekk offrietx impjieg, jew jekk ippruvatx iżżomm kontroll fuq recordings u kuntatti.

Meta jdur direttament fuq Schembri, Vella jgħid li l-ġurati semgħu recordings ta’ Fenech ma’ Theuma, iżda mhux recordings ta’ Schembri.

“Ma smajniex recordings ta’ Keith Schembri għax ma jeżistux,” jgħid.

Skont il-Prosekuzzjoni, qabel ma l-ġurati jaċċettaw teorija alternattiva, id-Difiża trid l-ewwel tispjega l-provi li rabtu direttament lil Theuma u Fenech, fosthom il-flus u l-konversazzjoni fejn Theuma jfakkar f’€150,000 u Fenech iwieġeb: “Niftakar.”

Vella jerġa’ jiġbor il-punt f’prinċipju wieħed: kull allegazzjoni trid tkun sostnuta mill-provi.

Jaelle Borg
16:57

Anthony Vella jerġa’ jdur fuq Signal exchange bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma, u jgħid lill-ġurati biex jaraw kif konversazzjoni li tibda fuq affarijiet ordinarji tispiċċa tidħol f’punti ferm aktar sensittivi.

F’mument minnhom, Theuma jistaqsi: “Kenneth waqa’ mis-sema?” — mistoqsija li Vella jiddeskrivi bħala waħda retorika.

Il-punt tal-Prosekuzzjoni huwa li Kenneth Camilleri ma daħalx fil-biċċa waħdu: xi ħadd bagħtu, xi ħadd tah rwol, u Theuma ried ikun jaf min kien warajh.

Minn hemm, Vella jerġa’ jqiegħed lil Theuma fir-rwol ta’ sensar bejn in-nies involuti.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tgħaddi għall-allegat rikatt. Vella jgħid li Theuma kien qed jagħfas fuq Fenech għax seta’ jikxfu — iżda jistaqsi: jekk Fenech kien verament innoċenti, x’seta’ kellu Theuma fuqu?

Skont Vella, il-fatt li Theuma biss seta’ “jikxef” lil Fenech huwa punt li għandu jinqara flimkien mal-konversazzjonijiet dwar il-flus, fosthom dik tal-€120,000, u mal-fatt li Fenech stess fakkar li kien għadda somom sostanzjali lil Theuma.

Jaelle Borg
16:44

Anthony Vella jerġa’ jdur fuq konversazzjoni bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma, u jiffoka fuq dak li, skont il-Prosekuzzjoni, Fenech ma staqsiex.

Theuma kien assigura lil Fenech li ismu qatt ma kien issemma quddiem l-eżekuturi.

Vella jgħid lill-ġurati li persuna kompletament estranja għall-qtil setgħet tirreaġixxi b’mod differenti: tistaqsi min huma dawk l-irġiel, għaliex qed jissemmew magħha, jew għaliex Theuma qiegħed saħansitra jagħtiha dik l-assigurazzjoni.

“Hemm miljun ħaġa li seta’ jgħid min ma kellux x’jaqsam,” jgħid Vella.

Iżda, skont il-Prosekuzzjoni, Fenech ma jagħmilx dawk il-mistoqsijiet. Dak li jinteressah huwa biss li jikkonferma li l-eżekuturi ma kinux jafuh b’ismu.

Vella għalhekk ipoġġi l-mistoqsija lill-ġurati: għaliex persuna li ma kellha x’taqsam xejn mal-qtil tkun interessata jekk it-tliet irġiel li wettquh kinux jafu isimha?

Jaelle Borg
16:29

Anthony Vella jkompli juża l-messaġġi bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma biex jargumenta li l-kliem ta’ Fenech stess juri sens ta’ involviment komuni.

Il-Prosekuzzjoni taqra messaġġi minn Novembru 2019 fejn Fenech jgħid, fost oħrajn:

“Se niġġieled sal-aħħar biex naslu fejn irridu.”

“U nagħmel minn kollox biex nevitawha.”

“Ngħaddu minn din, u jekk Alla jrid noħorġu minnha darba għal dejjem.”

Theuma mbagħad jgħidlu li jridu jirranġaw “il-kwistjoni tan-nisa” għax inkella “ħajjitna tkun spiċċat”, u Fenech iwieġeb:

“Naf. Ma nieqafx.”

Vella jpoġġi l-enfasi fuq kelma waħda: il-plural.

Il-punt tal-Prosekuzzjoni huwa li Fenech ma kienx qed jitkellem dwar problema ta’ Theuma biss, iżda juża kliem bħal “aħna”, “tagħna” u “noħorġu”.

“Min mhux involut ma jitkellimx fil-plural,” jgħid Vella lill-ġurati.

Jaelle Borg
16:03

Pawża sal-4:15

Jaelle Borg
15:59

Anthony Vella jerġa’ jpoġġi r-recordings fiċ-ċentru tar-replika tiegħu u jgħid lill-ġurati li, f’każ bħal dan, ħafna drabi wieħed jixtieq ikun seta’ “ikun dubbiena mal-ħajt” biex jisma’ x’kien qed jingħad fil-privat.

Skont il-Prosekuzzjoni, ir-recordings taw proprju dik l-opportunità: li wieħed jisma’ direttament x’għadda bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma.

Vella jirrikonoxxi l-argument tad-Difiża li Theuma seta’ jagħżel meta jirrekordja, seta’ jmexxi l-konversazzjoni lejn ċerti suġġetti u seta’ anke jistaqsi mistoqsijiet li jwasslu għal tweġiba partikolari.

Imma jgħid li hemm limitu għal dak li seta’ jagħmel Theuma.

“Ma setax jidħol f’moħħ il-persuna l-oħra u jdaħħallu memorja li qatt ma kienet hemm,” jgħid Vella.

Bl-istess mod, jgħid, seta’ jqajjem suġġett jew isemmi ammont ta’ flus, iżda ma setax ipoġġi t-tweġibiet f’ħalq Fenech.

Il-punt tal-Prosekuzzjoni huwa li l-valur tar-recordings jinsab proprju f’dan: it-tweġibiet li jinstemgħu huma ta’ Fenech innifsu, mhux kliem li Theuma seta’ joħloq għalih.

Jaelle Borg
15:55

Anthony Vella jerġa’ jdawwar l-attenzjoni tal-ġurati fuq ir-recordings li għamel Melvin Theuma, u jgħid li dawn huma proprju r-raġuni għaliex il-verżjoni tiegħu ma tiddependix biss fuq kelmtu.

“ Imn'Alla Melvin irreġistra l-konversazzjonijiet li fihom Yorgen jammetti l-ħtija tiegħu,” jgħid il-Prosekutur. 

Vella jaqbad mal-frażi li użat id-Difiża dalgħodu meta talbet lill-ġurati biex ma jkunux is-“salva uomo” ta’ Theuma.

Il-Prosekuzzjoni ddawwar dak l-argument fuqha u tgħid li s-“salva uomo” ta’ Theuma huma r-recordings stess — għax, skont Vella, Theuma għamilhom proprju biex xi darba jkun jista’ jiġi emmnut. 

Vella jiġbed ukoll l-attenzjoni għall-fatt li, skontu, id-Difiża għaddiet mis-sottomissjonijiet tagħha mingħajr ma ffukat fuq recording wieħed partikolari.

“Iridukom tinsew dawn ir-recordings għax huma l-aktar prova ċara,” jgħid lill-ġurati. 

Il-punt tal-Prosekuzzjoni huwa li, tkun xi tkun il-kredibbiltà personali ta’ Theuma, il-ġurati għandhom quddiemhom il-kliem ta’ Fenech stess irreġistrat f’konversazzjonijiet privati, u dawk ir-recordings għandhom jingħataw piż separat mix-xhieda ta’ Theuma.

Jaelle Borg
15:51

Anthony Vella jkompli jiddefendi l-proklama ta’ Melvin Theuma, u jerġa’ jorbot magħha l-importanza tal-kaxxa tal-ġelati li fiha Theuma kien żamm recordings u materjal ieħor.

Il-Prosekuzzjoni tgħid li l-proklama ma kinitx xi protezzjoni assoluta jew bla kundizzjonijiet. Bil-kontra, Vella jfakkar lill-ġurati li setgħet tintilef jekk Theuma jigdeb.

Jispjega li dan it-tip ta’ maħfra jingħata proprju biex tinkiser l-omertà bejn persuni involuti fil-kriminalità u biex wieħed minnhom jikxef dak li jaf.

Vella jfakkar ukoll li proklama ma tingħatax minn persuna waħda, iżda tgħaddi minn proċess li jinvolvi lill-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, il-Kabinett u l-President tar-Repubblika.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad twieġeb għal argument ieħor tad-Difiża: li Theuma ma kellu kważi xejn x’jitlef wara li ngħata l-proklama.

Vella jgħid li dan mhux eżatt, għax il-proklama ma tkoprix responsabbiltà ċivili. Jekk Theuma jinstab responsabbli f’kawżi ċivili, jgħid, xorta jista’ jiġi ordnat iħallas danni jew somom oħra imposti mill-Qorti.

Il-punt tal-Prosekuzzjoni huwa li Theuma baqa’ marbut b’kundizzjonijiet u konsegwenzi, u għalhekk ma jistax jiġi ppreżentat bħala persuna li wara l-proklama kienet “ħielsa minn kollox”.

Jaelle Borg
15:35

Anthony Vella issa jdur fuq il-proklama ta’ Melvin Theuma, punt li d-Difiża attakkat ripetutament fis-sottomissjonijiet tagħha.

Il-Prosekuzzjoni tgħid li d-Difiża qed tipprova tagħti l-impressjoni li l-proklama kienet xi forma ta’ ftehim mixtri jew pjaċir mogħti lil Theuma, iżda Vella jinsisti li dan mhux minnu.

Jispjega li wara l-arrest tiegħu, Theuma applika għall-proklama, u wara proċess intlaħaq ftehim b’kundizzjonijiet ċari.

Skont il-Prosekuzzjoni, il-kundizzjoni ewlenija kienet li Theuma jgħid il-verità dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u jgħaddi l-provi kollha li kellu fil-pussess tiegħu.

Il-punt ta’ Vella huwa li l-proklama ma ngħatatx bla kundizzjonijiet jew biex tinxtara verżjoni, iżda bħala ftehim marbut direttament mal-obbligu ta’ Theuma li jikxef dak kollu li kien jaf u jipprovdi l-evidenza li kellu.

Jaelle Borg
15:23

Anthony Vella jkompli jiddefendi l-kronoloġija ta’ Melvin Theuma, u jgħid lill-ġurati li tul ix-xhieda tiegħu deher ċar li Theuma ma kienx tajjeb biex jiftakar dati u perjodi b’eżattezza.

Biex jenfasizza l-punt, il-Prosekutur ifakkar f’mument waqt ix-xhieda meta Theuma saħansitra kellu jistaqsi liema xahar jiġi qabel Novembru.

Għal Vella, dan juri għaliex il-ġurati m’għandhomx jistennew minn Theuma kronoloġija preċiża sal-ġurnata jew il-ġimgħa.

Il-punt tal-Prosekuzzjoni huwa li konfużjoni fid-dati ma tfissirx neċessarjament li l-qalba tar-rakkont hija falza — u għalhekk id-Difiża ma tistax, skontha, twaqqa’ l-verżjoni kollha ta’ Theuma sempliċement għax il-perjodi li semma ma kinux eżatti.

Jaelle Borg
15:22

Anthony Vella jerġa’ jdur fuq il-kronoloġija tal-allegat pjan tal-qtil, u din id-darba jindirizza direttament wieħed mill-punti li d-Difiża ppruvat tuża biex tattakka l-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma: il-fatt li Yorgen Fenech kien imsiefer għal parti minn April 2017.

Il-Prosekuzzjoni tfakkar fil-verżjoni ta’ Theuma: kien hemm pjan qabel l-elezzjoni, iżda meta fl-1 ta’ Mejju tħabbret l-elezzjoni ġenerali, Fenech allegatament qallu biex jieqfu. Wara l-elezzjoni, skont Theuma, Fenech reġa’ ċempillu u qallu biex ikomplu bil-pjan.

Theuma kien qal ukoll li f’wieħed minn dawn il-mumenti Fenech deher ftit tipsy u għalhekk ma ħadux bis-serjetà mill-ewwel. Aktar tard, iżda, Theuma qal li rċieva flus mingħand Fenech, li skont il-verżjoni tiegħu kienu marbuta ma’ flus li Fenech kien rebaħ fuq imħatri marbuta mal-elezzjoni.

Il-Prosekuzzjoni tgħid li minn hemm ’il quddiem bdiet l-azzjoni konkreta.

Vella mbagħad jattakka l-argument tad-Difiża li l-vjaġġ ta’ Fenech f’April iwaqqa’ l-verżjoni ta’ Theuma. Jgħid li d-Difiża ma ppreżentatx lill-ġurati flight tickets jew hotel records li juru b’mod sħiħ kemm dam barra minn Malta.

U anke jekk wieħed jaċċetta, għall-grazzja tal-argument, li Fenech kien barra bejn is-7 u l-21 ta’ April, Vella jgħid li xorta jibqa’ perjodu fl-ewwel ġimgħa ta’ April li jista’ jaqbel mal-kronoloġija indikata minn Theuma.

Il-punt tal-Prosekuzzjoni huwa li Theuma qatt ma ta data preċiża għall-allegata laqgħa, iżda dejjem tkellem fuq perjodu approssimattiv.

Għalhekk, jgħid Vella, il-fatt li Fenech kien imsiefer għal parti minn April ma jfissirx awtomatikament li l-verżjoni ta’ Theuma ma tistax tkun vera.

Jaelle Borg
15:09

Hekk kif il-ġurati jerġgħu jidħlu fl-awla, Anthony Vella jerġa’ jibda minn punt li jgħid li huwa importanti ħafna: dan il-ġuri huwa kontra akkużat wieħed, Yorgen Fenech, iżda l-investigazzjoni dwar l-omiċidju ma waqfitx miegħu.

Il-Prosekuzzjoni tispjega li meta tressqu l-allegati eżekuturi, l-inkjesta dwar il-qtil kienet ingħalqet għal dawk il-proċeduri u l-atti ġew ippreżentati quddiem il-Qorti.

Iżda, jgħid Vella, l-investigazzjoni kompliet.

Minn hemm tressaq Yorgen Fenech, u aktar tard tressqu wkoll persuni oħra marbuta mal-każ, fosthom dawk tal-Maksar, li s-sena li għaddiet instabu ħatja.

Il-Prosekuzzjoni tgħid li dan juri li l-każ ma ġiex trattat bħala investigazzjoni li tagħlaq ma’ persuna waħda. Kull darba li ħarġu linji oħra, l-investigazzjoni reġgħet kompliet.

Vella jgħid lill-ġurati li l-għan tal-Prosekuzzjoni huwa li toħroġ il-verità kollha, jekk teżisti prova dwar persuni oħra.

Il-punt tiegħu huwa li, minkejja li s’issa tressqu diversi persuni, l-investigazzjoni għadha miftuħa sal-lum biex jiġi stabbilit jekk hemmx aktar involviment.

Jaelle Borg
15:02

Lura fl-awla 

Jaelle Borg
13:06

Pawża sat-3pm

Jaelle Borg
13:06

Anthony Vella jkompli jibni l-argument tiegħu fuq l-imġiba ta’ Yorgen Fenech wara l-qtil, u jgħid lill-ġurati li din ma taqbilx ma’ persuna li kienet kompletament estranja għall-konġura.

Il-Prosekuzzjoni tirreferi għall-filmat li juri lill-eks deputat Kummissarju Silvio Valletta f’karozza lussuża ta’ Fenech, u tgħid li dan jidħol f’kuntest usa’ ta’ kuntatti u relazzjonijiet li, skontha, Fenech kien qed iżomm madwaru.

Vella jerġa’ jsemmi wkoll il-fatt li Fenech baqa’ f’kuntatt ma’ Melvin Theuma, minkejja li llum qed jinsisti li ma kellux x’jaqsam mal-qtil.

Skont il-Prosekuzzjoni, Fenech stess kien tkellem dwar il-ħtieġa li jżomm lil kulħadd taħt kontroll, u dan il-kliem għandu jitqies flimkien mal-bqija tal-provi.

Vella mbagħad jirreferi għax-xhieda ta’ Vincent Muscat, il-Koħħu, u ta’ Theuma, u jgħid li l-Prosekuzzjoni tqis li t-tnejn kienu qed jgħidu l-verità fuq punti kruċjali.

Jissemmew ukoll Signal chats bejn Theuma u Fenech, fejn kien diskuss il-kuntatt li Theuma ried ikollu mal-eżekuturi li kienu fil-ħabs. Skont il-Prosekuzzjoni, Fenech kien qal li kien se jipprova jdaħħal mobile lill-eżekuturi fil-ħabs biex ikun jista’ jsir kuntatt magħhom.

Minn hemm Vella jagħmel il-mistoqsija ċentrali tiegħu lill-ġurati:

Jekk Fenech kien verament estranju għall-omiċidju, għaliex kien għadu qed jipprova jiffaċilita dan it-tip ta’ kuntatt mal-eżekuturi? 

Jaelle Borg
13:00

Anthony Vella jkompli jattakka l-verżjoni tad-Difiża dwar il-flus u l-kuntatti ma’ Melvin Theuma.

Jgħid lill-ġurati li d-Difiża trid li jemmnu li Fenech ħallas biex iwaqqaf il-qtil, u li wara l-qtil baqa’ jgħaddi informazzjoni lil Theuma minn sens ta’ lealtà.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad terġa’ tqajjem il-kwistjoni taċ-ċippa/USB li, skont il-verżjoni ta’ Fenech, kien fiha materjal li seta’ jinkrimina lil Keith Schembri — iżda li hu ma żammx.

Vella jistaqsi lill-ġurati:

“Dan huwa komportament ta’ bniedem innoċenti?”

Il-Prosekuzzjoni tagħmilha ċara li mhix qed titlob lill-ġurati jaċċettaw kull kelma ta’ Theuma bħala “vanġelu”.

Il-punt tagħha huwa li Theuma għandu jiġi eżaminat b’reqqa u b’kawtela, iżda fl-istess ħin jgħidu li l-verżjoni tiegħu ma tinsabx waħedha.

Skont Vella, ir-recordings jikkorroboraw partijiet importanti minn dak li xehed Theuma, u għalhekk il-ġurati għandhom iqisuhom flimkien mal-bqija tal-provi.

Jaelle Borg
12:51

Anthony Vella jkompli jpoġġi l-piż fuq ir-recordings bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma, u jitlob lill-ġurati jistaqsu lilhom infushom x’jinstema’ verament f’dawk il-konversazzjonijiet.

Il-Prosekuzzjoni tgħid li ż-żewġt irġiel tkellmu ħafna drabi, iżda tistaqsi: qatt instema’ Fenech jgħid lil Theuma biex imur għand Keith Schembri għax hu ma kellux x’jaqsam?

It-tweġiba tal-Prosekuzzjoni hija le.

Anzi, Vella jgħid li r-recordings jagħtu stampa opposta, jiġifieri ta’ Fenech li jibqa’ involut fil-konversazzjoni, jagħti direzzjoni u jitkellem b’mod li, skont il-Prosekuzzjoni, juri għarfien mill-qrib ta’ dak li kien qed jiġri.

Minn hemm, Vella jgħid li l-ġurati għandhom quddiemhom żewġ verżjonijiet ta’ Fenech: dik li tidher fir-recordings meta jkun qed jitkellem ma’ Theuma, u dik li ppreżenta quddiem il-Qorti meta, skont il-Prosekuzzjoni, kien diġà jaf liema kienu l-punti l-aktar perikolużi għalih fil-każ.

Jaelle Borg
12:42

Il-Prosekuzzjoni: anke jekk il-mandant kien ħaddieħor, il-provi xorta juru rwol attiv ta’ Fenech

Il-Prosekuzzjoni tkompli tipprova tneħħi l-fokus minn min seta’ kien il-“mandant” u tpoġġih fuq dak li, skontha, għamel Yorgen Fenech innifsu.

Anthony Vella jirreferi għar-recordings fejn Fenech jgħid li Keith Schembri ħa xokk meta sema’ li hu kien involut fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ifakkar li dawn il-kliem intqalu waqt konversazzjonijiet ma’ Melvin Theuma, li l-Prosekuzzjoni tiddeskrivi bħala kompliċi fil-qtil.

Minn hemm, Vella jgħid lill-ġurati li l-provi ma jistgħux jinqraw waħda waħda, iżda flimkien.

Skont il-Prosekuzzjoni, l-istampa li toħroġ hija ta’ akkużat li kellu rwol ta’ intermedjarju attiv: persuna li għaddiet flus, wasslet informazzjoni sensittiva u baqgħet f’kuntatt ma’ Theuma dwar dak li kien qed jiġri.

Il-punt ta’ Vella huwa li, anke jekk id-Difiża trid tqajjem dubji dwar min kien il-moħħ wara l-qtil, dan ma jneħħix ir-responsabbiltà li l-Prosekuzzjoni tgħid li toħroġ mill-azzjonijiet ta’ Fenech stess.

Filwaqt li l-Prosekuzzjoni tibqa’ tinsisti li Fenech kien il-mandant, Vella jgħid li għall-finijiet tal-każ il-ġurati għandhom iħarsu wkoll lejn dak li hu jqis bħala fatti konkreti: il-flus, il-kuntatti u l-informazzjoni sigrieta li allegatament għaddew minn Fenech.

Jaelle Borg
12:39

Anthony Vella jgħid li fir-replika tiegħu se jiffoka fuq l-evidenza li nstemgħet u fuq ix-xhieda ta’ Melvin Theuma, li jirreferi għalih bħala s-“sensar” fil-każ.

Il-Prosekuzzjoni targumenta li d-Difiża ppruvat tqajjem kemm jista’ jkun dubji madwar il-każ, iżda tfakkar lill-ġurati li l-istandard li għandhom japplikaw huwa dak lil hinn minn kull dubju raġonevoli, mhux xi forma ta’ ċertezza assoluta li prattikament ma teżistix.

Vella mbagħad idur fuq wieħed mill-aktar temi li saħqet fuqu d-Difiża: il-possibbiltà li persuni oħra, setgħu kellhom rwol fil-qtil. u hawnekk jgħid li ser tkun qed tinfetah investigazzjoni ġdida.

Il-Prosekuzzjoni twieġeb li l-akkużat quddiemhom huwa Yorgen Fenech u li dan il-ġuri huwa dwar ir-responsabbiltà kriminali tiegħu — mhux dwar jekk persuni oħra kellhomx ukoll xi involviment.

Vella jgħid lill-ġurati li f’dan l-istadju mhumiex investigaturi. Il-kompitu tagħhom mhuwiex li jiftħu linji ġodda jew jippruvaw jiddeterminaw min ieħor seta’ kien involut, iżda li jiġġudikaw il-każ imressaq kontra Fenech fuq il-bażi tal-provi li raw u semgħu.

Jaelle Borg
12:35

Ir-replika tal-Prosekuzzjoni issa tidħol direttament fil-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma, wara jumejn ta’ attakki qawwija fuqu mid-Difiża.

L-Avukat Anthony Vella jgħid lill-ġurati li l-każ kontra Yorgen Fenech mhuwiex mibni fuq teorija astratta, iżda fuq ix-xhieda ta’ persuna li, fi kliemu, “għex din il-konġura”.

Il-Prosekuzzjoni targumenta wkoll li Fenech uża l-flus biex iżomm kontroll fuq l-eżekuturi u li biddel il-verżjoni tiegħu skont ma kien jaqbillu. Vella jistieden lill-ġurati jerġgħu jiftakru kif xehed Fenech u kif wieġeb għall-mistoqsijiet, u jgħidilhom jużaw il-buon sens tagħhom meta jiżnu mhux biss il-kliem tax-xhieda, iżda anke l-mod kif dawn dehru u ġabu ruħhom fuq il-pedana.

Jirreferi wkoll għall-episodju tat-tluq ta’ Fenech minn Malta, u jgħid li dan għandu jinqara fil-kuntest tad-disprament tiegħu dak iż-żmien.

Vella jagħmilha ċara li mhux se jidħol f’interpretazzjonijiet tal-liġi, u jfakkar lill-ġurati li fuq il-punti legali għandhom joqogħdu fuq id-direzzjonijiet tal-Imħallef, mhux fuq dak li tgħid la d-Difiża u lanqas il-Prosekuzzjoni.

Meta jdur fuq Theuma, il-Prosekuzzjoni taċċetta li dan kien kompliċi fil-qtil u li għalhekk ix-xhieda tiegħu trid tiġi eżaminata b’kawtela kbira.

Iżda l-punt ċentrali tagħha huwa li Theuma ma jinsabx waħdu: skont il-Prosekuzzjoni, partijiet importanti mir-rakkont tiegħu huma kkorroborati minn evidenza oħra li nstemgħet matul il-ġuri.

Jaelle Borg
12:19

Ir-replika tal-Prosekuzzjoni tibda minn kwotazzjoni ta' recording ta’ Yorgen Fenech, b’Anthony Vella jagħżel li jiftaħ billi jfakkar lill-ġurati fi kliem li Fenech allegatament qal lil Melvin Theuma.

“Lili ma jista’ jmissni ħadd… serraħ rasek għax lili ma jista’ jmissni ħadd, ħa nżommok miegħi,” jikkwota l-Prosekutur mir-recording.

Il-Prosekuzzjoni tirreferi wkoll għal kliem attribwit lil Fenech li fih qal li l-flus kienu s-saħħa tiegħu, u tuża dan biex minnufih tibda tikkontesta n-narrattiva li ppruvat tibni d-Difiża fis-sottomissjonijiet tagħha.

Ir-replika qed titmexxa mill-Avukat Anthony Vella, li jgħid lill-ġurati li issa jridu jħallu l-provi jmexxuhom, aktar milli jidħlu f’teoriji jew interpretazzjonijiet li, skont il-Prosekuzzjoni, ma jaqblux ma’ dak li fil-fatt instema’ u ntwera fil-ġuri.

 

Jaelle Borg
12:05

Id-Difiża tagħlaq il-provi tagħha – issa tibda r-replika tal-Prosekuzzjoni

Bid-depożizzjoni tax-xhud tal-Electrogas, id-Difiża tiddikjara li għalqet il-provi tagħha.

Il-ġuri issa jidħol fi stadju ieħor: ir-replika tal-Prosekuzzjoni.

Ir-replika hija l-opportunità li tingħata lill-Prosekuzzjoni, wara li d-Difiża tkun għalqet il-każ tagħha, biex tindirizza lil ġurati. Mhijiex ftuħ mill-ġdid tal-każ kollu mill-bidu, iżda stadju biex il-Prosekuzzjoni tindirizza u tpoġġi s-sottomissjonijiet tagħha.

Jaelle Borg
11:51

Il-Prosekuzzjoni tibda turi emails marbuta ma’ Electrogas, iżda l-Imħallef Edwina Grima titlob li d-dokumenti jiġu eżaminati qabel jintwerew fuq l-iscreens tal-awla, biex jiġi vverifikat li għandhom x’jaqsmu ma’ dak li tqajjem waqt l-eżami tax-xhud.

Il-Qorti tistaqsi lil Chris Frendo x’tip ta’ dokumenti kienu dehru fil-midja. Hu jispjega li kienu raw emails interni tal-kumpanija, fosthom waħda mibgħuta minnu stess, li jgħid li kienet dehret barra mill-kuntest. Meta l-Prosekuzzjoni tipprova tagħmel referenza għal dokumenti oħra, l-Imħallef twaqqafha u tgħid li ma jistgħux jiddaħħlu punti li ma tqajmux waqt l-eżami oriġinali.

F’wieħed mill-każi, il-Prosekuzzjoni tgħid li email partikolari kienet parti mil-leak. Frendo, iżda, ma jikkonfermax dan.

Jgħid li jaf għal liema email qed jirreferu u x’inhu l-kontenut tagħha, iżda peress li ma jafx l-eżitu tal-inkjesta dwar il-leaks, ma jistax jgħid jekk dik l-email kinitx fil-fatt waħda mid-dokumenti leaked.

 

Jaelle Borg
11:49

 Il-Prosekuzzjoni ddawwar il-mistoqsijiet tagħha fuq l-emails li kienu qed jaslu għand Daphne Caruana Galizia u fuq meta Electrogas bdiet tassew tissuspetta li informazzjoni interna kienet qed toħroġ barra mill-kumpanija.

Chris Frendo jispjega li l-laqgħa tas-27 ta’ Diċembru 2017 kienet issejħet biex jiġi mifhum għaliex kienet saret it-tfittxija elettronika fuq id-data tal-kumpanija.

Jgħid li dak iż-żmien ma sarx rapport immedjat għax il-kumpanija ma riditx toħloq aktar storbju fil-midja, iżda wara spiċċat tagħmel kwerela meta l-kwistjoni tal-leaks saret aktar serja.

Frendo jinsisti li sa Diċembru 2017, ma kienx hemm dubju ċar li kien hemm leak ta’ informazzjoni minn Electrogas.

Meta jitkellem fuq il-qagħda tal-kumpanija dak iż-żmien, ix-xhud jgħid li l-problema prinċipali kienet finanzjarja: Electrogas kellha bżonn tagħmel refinancing biex tkun tista’ tkompli topera taħt kundizzjonijiet normali.

Skont Frendo, ladarba sar dan ir-refinancing, il-kumpanija kompliet topera b’mod normali.

Jaelle Borg
11:39

 Frendo jgħid li ma kienx hemm “aura ta’ inkwiet” fl-Electrogas fl-2017

Fil-kontro-eżami mill-Prosekuzzjoni, Chris Frendo jispjega aktar fid-dettall kif saret it-tfittxija elettronika fid-data ta’ Electrogas.

Jgħid li Catherine Harpin kienet il-punt ta’ kuntatt bejn il-kumpanija u d-diretturi, u jikkonferma li f’email tagħha kienet spjegat li sar search fuq aktar minn 20 gigabyte ta’ data f’Mejju 2017. Madankollu, skont ix-xhud, id-diretturi saru jafu b’dan biss f’Diċembru tal-istess sena.

Meta l-Prosekuzzjoni tistaqsih jekk dak iż-żmien kienx hemm “aura ta’ inkwiet” fl-Electrogas, Frendo jistaqsi xi tfisser eżatt il-mistoqsija u mbagħad jgħid b’mod ċar:

“Fl-2017 ma kien hemm l-ebda aura ta’ inkwiet.”

Frendo, li ilu mal-Electrogas minn Lulju 2017, jispjega iżda li l-manager tal-IT kien imħasseb dwar il-possibbiltà ta’ leaks. Jgħid li, minkejja li l-manager kien jemmen li hu biss kellu l-password biex jagħmel dan it-tip ta’ search, xi ħadd xorta kien daħal fis-sistema.

Skont ix-xhud, min wettaq it-tfittxija seta’ jaċċessa 144 mailbox u aktar minn 20GB ta’ data, u fittex permezz ta’ diversi keywords, fosthom Keith Schembri u Sai Mizzi.

Frendo jgħid ukoll li fl-2018 bdew jidhru fil-midja emails li kienu jappartjenu lill-kumpanija. Għalhekk, fit-28 ta’ April 2018, Electrogas talbet li tinfetaħ investigazzjoni dwar il-leak.

Ix-xhud jgħid li jaf li nfetħet inkjesta, iżda ma jafx x’kien l-eżitu tagħha

Jaelle Borg
11:31

Issa jitla’ fuq il-pedana Chris Frendo, Kap tal-Uffiċċju Regolatorju tal-Electrogas.

Frendo jispjega li fid-29 ta’ Mejju 2017 saret tfittxija elettronika fid-dokumenti tal-kumpanija permezz ta’ serje ta’ keywords.

Jgħid li l-IT ta’ Electrogas kienet tittieħed ħsieb minn kumpanija esterna, ICT Solutions, u li t-tfittxija kienet tinkludi diversi ismijiet u termini li dak iż-żmien kienu diġà marbuta ma’ kontroversji politiċi u finanzjarji.

Fost il-keywords li jissemmew hemm Keith Schembri, Dubai, 17BLACK, Macbridge, Hearnville, Henley & Partners u Sai Mizzi.

Ix-xhieda issa qed tidħol fil-punt ta’ x’kienet qed tfittex Electrogas internament, u meta bdiet tagħmel dawn it-tfittxijiet fid-dokumenti tagħha.

 

Jaelle Borg
11:28

"Meta tilħaq Imħallef int, irregolani” 

Il-ġurati jerġgħu jidħlu fl-awla u r-rappreżentanta tal-BOV terġa’ titla’ fuq il-pedana.

Hekk kif Gianella de Marco tibda tistaqsi mistoqsija, il-Prosekuzzjoni terġa’ tqajjem oġġezzjoni. F’dan il-mument tinstema’ de Marco tgħid lill-Prosekuzzjoni:

“Issa meta tilħaq Imħallef int, irregolani.”

L-Imħallef Edwina Grima twaqqaf l-iskambju u tindirizza lix-xhud direttament.

“Inti se tixhed minn fuq dokument?” tistaqsiha.

Ix-xhud twieġeb li iva.

Il-Qorti tagħlaq il-kwistjoni minnufih:

“Mela le. Tista’ tmur.”

B’hekk tintemm ix-xhieda tar-rappreżentanta tal-BOV.

Jaelle Borg
11:25

Il-Qorti żżomm il-linja: il-passaport u l-Visa kienu f’idejn id-Difiża mill-bidu iżda qatt ma ġew esebiti

Id-diżgwid fuq id-dokumenti finanzjarji ta’ Yorgen Fenech ikompli, bil-Qorti terġa’ tagħmilha ċara li xhud ma jistax jixhed fuq dokument li qatt ma ddaħħal formalment fl-atti.

Gianella de Marco tipprova targumenta li r-rappreżentanta tal-bank tista’ xorta tixhed taħt ġurament u mbagħad tiġi kkontestata fil-kontro-eżami.

“Ma jistgħux jikkontestawha fil-kontro-eżami? Il-ġurament tagħha għandu piż. Tista’ tgħid taf jew ma tafx,”tgħid.

Iżda l-Imħallef Edwina Grima ma taċċettax dan l-argument u twieġeb li jekk ix-xhud se tixhed fuq il-bażi ta’ dokument, ma titħalliex twieġeb.

Il-Qorti tfakkar ukoll li kemm il-passaport ta’ Fenech kif ukoll il-Visa card kienu ilhom f’idejn id-Difiża sa mill-bidu tal-kumpilazzjoni, iżda qatt ma ġew esebiti.

Charles Mercieca jgħid li hu konxju li l-ġurisprudenza mxiet f’direzzjonijiet differenti fuq l-ammissibbiltà ta’ dokumenti.

“Mhux qed nikkontradik,” jgħid lill-Imħallef, “imma hemm sentenzi li marru mod u oħrajn mod ieħor.”

Hu jinsisti li x-xhieda ta’ rappreżentant tal-bank għandha piż minnha nnifisha.

Il-Qorti, iżda, tibqa’ soda: id-dokument mhux se jiġi esebit, u jekk ix-xhud qed tiddependi fuqu, mhux se titħalla twieġeb.

Jaelle Borg
11:10

Il-Qorti tiddeċiedi li d-dokument li d-Difiża riedet turi lir-rappreżentanta tal-BOV ma jistax jiddaħħal bħala prova fil-ġuri.

L-Imħallef Edwina Grima tispjega li ebda dokument ma jista’ jiġi ppreżentat f’dan l-istadju jekk ma jkunx iddaħħal skont il-proċedura prevista mil-liġi kriminali.

Tgħid li d-Difiża ma kinitx talbet biex dan id-dokument jiddaħħal bħala prova la waqt il-kumpilazzjoni u lanqas meta l-atti kienu qed jiġu formalment magħluqa u ppreżentati.

Il-Qorti għalhekk tgħid li d-dokument ma jistax jintwera lill-ġurati, fost oħrajn għaliex ma kienx tressaq qabel quddiem il-Qorti u lanqas tqiegħed taħt il-kontroll tal-parti avversarja.

Minkejja d-digriet, id-diżgwid bejn id-Difiża u l-Prosekuzzjoni fuq il-punt ikompli għaddej fl-awla, hekk kif iż-żewġ naħat jibqgħu jargumentaw dwar jekk u kif il-materjal seta’ jidħol fil-proċess

Jaelle Borg
10:56

Id-Difiża ttella’ fuq il-pedana issa lil Sarah Rausi, rappreżentanta tal-Bank of Valletta, u ddawwar ix-xhieda tagħha fuq il-movimenti finanzjarji ta’ Yorgen Fenech f’April 2017.

Rausi tintwera dokumentazzjoni marbuta ma’ BOV Visa Gold intestata fuq Tumas Gaming Limited, li kienet tintuża minn Fenech.

Ix-xhud tikkonferma t-tranżazzjonijiet li saru fuq din il-karta matul April 2017.

Il-Prosekuzzjoni, iżda, tqajjem oġġezzjoni għall-mod kif id-dokument qed jiddaħħal fil-proċess, u tgħid li ma kienx jinsab fl-atti oriġinali tal-evidenza.

Jaelle Borg
10:54

Għaliex ix-xhieda mill-OPM hija importanti għad-Difiża?

Ix-xhieda ta’ dalgħodu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru tidħol f’punt ferm akbar li d-Difiża ilha tipprova tibni: jekk il-kronoloġija ta’ Melvin Theuma ma taqbilx mad-dokumenti u mal-movimenti ta’ Yorgen Fenech, kemm tista’ tibqa’ soda l-verżjoni tiegħu dwar kif beda l-allegat pjan tal-qtil?

Theuma xehed li madwar tliet ġimgħat qabel ma tħabbret l-elezzjoni ġenerali tal-2017, Fenech ċempillu u talbu jiltaqa’ miegħu fil-Blue Elephant f’Portomaso, fejn allegatament qallu biex isib persuna biex toqtol lil Daphne Caruana Galizia. Dik il-verżjoni reġgħet ġiet ripetuta fil-ġuri u tinsab fil-qalba tal-każ tal-Prosekuzzjoni dwar kif beda l-pjan. 

Iżda meta Fenech tela’ jixhed, huwa ċaħad kategorikament dik il-laqgħa u qal li kien imsiefer għal kważi xahar fil-perjodu rilevanti. Quddiem il-ġurati ntwerew passaport b’timbru tas-7 ta’ April 2017, ritratt tiegħu fuq il-Harmony of the Seas bejn il-15 u t-22 ta’ April, u referenzi għal tranżazzjonijiet tal-karta ta’ kreditu; Fenech qal ukoll li wara l-Istati Uniti mar Dubai fit-2 ta’ Mejju. 

Hawnhekk tidħol ix-xhieda tal-OPM.

Id-Difiża qed tipprova tissikka l-kronoloġija ta’ Theuma stess, mhux biss dik ta’ Fenech. Ir-reġistru ta’ Kastilja li ntwera dalgħodu juri lil Theuma jagħmel żjara hemmhekk fuq talba ta’ Sandro Craus, li kien jaqa’ taħt iċ-Chief of Staff Keith Schembri. Għad-Difiża, dan jgħin biex jinbena l-kuntest ta’ kemm Theuma kien diġà marbut ma’ Kastilja u ma’ persuni taħt Schembri fil-ġimgħat ta’ qabel il-perjodu li fih jgħid li Fenech tah l-ordni.

Għalhekk, il-punt tad-Difiża mhuwiex sempliċement li turi min daħal Kastilja u meta. Hija qed tipprova tqiegħed żewġ timelines ħdejn xulxin: dik ta’ Theuma, li tgħid li l-ordni ngħatat fil-Blue Elephant madwar tliet ġimgħat qabel l-elezzjoni tħabbret, u dik ta’ Fenech, li jgħid li f’dak il-perjodu kien barra minn Malta u ppreżenta dokumenti biex isostni dan.

Jaelle Borg
10:43

Jibda l-kontro-eżami ta’ John Abela mill-Prosekuzzjoni, b’Godwin Cini jiffoka fuq l-istruttura amministrattiva ta’ Kastilja u, b’mod partikolari, fuq id-dokument li juri ż-żjara ta’ Melvin Theuma.

Abela jikkonferma li l-persuni li jaħdmu taħt is-Segretarjat kienu jaqgħu taħt iċ-Chief of Staff. Madankollu, ma setax jikkonferma li l-Korpi Kostitwiti kienu dejjem jgħaddu mill-entratura prinċipali ta’ Kastilja.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tiffoka fuq il-ktieb tal-viżitaturi u tiġbed l-attenzjoni għal differenzi fil-linka u fil-kitba bejn il-ħin tad-dħul ta’ Theuma u dak tal-ħruġ tiegħu.

Abela jispjega li fir-reception ma kienx ikun hemm persuna waħda biss, u għalhekk min ikun irreġistra d-dħul ta’ viżitatur mhux bilfors ikun l-istess persuna li aktar tard tkun niżżlet il-ħin tal-ħruġ.

Ix-xhud jagħmilha ċara li hu stess ma kienx jaħdem fir-reception u għalhekk ma jistax jgħid min kiteb id-dettalji fuq dik il-paġna.

Dak li jista’ jikkonferma, jgħid, huwa biss li d-dokument ġie mill-ktieb uffiċjali tal-viżitaturi — mhux min kitbu jew f’liema mument eżatt tniżżlu l-entrati.

Jaelle Borg
10:42

Waqt li d-deputat tal-Qorti tfittex dokument li d-Difiża trid turi lix-xhud, John Abela jkompli jispjega kif kien jaħdem il-proċess tad-dħul f’Kastilja.

Jgħid li fil-każ tal-entratura tal-ġenb, il-viżitaturi kienu jirreġistraw id-dettalji personali tagħhom, inkluż in-numru tal-identità, kif ukoll min kien talab il-laqgħa magħhom.

Fuq l-iscreens tal-awla jintwera dokument datat 20 ta’ Marzu 2017, li Abela jikkonferma li huwa estratt mill-ktieb tal-viżitaturi.

Fuq dan id-dokument jidhru d-dettalji ta’ Melvin Theuma, inkluż il-ħin tad-dħul u tal-ħruġ tiegħu minn Kastilja.

Skont ir-reġistru, il-persuna li talbet għal Theuma kienet Sandro Craus, li dak iż-żmien kien Kap tal-Customer Care u kien jaqa’ taħt iċ-Chief of Staff, Keith Schembri.

Madankollu, Abela jagħmel distinzjoni importanti bejn l-entraturi: jgħid li fl-entratura prinċipali ta’ Pjazza Kastilja kien ikun hemm suldat, iżda ma kienx hemm ktieb tal-viżitaturi li kellu jiġi ffirmat.

Jaelle Borg
10:32

Ix-xhud mill-OPM jispjega l-istruttura f’Kastilja u kif kienu jintużaw l-entraturi

L-avukata Gianella De Marco tibda l-eżami ta’ John Abela billi tiffoka fuq l-istruttura tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru fi żmien Keith Schembri.

Id-Difiża tistaqsi lix-xhud dwar ir-rwol taċ-Chief of Staff u mbagħad dwar Sandro Craus. Abela jikkonferma li Craus kien imexxi l-Customer Care tal-Prim Ministru u kien jaqa’ direttament taħt iċ-Chief of Staff, li dak iż-żmien kien Keith Schembri.

Il-mistoqsijiet imbagħad iduru fuq l-aċċess għal Kastilja.

Abela jispjega li hemm aktar minn entratura waħda, fosthom dik minn Pjazza Kastilja u oħra minn Triq San Pawl.

Meta mistoqsi dwar min seta’ jidħol mill-entratura ewlenija ta’ Pjazza Kastilja, ix-xhud jgħid li ma kienx hemm protokoll riġidu li jispeċifika eżatt min kellu jużaha.

Madankollu, jgħid li ġeneralment minn hemm kienu jgħaddu l-Prim Ministru, membri tal-Kabinett u xi ambaxxaturi.

Il-bqija tal-viżitaturi, skont Abela, normalment kienu jidħlu mill-entratura tal-ġenb u jirreġistraw fir-reception.

Jaelle Borg
10:31

Kif diġa għidna, kellna xi problemi tekniċi min-naħa tagħna u għalhekk, dan huwa sommarju qasir ta’ dak li ntqal fl-ewwel madwar 45 minuta tas-seduta, qabel il-Qorti daħlet f’pawża sal-10.15am.

Charles Mercieca beda billi reġa’ poġġa quddiem il-ġurati l-liġi dwar il-kompliċità u l-assoċjazzjoni kriminali, u pprova juri għaliex, skont id-Difiża, ir-rwol attribwit lil Yorgen Fenech ma jaqbilx mal-elementi li trid il-liġi.

Minn hemm reġa’ attakka l-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma, u fakkar li dan ammetta li kien kompliċi fil-qtil. Mercieca qal li, għalkemm il-liġi nbidlet u m’għadux meħtieġ li x-xhieda ta’ kompliċi tkun dejjem korroborata, xorta trid tiġi trattata b’kawtela kbira.

Id-Difiża insistiet ukoll li Theuma kellu interess personali qawwi fil-verżjoni li ta lill-investigaturi, u elenkat il-benefiċċji li, skontha, kiseb permezz tal-proklama — fosthom il-maħfra għal dak kopert minnha, il-fatt li baqa’ bit-taxis tiegħu u proprjetajiet oħra, u li ngħata lura assi u flus marbuta mal-impjieg tiegħu.

Mercieca reġa’ semma lil Lawrence Cutajar, lil Edgar Brincat u lil Silvio Valletta, u attakka lill-Prosekuzzjoni talli, skontu, ma ressqitx numru ta’ xhieda li setgħu jitfgħu aktar dawl fuq aspetti importanti tal-każ.

F’mument qawwi, Mercieca qal lill-ġurati: “Tkunux is-salva uomo ta’ Melvin Theuma bil-verdett tagħkom.”

Id-Difiża reġgħet marret ukoll fuq il-€50,000 li Fenech qal li ta lil Theuma, u sostniet li dawn ma kinux ħlas għall-qtil iżda flus li Fenech ta biex, skont il-verżjoni tiegħu, iwaqqaf il-pjan.

Mercieca mbagħad uża kliem iebes ħafna fil-konfront ta’ Keith Schembri, Lawrence Cutajar u Melvin Theuma, u staqsa lill-ġurati biex jimmaġinaw lil Fenech “maqbud bejn” dawn it-tliet persuni.

Semma wkoll lil David Gatt, u għaqqad l-allegat episodju tat-Tinda tal-Patata ma’ laqgħa f’Kastilja u ma’ elementi li d-Difiża tgħid imorru lura għall-2015.

Fl-aħħar nett, Mercieca għalaq is-sottomissjonijiet b’appell dirett lill-ġurati fuq id-dubju raġonevoli, u qal li l-“id moħbija” li d-Difiża ilha tirreferi għaliha issa, fil-fehma tagħha, inkixfet matul il-ġuri.

Huwa talab lill-ġurati jagħtu verdett ta’ mhux ħati fuq iż-żewġ kapi tal-akkuża.

B’hekk intemmu s-sottomissjonijiet tad-Difiża.

Il-Qorti mbagħad daħlet f’pawża sal-10.15am, biex wara jibda l-istadju li jmiss: ix-xhieda tad-Difiża

Jaelle Borg
10:29

Jibdew ix-xhieda tad-Difiża – jitla’ uffiċjal mill-OPM

Id-Difiża tibda ttella’ x-xhieda tagħha stess, bl-ewwel persuna msejħa fuq il-pedana tkun John Abela.

Abela huwa Direttur Ġenerali għas-Support Services fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Ix-xhieda tiegħu tiftaħ dan l-istadju l-ġdid tal-każ, wara li aktar kmieni dalgħodu d-Difiża temmet is-sottomissjonijiet tagħha quddiem il-ġurati.

 

Jaelle Borg
10:27

Bonġu u merħba

Nixtiequ ninfurmawkom li kellna xi problemi tekniċi min-naħa tagħna li wasslu biex l-aġġornamenti diretti ma kinux qed joħorġu kif suppost, iżda issa erġajna lura mill-Qorti.

Aktar kmieni dalgħodu, id-Difiża temmet is-sottomissjonijiet tagħha quddiem il-ġurati.

Issa l-proċess jidħol fl-istadju li jmiss, bid-Difiża se ttella’ tliet xhieda minn naħa tagħha.

Dawn mistennija jkunu rappreżentanti tal-OPM, tal-HSBC u tal-Electrogas.

Jaelle Borg

Il-Prosekuzzjoni qattgħet parti kbira mill-ġurnata tipprova tneħħi lill-ġurati minn fuq it-teorija li bniet id-Difiża madwar Keith Schembri, u terġa’ tpoġġi l-attenzjoni fuq persuna waħda: Yorgen Fenech, l-uniku akkużat f’dan il-ġuri.

Waqt ir-replika tiegħu, il-Prosekutur Anthony Vella qal li d-Difiża għandha kull dritt tipproponi lil Schembri bħala mandant alternattiv, iżda teorija bħal din trid tkun sostnuta mill-provi.

“Ma rajniex recordings li jimplikaw lil Schembri – ovvjament, għax ma jeżistux,” qal Vella, filwaqt li kkuntrasta dan mar-recordings bejn Melvin Theuma u Fenech li ilhom għal jiem sħaħ fiċ-ċentru tal-argument tal-Prosekuzzjoni.

Il-messaġġ tagħha kien li, anke jekk persuni oħra jistgħu xi darba jirriżultaw involuti fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, dan ma jneħħix jew ma jnaqqasx ir-responsabbiltà kriminali li l-Prosekuzzjoni tgħid li għandha tiġi attribwita lil Fenech.

Vella fakkar lill-ġurati li l-investigazzjoni dwar il-qtil baqgħet għaddejja wara li tressqu l-allegati eżekuturi, reġgħet kompliet meta tressaq Fenech u mbagħad wasslet ukoll għall-proċeduri kontra persuni oħra, fosthom dawk magħrufa bħala tal-Maksar.

“Ir-rakkont ma jispiċċax ma’ Yorgen Fenech,” kienet il-linja tal-Prosekuzzjoni, iżda fl-istess ħin insistiet li dan il-ġuri huwa tiegħu u ta’ ħadd iżjed.

“Ħallu l-provi jmexxukom”

Ir-replika bdiet wara li d-Difiża għalqet il-provi tagħha, u Vella fetaħ b’wieħed mir-recordings li l-Prosekuzzjoni tqis bħala ċentrali.

Huwa kkwota lil Fenech jgħid lil Theuma kliem fis-sens li “lili ma jista’ jmissni ħadd”, kif ukoll referenza għall-flus bħala s-saħħa tiegħu.

Vella qal lill-ġurati biex “iħallu l-provi jmexxuhom” u sostna li l-każ tal-Prosekuzzjoni mhux mibni biss fuq il-kelma ta’ Theuma, iżda fuq il-kliem ta’ Fenech stess, ir-recordings, il-flus u informazzjoni li allegatament għaddiet minn għandu.

Il-Prosekuzzjoni aċċettat li Theuma ma jistax jiġi trattat bħallikieku kull kelma tiegħu hija “vanġelu”. Huwa kompliċi fil-qtil u x-xhieda tiegħu trid tiġi eżaminata b’kawtela.

Iżda Vella sostna li partijiet importanti mir-rakkont tiegħu huma kkorroborati minn provi oħra, fosthom ir-recordings u x-xhieda ta’ Vincent Muscat, il-Koħħu.

“Aħna mhux qed ngħidu li Melvin qaddis,” qal il-Prosekutur f’mument minnhom.

Ir-recordings bħala l-“salva uomo” ta’ Theuma

Id-Difiża kienet talbet lill-ġurati biex ma jkunux is-“salva uomo” ta’ Theuma bil-verdett tagħhom.

Il-Prosekuzzjoni dawret dik il-frażi fuqha.

Vella qal li s-“salva uomo” ta’ Theuma kienu proprju r-recordings li għamel bil-moħbi, għax permezz tagħhom il-ġurati jistgħu jisimgħu mhux biss dak li jgħid Theuma llum, iżda kif Fenech kien iwieġbu fil-privat.

“ Imnalla Melvin irreġistra,” qal Vella.

Hu rrikonoxxa li Theuma seta’ jagħżel meta jirrekordja, seta’ jmexxi l-konversazzjoni lejn ċertu suġġett u seta’ jistaqsi mistoqsijiet li jwasslu għal tweġiba.

Iżda, qal, ma setax “idaħħal memorja” f’moħħ Fenech, u lanqas seta’ jpoġġilu t-tweġibiet f’ħalqu.

Il-Prosekuzzjoni rreferiet għal konversazzjoni fejn Theuma jfakkar lil Fenech f’€150,000 u dan iwieġbu: “Niftakar.”

Għal Vella, din it-tweġiba għandha piż kbir għax Fenech ma jiċħadx l-ammont u lanqas jistaqsi għaliex Theuma qiegħed jattribwih lilu.

“Min mhux involut ma jitkellimx fil-plural”

Il-Prosekuzzjoni għażlet ukoll diversi messaġġi ta’ Novembru 2019 biex targumenta li Fenech kien qed jitkellem dwar il-problema tiegħu u ta’ Theuma bħala waħda komuni.

Fost il-kliem attribwit lil Fenech kien hemm espressjonijiet dwar kif “se niġġieldu”, kif “se noħorġu minnha” u kif kien se jagħmel dak kollu possibbli biex “nevitawha”.

Vella ġabar l-argument tiegħu fi frażi waħda:

“Min mhux involut ma jitkellimx fil-plural.”

Reġa’ wkoll fuq konversazzjoni fejn Theuma assigura lil Fenech li l-eżekuturi ma kinux jafuh b’ismu.

Il-Prosekuzzjoni staqsiet għaliex persuna kompletament estranja għall-qtil kienet tkun interessata li tkun taf jekk it-tliet irġiel li wettquh kinux jafu isimha.

Skont Vella, persuna innoċenti setgħet tistaqsi min huma, għaliex qed jissemmew magħha jew x’għandha x’taqsam magħhom. Minflok, qal, l-interess ta’ Fenech kien jekk kinux jafuh.

Il-flus, Kenneth Camilleri u l-allegat rikatt

Vella reġa’ poġġa wkoll il-flus fiċ-ċentru tal-każ.

Huwa kkontesta t-teżi tad-Difiża li Fenech ta €50,000 lil Theuma biex iwaqqaf il-qtil, u qal li l-ġurati jridu jħarsu lejn il-flus flimkien mal-bqija tal-kuntatti u l-imġiba tiegħu.

Semma wkoll konversazzjoni dwar €120,000, kif ukoll dak li Fenech kien qal lill-Pulizija dwar “is-sehem tiegħek”, li l-Prosekuzzjoni tgħid li aktar tard ipprova jispjega b’mod differenti fuq il-pedana.

F’Signal exchange ieħor, Theuma jistaqsi: “Kenneth waqa’ mis-sema?”

Vella qal li din kienet mistoqsija retorika: Kenneth Camilleri ma daħalx fix-xena waħdu, u Theuma ried ikun jaf min bagħtu.

Dan ingħaqad mal-allegazzjoni ta’ rikatt fuq Fenech.

Il-Prosekuzzjoni staqsiet: jekk Fenech kien tassew kompletament estranju għall-qtil, x’seta’ kellu Theuma fuqu biex jirrikattah?

“Dan huwa l-ġuri ta’ Yorgen Fenech”

Il-ġurnata kienet ukoll tweġiba diretta għall-argument tad-Difiża li Keith Schembri għandu jkun fiċ-ċentru tal-investigazzjoni.

Vella qal li d-Difiża tista’ tqajjem dubji dwar Schembri, Chris Cardona jew persuni oħra, iżda l-ġurati ma jistgħux isiru investigaturi.

Ix-xogħol tagħhom huwa li jiddeċiedu jekk il-provi li għandhom quddiemhom jippruvawx il-ħtija ta’ Fenech lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Il-Prosekuzzjoni qalet li anke jekk wieħed jaċċetta li Fenech seta’ pprova jipproteġi lil Schembri minħabba l-ħbiberija jew ir-rabtiet kummerċjali tagħhom, dan ma jispjegax il-provi kollha dwar dak li Fenech kien jaf u għamel.

Vella rrefera għal recording fejn Fenech jitkellem fuq “dak li Keith Schembri għamel għalija”, iżda fakkar ukoll li Fenech innifsu kien qal li Schembri ħa xokk meta sar jaf bl-involviment tiegħu fil-qtil.

Huwa semma wkoll kliem attribwit lil Theuma ma’ Johann Cremona — “Yorgen ma kellux għalfejn irid din” — u enfasizza li dan intqal qrib iż-żmien tal-qtil, mhux wara l-arrest ta’ Fenech.

Il-Prosekuzzjoni tattakka wkoll dak li Fenech ma qalx

Parti oħra mir-replika ffukat fuq ix-xhieda ta’ Fenech innifsu.

Vella qal li meta Fenech tela’ fuq il-pedana kellu l-opportunità jindirizza direttament ir-recordings, l-interrogazzjoni u l-akkużi kontrih.

Ifakkar li waqt l-interrogazzjoni Fenech kien talab għal konfrontazzjonijiet, iżda meta wasal fuq il-pedana, skont il-Prosekuzzjoni, ma talabx li jikkonfronta lil Theuma, Schembri, Adrian Vella jew Johann Cremona.

“Kellu ċ-ċans jikkonfronta lir-raġel li qallu li ordna u ħallas għall-qtil,” kien l-argument ta’ Vella.

Il-proklama ta’ Theuma taħt difiża

Il-Prosekuzzjoni ddefendiet ukoll il-proklama presidenzjali ta’ Theuma, wara li d-Difiża ddedikat parti kbira mis-sottomissjonijiet tagħha biex tpinġiha bħala favur li ntrabat ma’ verżjoni partikolari.

Vella qal li Theuma applika għall-proklama wara l-arrest u li din ingħatat bil-kundizzjoni li jgħid il-verità u jagħti kull prova fil-pussess tiegħu.

Fakkar li proklama tista’ tintilef jekk il-benefiċjarju jigdeb, u qal li dan il-mekkaniżmu jeżisti biex tinkiser l-omertà fost kriminali.

Il-Prosekuzzjoni sostniet ukoll li l-proklama ma tipproteġix lil Theuma minn responsabbiltà ċivili.

Kronoloġija ta’ April 2017

Vella mbagħad ipprova jwieġeb għall-attakk tad-Difiża fuq il-kronoloġija tal-allegata laqgħa fil-Blue Elephant.

Id-Difiża qalet li Fenech kien imsiefer għal parti kbira minn April 2017 u għalhekk dan joħloq problema għall-verżjoni ta’ Theuma.

Il-Prosekuzzjoni wieġbet li Theuma qatt ma ta data eżatta, iżda dejjem tkellem dwar perjodu approssimattiv ta’ madwar tliet ġimgħat qabel l-elezzjoni.

Vella qal ukoll li Theuma għandu diffikultà ċara bid-dati, u fakkar f’mument fix-xhieda tiegħu meta kellu jistaqsi liema xahar jiġi qabel Novembru.

Skont il-Prosekuzzjoni, konfużjoni fuq data ma tfissirx li l-qalba tal-istorja tiegħu hija falza.

Il-ġurnata tispiċċa fuq tilwima dwar chats

Lejn tmiem il-ġurnata, ir-replika waqfet fuq punt legali ġdid.

Vella beda jaqra minn chats bejn Melvin Theuma u Mario Degiorgio, iżda Charles Mercieca oġġezzjona u staqsa minn fejn kien qed jinġieb il-materjal.

Il-ġurati ntbagħtu barra.

L-Imħallef Edwina Grima osservat li l-kontenut taċ-chats ma kienx tressaq quddiem il-ġurati matul il-provi u qalet li l-Prosekuzzjoni ma tistax sempliċement tintroduċi materjal ġdid fis-sottomissjonijiet finali.

Il-Prosekuzzjoni insistiet li ċ-chats kienu fl-atti u li Josef Gerada kien xehed dwar l-estrazzjoni tagħhom mill-apparat.

Il-kwistjoni għalhekk spiċċat fuq jekk dak il-fatt huwiex biżżejjed biex il-kontenut innifsu jintuża issa quddiem il-ġurati.

L-Imħallef iddeċidiet li ma tridx tagħti deċiżjoni mgħaġġla.

“Inkomplu għada fid-9. Irrid inħares lejha mingħajr għaġla,” qalet.

B’hekk intemmet ġurnata li bdiet bis-sottomissjonijiet tad-Difiża, rat jingħalqu formalment il-provi fil-każ, u kompliet b’replika tal-Prosekuzzjoni mibnija kważi kollha fuq argument wieħed: il-ġurati jistgħu jisimgħu teoriji dwar Schembri u oħrajn, iżda jridu jiddeċiedu dwar Yorgen Fenech fuq il-provi li għandhom quddiemhom.

More in Qrati u Pulizija