‘B’min trid tidħaq? Dawn huma l-marki tas-swaba kollha tiegħek fuq il-każ’ – jintemm il-kontro-eżami ta’ Yorgen Fenech”

Wara tlett ijiem ta’ kontro-eżami, il-Prosekuzzjoni tagħlaq il-mistoqsijiet tagħha lil Fenech billi tgħidlu li l-provi jħallu l-“fingerprints” tiegħu fuq il-każ; ftit wara, id-Difiża tibda l-aringa tagħha u ddawwar l-attenzjoni fuq Keith Schembri, Melvin Theuma u dawk li tgħid huma nuqqasijiet serji fl-investigazzjoni 

Sur Fenech, b’min trid tidħaq? Dawn huma l-marki tas-swaba kollha tiegħek fuq il-każ.

B’din il-frażi l-avukat tal-Prosekuzzjoni Godwin Cini għalaq tlett ijiem ta’ kontro-eżami ta’ Yorgen Fenech, wara sigħat ta’ mistoqsijiet li ppruvaw jgħaqqdu flimkien il-flus, il-messaġġi, ir-recordings, 17 Black u r-rwol li Fenech kellu bejn Melvin Theuma u Keith Schembri.

Fenech baqa’ jiċħad sal-aħħar.

Mhux veru,” wieġeb għall-aħħar suġġeriment tal-Prosekuzzjoni.

Il-ġurnata kienet bdiet bil-Prosekuzzjoni terġa’ taqbad mal-flus li Fenech jgħid li ta lil Theuma. Cini poġġielu li, jekk verament ma kellu l-ebda sehem fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kien diffiċli jispjega għaliex xorta ħareġ €50,000 u baqa’ joħroġ aktar flus wara.

Fenech insista li dawk il-ħlasijiet kienu parti minn rikatt u mhux mill-qtil.

Meta l-Prosekuzzjoni staqsietu kif seta’ jgħid li ried iwaqqaf il-pjan waqt li, fl-istess ħin, baqa’ jagħti l-flus lil Theuma, Fenech qal li dak li għamel kien ħadem għal xi żmien.

Irnexxieli nwaqqfu għal ftit” qal.

Aktar tard, il-Prosekuzzjoni reġgħet poġġietlu l-ammont ta’ madwar €450,000 li Fenech jgħid li ta lil Theuma fuq perjodu ta’ żmien.

Fenech reġa’ ċaħad li dawn il-flus kienu ħlas għall-qtil.

Kien parti mir-rikatt. Mal-omiċidju ma kellix involviment,” qal.

Cini mbagħad fakkru li, skont il-verżjoni tiegħu stess, ma kienx mar għand il-Pulizija, ma kienx għamel rapport anonimu, ma kienx kellem lil Silvio Valletta u lanqas ma kien ħa xi pass ieħor formali biex iwaqqaf dak li kien qed jinħema.

Fenech wieġeb li dak iż-żmien kien qed jitkellem dwar allegazzjonijiet li jinvolvu lill-Chief of Staff tal-Prim Ministru u li s-sitwazzjoni ma kinitx waħda sempliċi.

Il-kontro-eżami mbagħad mar fuq wieħed mill-aktar episodji partikolari fil-verżjoni ta’ Fenech: basket tar-Reebok li, skontu, Keith Schembri bagħtlu mimli flus.

Fenech qal li dak iż-żmien kien diġà ħareġ €50,000 lil Theuma u li kien hemm €60,000 oħra li kellhom jingħataw b’rabta ma’ wegħda ta’ bail għall-aħwa Degiorgio.

Skont Fenech, meta qal lil Schembri li ma setax joħroġ ammont daqshekk kbir ieħor, dan bagħtlu basket tar-Reebok b’madwar €80,000.

Minn dawk il-flus, qal Fenech, €60,000 marru għand Theuma.

Il-Prosekuzzjoni staqsietu jekk dan ifissirx li Schembri kien jaf li Fenech kien qed joħroġ il-flus.

Iva, dażgur. Użani kif uża ħafna nies,” wieġeb Fenech.

Meta Cini mbagħad staqsieh għaliex ma qatax il-kuntatt u ma qalx lil Schembri biex jittratta direttament ma’ Theuma, Fenech ammetta:

Kemm missni għamilt hekk.

17 Black terġa’ tidħol fiċ-ċentru tal-kontro-eżami

Parti sostanzjali tal-għodwa kienet iddedikata għal 17 Black u għall-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia dwar il-kumpanija.

Il-Prosekuzzjoni ppruvat tibni kronoloġija biex turi li Fenech kien qed jispiċċa dejjem aktar taħt l-attenzjoni tal-ġurnalista qabel il-qtil tagħha.

Cini wera lil Fenech kitbiet ta’ Frar 2017 u staqsieh jekk dak iż-żmien Caruana Galizia kinitx diġà qed tagħmel il-konnessjoni bejnu u 17 Black.

Fenech qal li dak iż-żmien kien assuma li Daphne setgħet waslet għandu minħabba li hu kien ħallas il-kura medika ta’ Keith Schembri barra minn Malta permezz ta’ kumpanija tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni wriet ukoll noti ta’ Caruana Galizia fejn kien jidher in-numru ta’ Fenech u l-kliem “Yorgen phone call”.

Fenech insista li Daphne qatt ma ċemplitlu.

Qatt. Għandkom record tiegħi, le?” qal.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad argumentat li records antiki ma kinux disponibbli minħabba data mħassra, iżda d-Difiża kkontestat dak il-punt.

Cini kompla jgħaqqad 17 Black ma’ Electrogas, Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Fenech għamel distinzjoni bejn il-kumpaniji u qal li 17 Black u Electrogas kienu “apples and oranges”.

Meta ġie mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Schembri u Mizzi, Fenech qal li fl-2015 kellu relazzjoni tajba ma’ Schembri u “good relationship” ma’ Mizzi, iżda ma kinux qrib.

Hu kkonferma wkoll li 17 Black kienet diġà reġistrata f’Mejju 2015.

Cini staqsieh jekk hu, Schembri u Mizzi kellhomx pjan biex jinvestu flimkien f’negozji barra minn Malta.

Qatt ma għamilt business magħhom,” wieġeb Fenech.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad uriet email ta’ Nexia BT dwar Tillgate u Hearnville fejn 17 Black u Macbridge kienu msemmija bħala “main target clients”.

Fenech qal li sar jaf mill-media li Tillgate kienet ta’ Schembri u Hearnville ta’ Mizzi, u insista li ma kien hemm “ebda interaction” bejniethom u 17 Black.

F’mument ieħor, Cini qara chat fejn dehret ir-referenza għal “Big K” u staqsa lil Fenech min kien qed jissemma.

Fenech qal li kien Konrad Mizzi.

Il-Prosekuzzjoni insistiet li “Big K” kien Keith Schembri, iżda Fenech baqa’ ma jaqbilx.

Ftit wara, Cini poġġielu direttament li kien ordna u ħallas għall-qtil ta’ Daphne biex ma tikxifx dak li kien għaddej f’17 Black.

Assolutament le,” wieġeb Fenech.

Il-Qorti twissi lill-Prosekuzzjoni fuq dokumenti u proċeduri pendenti

Il-kontro-eżami kellu wkoll diversi waqfiet legali.

F’mument minnhom, il-Prosekuzzjoni bdiet tagħmel referenza għal rapport tal-FIAU li kien ġie esebit f’inkjesta.

Wara argumenti miż-żewġ naħat, l-Imħallef Edwina Grima tat direzzjoni lill-Prosekuzzjoni biex ma tagħmilx referenzi għal dokumenti li ma jkunux awtentikati fil-forma mitluba mil-liġi.

Il-Qorti qalet ukoll li lil Fenech ma kellhomx isirulu mistoqsijiet dwar proċeduri kriminali li għadhom pendenti.

Aktar tard, meta Cini reġa’ pprova jidħol fuq tranżazzjonijiet ta’ 17 Black, l-Imħallef wissietu:

Oqgħod attent, il-Qorti għadha kif tat digriet.

“Petrified from the reaction on the media”

Il-Prosekuzzjoni mbagħad użat emails ta’ Fenech biex tipprova turi kemm kien inkwetat mill-iskrutinju pubbliku.

Cini qara email fejn Fenech kien kiteb dwar proġett:

“This project was a huge mistake. This almost killed me, I regret it. This was one massive mistake, it scarred me but once I started I had to finish it.”

F’parti oħra kien kiteb li kien “petrified from the reaction on the media”.

Cini staqsieh kif seta’ jgħid li ma kienx qed jitlef rasu meta Daphne bdiet tikteb fuq il-proġetti tiegħu.

Fenech qal li dak iż-żmien kien għaddej minn perjodu personali ħażin ħafna, kien dipendenti fuq id-droga u ż-żwieġ tiegħu kien sfaxxa.

Jekk tridu ssallbu persuna li dak iż-żmien kienet imkissra mid-drogi…” qal f’mument minnhom.

Il-Prosekuzzjoni ppruvat turi wkoll li Fenech kien isegwi mill-qrib dak li kien qed jinkiteb dwaru.

Cini semma email fejn intqal li Daphne kienet “particularly mad this week”, kif ukoll komunikazzjoni ma’ Saviour Balzan dwar artiklu ta’ 17 Black, fejn Fenech kien ilmenta dwar ir-ritratt użat.

Fenech qal li jiftakar li kien ilmenta dwar ir-ritratt.

Il-Prosekuzzjoni reġgħet ukoll poġġietlu kumment li kien għamel dwar Daphne: “Nitfagħha minn hawn għal-isfel u ma jiddispjaċinix.”

Fenech qal li kien “kumment ta’ togħma ħażina”.

Theuma, Schembri u l-pressjoni qabel il-qtil

Il-kontro-eżami mbagħad dar lura fuq Melvin Theuma u fuq min kien qed jagħmillu pressjoni qabel il-qtil.

Cini fakkar lil Fenech li Theuma kien xehed li Fenech kien jibqa’ jinsisti miegħu biex l-eżekuturi “jeħilsu minnha”.

Mhux veru,” wieġeb Fenech kemm-il darba.

Il-Prosekuzzjoni semmiet ukoll ix-xhieda dwar burner phones u l-Potato Shed.

Fenech qal li, minn dak li kien jaf hu, David Gatt kien ikun hemm ta’ spiss.

Meta Cini qara mill-istqarrija fejn Fenech kien qal li “Keith Schembri kien qed jagħmel pressjoni”, Fenech qal li sar jaf b’dan aktar tard mingħand Theuma.

Hu qal ukoll li Theuma kien semmieh lil Johann Cremona f’recording.

Cini, iżda, insista li ma kienx hemm traċċa ta’ kuntatt dirett bejn Schembri u Theuma.

Fenech wieġeb:

Dażgur li hemm.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad uriet messaġġ fuq Signal li Fenech kien bagħat lil Theuma fil-25 ta’ April 2018, fejn qallu biex jibqa’ kalm u fejn semmielu informazzjoni dwar il-bomba u l-Maksar.

Fenech qal li dik l-informazzjoni kienet waslitlu mingħand Keith Schembri, li qallu biex jgħaddiha lil Theuma.

Cini mbagħad daħħal fil-kronoloġija lil Johann Cremona u Kenneth Camilleri, u l-phantom job ta’ Theuma.

Fenech baqa’ jinsisti li Keith Schembri kien qed jagħmel kuntatti u li Theuma kien mar Kastilja aktar minn darba.

Il-Prosekuzzjoni, iżda, qaltilu li fil-verità l-informazzjoni kollha għaddiet minnu.

Int żbaljat,” wieġeb Fenech.

Meta Cini poġġielu li kien biddel il-verżjoni tiegħu biex din taqbel mal-provi li ħarġu, Fenech qal li tela’ fuq il-pedana biex jgħid il-“verità kollha”.

USB, recordings u allegazzjoni ta’ €400,000 lil xhud

Wara l-pawża, il-Prosekuzzjoni reġgħet marret fuq USB li Theuma ta lil Fenech b’recordings.

Fenech qal li ma semagħhomx, minkejja li Theuma kien qallu li kellu recordings ta’ Keith Schembri wkoll.

Hu kkonferma li ta l-istess USB lil Schembri u li ma żammx kopja.

Cini staqsieh għaliex, jekk kien beda jissuspetta li Theuma seta’ jimplikah, ma żammx kopja ta’ prova li, skontu, setgħet timplika lil Schembri.

Dak iż-żmien kont nirrispetta u nipproteġi lil Keith Schembri,” qal Fenech.

Cini wieġbu b’ironija li kien “sfortunat” biżżejjed li ta l-allegata prova kontra Schembri lil Schembri stess.

Aktar tard, il-Prosekuzzjoni reġgħet qabdet mal-istqarrija fejn Fenech kien qal li, meta Theuma poġġa pistola fuq mejda quddiemu, hu ħaseb li seta’ “jirranġa l-problema bil-flus”.

Cini qallu li jidher li għandu l-idea li kull problema tista’ tissolva bil-flus.

Fenech ċaħad, iżda qal li ma’ Theuma ħaseb li l-flus setgħu jaħdmu għax kien jaf kemm kien iħobbhom.

F’dan il-kuntest, il-Prosekuzzjoni semmiet ukoll allegazzjoni li Fenech kien offra €400,000 lil xhud biex jixhed favur tiegħu.

Mhux veru!” wieġeb Fenech.

“Kont ħabib leali”

Cini mbagħad reġa’ mar fuq ir-rwol li Fenech jgħid li ħa biex jipproteġi lil Keith Schembri.

Fenech qal li fir-recordings ma kienx isemmi lil Schembri għax kien leali lejh.

Il-Prosekuzzjoni qaltlu li, fil-prattika, kien qed jerfa’ fuqu responsabbiltà f’każ ta’ qtil biex jipproteġi ħabib.

Fenech qal li kien qed jipprova “jgħatti” u jikkontrolla s-sitwazzjoni.

Meta ġie mistoqsi għaliex daħal daqshekk fil-fond f’dan kollu, wieġeb:

Kont ħabib leali.

Fenech: Schembri ried joqtol lil Theuma

F’wieħed mill-aktar mumenti serji tal-kontro-eżami, Fenech reġa’ allega li Keith Schembri kien ippjana biex Melvin Theuma jinqatel minn Kenneth Camilleri.

Qal li Schembri kien stiednu d-dar tiegħu u qallu li kien se jibgħat lil Camilleri jispara lil Theuma.

Fenech qal li jiftakar dan b’mod ċar, iżda llum jaħseb li jista’ jkun li Schembri kien qed jigdeb.

Meta l-Imħallef staqsietu għaliex, Fenech qal li fortunatament il-qtil ma seħħx.

Skont Fenech, hu pprova jgħid lil Schembri biex ma joħloqx problema oħra biex isolvi waħda eżistenti, u wara pprova jċempel kemm-il darba lil Theuma.

Aktar tard, qal Fenech, Schembri qallu li ma kien ġara xejn għax Theuma kellu lil ibnu miegħu.

Jintemm il-kontro-eżami

Wara l-pawża ta’ wara nofsinhar, il-Prosekuzzjoni reġgħet qabdet mar-recordings ta’ Theuma u mal-mument meta Fenech jgħid li fehem li seta’ jiġi implikat.

Fenech qal li kien jaf li kien għamel affarijiet ħżiena, fosthom li għadda informazzjoni, iżda li ma kienx jemmen li kien għamel xi ħaġa li tasal sal-punt li jkun involut fl-omiċidju.

Il-Prosekuzzjoni staqsietu għaliex, jekk tassew kien jemmen li Theuma ried jimplikah, qatt ma rrekordjah hu, qatt ma bagħtlu messaġġ biex joħloq prova, u baqa’ jagħtih il-flus.

Fenech qal li dak iż-żmien kien “għaddas rasu” fil-vizzju tad-drogi.

Cini għalaq b’sensiela ta’ mistoqsijiet qosra u mgħaġġla, waqt li Fenech baqa’ jikkoreġi jew jikkwalifika l-mod kif kienu qed jitqiegħdu l-punti.

Fl-aħħar, Cini qallu:

Sur Fenech, b’min trid tidħaq? Dawn huma l-marki tas-swaba kollha tiegħek fuq il-każ.

Mhux veru,” wieġeb Fenech.

“Daqshekk mistoqsijiet,” qal Cini.

U b’hekk intemm il-kontro-eżami ta’ Yorgen Fenech.

Call log jiġi eskluż mill-provi

Ftit wara, il-ġurati nħarġu mill-awla biex il-Qorti tiddeċiedi kwistjoni li kienet ilha pendenti minn qabel il-pawża.

Il-Prosekuzzjoni kienet sabet call logs li, skontha, kienu juru li Fenech ċempel tliet darbiet lil Johann Cremona fil-lejl meta Cremona u Kenneth Camilleri marru għand Theuma.

Iżda l-logs kienu fuq USB li kien ġie ppreżentat minn rappreżentant ta’ GO li ma kienx ikkonferma bil-ġurament ir-rwol tiegħu.

L-Imħallef Grima ddeċidiet li l-materjal ma kienx ammissibbli bħala prova.

Il-ġurati għalhekk se jiġu diretti biex jinjoraw kemm il-mistoqsija tal-Prosekuzzjoni kif ukoll it-tweġiba ta’ Fenech li kienu marbuta ma’ dawk il-logs.

Wara l-kontro-eżami, Mercieca jibda l-aringa

Bil-kontro-eżami magħluq, il-ġuri għadda għal fażi oħra.

L-avukat Charles Mercieca beda jagħmel sottomissjonijiet orali quddiem il-ġurati f’isem id-Difiża.

Din mhix l-aringa finali tat-tmiem tal-ġuri: id-Difiża għad għandha xhieda oħra li biħsiebha tressaq.

Mercieca beda billi rrikonoxxa kemm il-ġurati ilhom taħt pressjoni, aktar minn xahar jivvjaġġaw mill-lukanda għall-Qorti u lura.

Wasalna, u m’aħniex se nagħmlu sal-Milied,” qal.

Minn hemm daħal fuq it-tema tal-poter.

Proprju hekk kif qal il-kelma “poter”, inqata’ d-dawl fl-awla, mument li qanqal tbissima.

F’dan il-każ la għandna poter u lanqas kontroll fuqu,” qal Mercieca.

“Kull fingerprint trid tinvestiga”

Mercieca mbagħad ħa l-istess metafora li biha l-Prosekuzzjoni kienet għalqet il-kontro-eżami u dawwarha fuq l-investigazzjoni.

Qal lill-ġurati li investigazzjoni għandha ssegwi kull fingerprint u kull linja possibbli, mhux tagħżel direzzjoni waħda u tibqa’ mwaħħla magħha.

Hu għamel ukoll appell personali lill-ġurati biex ma jħallux il-mod kif xi kultant iġib ruħu hu bħala avukat jaffettwa lill-akkużat.

Forsi kultant ninnervja u nitla’ bir-rabja. Tħallux in-nuqqasijiet tiegħi jaqgħu fuq l-akkużat,” qal.

Id-Difiża ddur fuq Theuma

Minn hemm, Mercieca beda jattakka l-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma.

Qal li l-verżjoni tiegħu dwar l-allegata laqgħa barra l-Blue Elephant ma tagħmilx sens, u staqsa għaliex diskors dwar qtil kellu jsir barra meta Fenech kellu uffiċċju privat f’Level 21.

Hu attakka wkoll il-kronoloġija dwar “Uncle Ray”, u qal li ma jagħmilx sens li, jekk Daphne kienet se tippubblika xi ħaġa imminenti, jgħaddu ġimagħtejn jew tlieta mingħajr ma jsir xejn.

Mercieca kkontesta wkoll il-verżjoni li l-pjan waqaf minħabba l-elezzjoni.

Skontu, kampanja elettorali kienet żmien meta wieħed kien aktar probabbli jħaffef pjan bħal dak milli jwaqqfu, għax kulħadd ikun distratt.

“Daphne nqatlet għal dak li kitbet”

Mercieca mbagħad qal li l-mottiv veru, skont id-Difiża, kien ta’ Keith Schembri.

Daphne ma nqatlitx għal dak li kienet se tikteb. Inqatlet għal dak li kitbet,” qal.

Hu rrefera għal blog posts li Caruana Galizia kienet kitbet dwar Schembri fl-2017 u sostna li Schembri dakinhar kien qal li ried joqtolha.

Id-Difiża mbagħad għaqqdet laqgħa tas-16 ta’ Awwissu 2017 bejn Schembri u David Gatt ma’ telefonata li Gatt għamel lil George Degiorgio aktar tard dakinhar.

Mercieca staqsa jekk il-ġurati verament jemmnux li Kastilja kienet infetħet l-għada ta’ Santa Marija biex tiġi diskussa kariga ta’ ambaxxatur.

Skontu, l-evidenza tas-SIM cards analizzata mill-Europol kienet turi kuntatti li kellhom jiġu investigati ferm aktar.

“Jħallukom sereni r-rakkonti ta’ Theuma?”

Mercieca kompla jgħid lill-ġurati li biex isibu ħtija jridu jkunu ċerti, mhux jaħsbu “jista’ jkun” jew “x’aktarx”.

Hu reġa’ mar fuq il-phantom job u fuq kemm-il darba Theuma mar Kastilja.

Mercieca qal li Theuma kien insista li mar darba, iżda attendance sheet li ntwerietlu mid-Difiża allegatament indikat żjara oħra.

Skont Mercieca, meta Theuma induna x’kien id-dokument, ċaħad il-firma u sejjaħ il-karta “frame-up”.

Id-Difiża qalet li meta persuna tivvinta storja dwar affarijiet li ma tkunx għexet, eventwalment tinqabad għax ma tkunx tista’ tantiċipa kull dettall.

Jħallukom sereni r-rakkonti ta’ Theuma?” staqsa Mercieca lill-ġurati.

Hu attakka wkoll il-proklama mogħtija lil Theuma, u qal li l-Istat “xtara persuna” billi ħafirlu kollox biex jixhed.

Mercieca argumenta li Theuma biddel jew irtira affarijiet li qal dwar persuni oħra, iżda baqa’ jirrepeti akkuża waħda: “Yorgen ta’ Tumas” bħala l-mandant.

“Jew inkompetenti jew kompliċi”

Wieħed mill-aktar attakki qawwija tal-aringa kien dirett lejn l-investigazzjoni.

Mercieca talab lill-ġurati jimmaġinaw lilhom infushom bħala investigaturi u jistaqsu għaliex ċertu materjal qatt ma nġabar jew ma ġiex ippreservat.

Hu semma l-mobile u l-laptop ta’ Keith Schembri, mobiles ta’ Johann Cremona u Kenneth Camilleri u l-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia.

Jekk int daqshekk ċert li dawn m’għandhom xejn, ġibhom,” sostna.

Imbagħad qal:

Jew inkompetenti jew kompliċi.

Skont Mercieca, f’investigazzjoni dwar allegat mandant ta’ omiċidju, m’hemmx spjegazzjoni kredibbli għaliex mobile phones ta’ persuni li kienu qed jissemmew fil-każ ma nġabrux.

Qal li messaġġ wieħed biss seta’ biddel l-istampa kollha.

“U ġustizzja għal Yorgen?”

Lejn tmiem l-aringa tiegħu, Mercieca dar direttament fuq ir-rwol tal-ġurati.

Fakkarhom li l-Imħallef se tagħtihom id-direzzjoni fuq il-liġi, iżda huma jridu jiddeċiedu l-fatti.

Hu reġa’ qabad ma’ dak li l-Prosekuzzjoni kienet qalet fil-ftuħ tal-ġuri: li l-għan għandu jkun il-verità u l-ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, għall-familja tagħha u għas-soċjetà.

Imbagħad staqsa:

U ġustizzja għal dan ir-raġel? Ġustizzja għal Yorgen? Insejtuha?

Mercieca qal lill-ġurati biex iwarrbu kull preġudizzju, kemm favur kif ukoll kontra Fenech.

Il-preġudizzju huwa l-għadu tal-ġustizzja,” qal.

Hu rrikonoxxa li l-każ fih elementi li jqajmu emozzjonijiet qawwija: ġurnalista maqtula u negozjant fuq il-bank tal-akkużati.

Iżda qal li l-ġurati jridu jiġġieldu kontra kull simpatija jew antipatija u jiġġudikaw biss il-provi.

Mercieca qal ukoll li Daphne kienet tikteb tajjeb ħafna iżda kliemha kien jolqot u jqajjem emozzjonijiet qawwija.

Skontu, dak ma jistax jitħalla jaffettwa l-ġudizzju dwar jekk Fenech hux il-mandant.

“Niddefendu l-persuna, mhux ir-reat”

Mercieca qal li anke missieru staqsieh kif jista’ jiddefendi “qattiel”.

It-tweġiba tiegħu lill-ġurati kienet li avukat ma jiddefendix ir-reat iżda d-drittijiet tal-persuna mixlija bih.

Niddefendu l-persuna, mhux ir-reat,” qal.

Hu insista li l-qtil ta’ Daphne kien ħażin, irrispettivament minn x’kien jaħseb wieħed dwar il-kitba tagħha.

Iżda l-mistoqsija għall-ġurati, qal Mercieca, hija waħda: jekk il-provi humiex biżżejjed biex juru li Yorgen Fenech ta l-ordni għall-qtil.

Mercieca kompla jikkritika l-Prosekuzzjoni talli, skontu, qattgħet jiem turi chats u kummenti li ftit kellhom x’jaqsmu mal-allegazzjoni ċentrali.

Hu semma, fost oħrajn, referenza fejn Fenech allegatament sejjaħ lil Daphne “witch”.

Fuq hekk qed tibnu każ ta’ qtil?” staqsa.

Skont id-Difiża, kumment ħażin, rabja jew anke mibegħda lejn persuna mhumiex prova li persuna ordnat l-assassinju tagħha.

Fejn huma r-recordings ta’ Schembri?

Lejn l-aħħar tal-ġurnata, Mercieca reġa’ mar fuq Keith Schembri u r-recordings ta’ Theuma.

Hu fakkar lill-ġurati li Schembri kien xehed li kien sema’ li Theuma semmieh fir-recordings tiegħu.

Mercieca għalhekk staqsa:

Fejn huma dawk ir-recordings?

Skont id-Difiża, dak li ġara kien li Schembri tneħħa mill-verżjoni, filwaqt li Fenech daħal minfloku.

18:20

U b’hekk tasal fi tmiemha llum.

Illum intemm il-kontro-eżami tiegħu wara tlett ijiem ta’ mistoqsijiet intensivi mill-Prosekuzzjoni, u ftit wara Charles Mercieca beda l-aringa tiegħu f’isem id-Difiża.

Minn “dawn huma l-fingerprints kollha tiegħek fuq il-każ” għal argumenti dwar Keith Schembri, Melvin Theuma, recordings nieqsa u investigazzjoni li d-Difiża tgħid li ħalliet wisq mistoqsijiet bla tweġiba, il-ġurnata għal darb’oħra kienet waħda mimlija konfronti.

Għal-lum, daqshekk. Inkomplu għada.

 

Jaelle Borg
18:16

Charles Mercieca jerġa’ jdur fuq ir-recordings ta’ Melvin Theuma u fuq dak li qal Keith Schembri fix-xhieda tiegħu.

Mercieca jfakkar lill-ġurati li Schembri kien qal li kien sema’ li Theuma kien semmieh fir-recordings tiegħu. Minn hemm, id-Difiża tistaqsi mistoqsija sempliċi: fejn huma dawk ir-recordings?

Skont Mercieca, dak li spiċċa jiġri huwa li Keith Schembri tneħħa mill-verżjoni, filwaqt li Yorgen Fenech daħal minfloku bħala l-mandant.

Hu jikkritika wkoll il-fatt li Theuma baqa’ jgħid li qatt ma tkellem direttament ma’ Schembri, filwaqt li fl-istess ħin baqa’ jtenni li l-mandant kien “Yorgen ta’ Tumas”.

Mercieca juża dan biex jgħid lill-ġurati li hemm vojt importanti fil-provi: jekk verament kien hemm recordings fejn Schembri jissemma, għaliex ma nġabux quddiemhom?

Jaelle Borg
18:06

Charles Mercieca jkompli jargumenta li l-Prosekuzzjoni qattgħet wisq ħin fuq messaġġi u kummenti li, skont id-Difiża, ma jippruvawx il-punt ċentrali tal-każ: min ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Hu jirreferi għal skambju fejn Yorgen Fenech allegatament sejħilha “witch”, u jistaqsi lill-ġurati jekk kumment bħal dak jistax verament jitqies bħala prova li huwa ordna l-assassinju.

“Fuq hekk qed tibnu l-każ tagħkom?” jistaqsi Mercieca.

Skontu, il-Prosekuzzjoni qattgħet jiem twal tgħaddi lill-ġurati minn chats, battuti u konversazzjonijiet sekondarji, iżda ma ressqitx prova diretta li turi li Fenech ta l-ordni biex Caruana Galizia tinqatel.

Mercieca jgħid li l-ġurati jridu jżommu quddiem għajnejhom dik id-distinzjoni: li tkun kritiku, irrabjat jew vulgari dwar persuna mhux l-istess ħaġa bħal li tkun il-mandant tal-qtil tagħha.

Jaelle Borg
17:56

Mercieca jgħaddi għal punt aktar fundamentali dwar ir-rwol tad-Difiża u jfakkar lill-ġurati li l-kompitu tagħhom mhuwiex li jiġġudikaw kemm kien faħxi r-reat, iżda jekk il-provi humiex biżżejjed biex juru li Yorgen Fenech ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Mercieca jgħid li anke missieru staqsieh kif jista’ jiddefendi “qattiel”, iżda hu jagħmel distinzjoni ċara:

“Aħna niddefendu d-drittijiet ta’ persuna. Niddefendu l-persuna, mhux ir-reat.”

Jinsisti li l-qtil ta’ Caruana Galizia kien ħażin irrispettivament minn x’kien jaħseb wieħed dwar il-kitba tagħha, iżda jgħid li l-ġurati għandhom jiffukaw fuq mistoqsija waħda: il-provi juru, lil hinn mid-dubju, li kien Fenech li ta l-ordni?

Minn hemm, Mercieca jerġa’ jdur fuq il-kwalità tal-investigazzjoni u jgħid li reat ta’ din il-gravità kien jistħoqqlu investigazzjoni sħiħa, imparzjali u bla biża’ mill-poter.

Bħala parti minn dan l-argument, jerġa’ jsemmi lil Keith Schembri u jgħid li waħda mill-aħħar affarijiet li għamel qabel irriżenja kienet li poġġa t-talba għall-proklama ta’ Melvin Theuma fl-uffiċċju ta’ Joseph Muscat.

Jaelle Borg
17:53

Mercieca jkompli jħeġġeġ lill-ġurati biex jiġġudikaw il-każ biss fuq il-provi, u mhux fuq l-emozzjonijiet li jistgħu jinħolqu mill-fatti bażiċi tiegħu.

Jgħid li hawnhekk qed jitkellmu dwar il-qtil ta’ ġurnalista u dwar negozjant bħala l-akkużat — żewġ elementi li, waħedhom, jistgħu jqajmu simpatija jew antipatija.

Mercieca jirrikonoxxi li Daphne Caruana Galizia kienet tikteb b’saħħitha u tajjeb ħafna, iżda jgħid ukoll li kliemha kien jolqot u jqajjem reazzjonijiet qawwija.

L-appell tiegħu lill-ġurati huwa wieħed ċar: jagħmlu sforz konxju biex ma jħallux dawn is-sentimenti jinfluwenzaw il-ġudizzju tagħhom.

“Tħallux il-preġudizzju jgħatti l-ġudizzju tagħkom,” jgħid Mercieca.

Jaelle Borg
17:47

Charles Mercieca jkompli jgħid lill-ġurati li, fil-bidu tal-ġuri, il-Prosekuzzjoni ma tathomx stampa sħiħa tal-każ.

Ifakkarhom li kienu ntalbu jfittxu l-verità u jagħmlu ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia, mal-familja tagħha u mas-soċjetà Maltija — iżda jistaqsi jekk fil-proċess intesietx il-ġustizzja għal Yorgen Fenech.

Mercieca jinsisti li l-Prosekuzzjoni għandha tippreżenta l-provi kollha, inklużi dawk li jistgħu ma jaqblux mal-linja tagħha.

Imbagħad jagħmel appell dirett lill-ġurati biex jiddeċiedu mingħajr preġudizzju:

“Il-preġudizzju huwa l-għadu tal-ġustizzja.”

Hu jirrikonoxxi li l-ġurati x’aktarx qraw ħafna dwar il-każ fil-media, iżda jgħid li kull rapport jista’ jkollu l-angolu tiegħu.

Skont Mercieca, dak li l-ġurati raw fil-Qorti matul il-ġuri wera kemm ir-realtà tal-provi tista’ tkun differenti minn kif il-każ jidher fil-media.

Jaelle Borg
17:38

Hekk kif ikompli l'aringa tiegħu, Charles Mercieca jfakkar lill-ġurati li l-Imħallef se tispjegalhom il-liġi, iżda fl-aħħar mill-aħħar huma jridu jiżnu l-fatti u l-provi li nstemgħu, u fil-kamra tad-deliberazzjoni jiddeċiedu fejn tassew iwassalhom dak kollu li raw u semgħu.

Mercieca jerġa’ jdur fuq kliem li l-Prosekuzzjoni kienet qalet fil-bidu tal-ġuri: li ma għandu jkun hemm l-ebda interess ieħor ħlief il-verità u l-ġustizzja — ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia, għall-familja tagħha u għas-soċjetà Maltija.

Imbagħad jagħmel appell dirett lill-ġurati:

“U ġustizzja għal dan ir-raġel? Ġustizzja għal Yorgen? Insejtuha?”

Jaelle Borg
17:24

Lura fl-awla 

Jaelle Borg
17:02

Pawża sal-5:15pm

Jaelle Borg
16:54

Mercieca jitlob lill-ġurati jpoġġu lilhom infushom flok l-investigaturi u jistaqsu jekk l-investigazzjoni segwietx verament kull linja possibbli mingħajr biża’ jew preferenzi.

Hu jelenka numru ta’ affarijiet li, skont id-Difiża, ma ġewx miġbura jew ippreservati: il-laptop u l-mobile ta’ Keith Schembri, mobile phones ta’ Johann Cremona u Kenneth Camilleri, kif ukoll il-laptop ta’ Daphne Caruana Galizia.

Mercieca jistaqsi għaliex, jekk l-investigaturi kienu daqshekk ċerti li dawn il-mezzi ma kinux se jwasslu għal xejn, ma ġabruhomx xorta waħda.

Imbagħad jagħmel akkuża qawwija:

“Jew inkompetenti jew kompliċi.”

Jgħid li f’investigazzjoni dwar allegat mandant ta’ omiċidju, ma tagħmilx sens li ma tiġborx il-mobile phone ta’ persuna li d-Difiża tqis ċentrali għall-każ.

Skont Mercieca, anke messaġġ wieħed seta’ kien biżżejjed biex jitfa’ dawl fuq min kien qed jagħti struzzjonijiet lil min — u jistaqsi lill-ġurati x’seta’ kien hemm f’dawk il-mezzi li qatt ma ġew eżaminati.

Jaelle Borg
16:51

Mercieca jkompli jibni l-argument tiegħu li l-verżjoni ta’ Melvin Theuma għandha wisq lakuni u kontradizzjonijiet biex il-ġurati jkunu jistgħu jistrieħu fuqha b’serħan il-moħħ.

Jgħid li meta persuna tkun qed tivvinta storja dwar affarijiet li ma tkunx għexet, ma tkunx tista’ tantiċipa kull dettall u eventwalment tinqabad f’gidba.

Mercieca jerġa’ juża l-kuntatti ta’ Theuma f’Kastilja bħala eżempju: jekk il-ġurati jemmnu li Theuma mar hemm aktar minn darba, jgħid hu, allura l-verżjoni tiegħu li mar darba biss ma tistax tkun vera.

Minn hemm jagħmel appell dirett lill-ġurati:

“Jħallukom sereni r-rakkonti ta’ Theuma?”

Mercieca mbagħad jattakka l-proklama mogħtija lil Theuma, u jgħid li l-Istat tah maħfra sħiħa biex jixhed.

Skont id-Difiża, Theuma bidel jew irtira diversi partijiet minn dak li kien jgħid dwar persuni oħra, iżda baqa’ jtenni akkuża waħda fil-konfront ta’ Fenech.

Mercieca jiġborha hekk: referenzi għal eks Kummissarju li, skont Theuma, kienu bluff; Keith Schembri li Theuma qal li daħħlu “bil-ġenn ta’ moħħu”; iżda fuq il-mandant baqa’ jtenni Yorgen Fenech.

Id-Difiża tgħid li l-fatt li Theuma baqa’ jirrepeti dik il-verżjoni ma jfissirx waħdu li għandha titqies bħala vera, u terġa’ tistaqsi lill-ġurati jekk dan kollu jħallihomx sereni biżżejjed biex jaslu għal ħtija.

Jaelle Borg
16:49

Charles Mercieca jkompli jattakka l-kredibbiltà ta’ Melvin Theuma, u jfakkar lill-ġurati li biex isibu lil Yorgen Fenechħati jridu jkunu ċerti mill-provi u mhux sempliċement jaħsbu li xi verżjoni “tista’ tkun” jew “x’aktarx” hija vera.

Hu jgħid li proprju għalhekk għandhom jiskrutinizzaw bir-reqqa r-rakkont ta’ Theuma, u jagħti bħala eżempju l-verżjonijiet dwar il-phantom job u l-kuntatti tiegħu f’Kastilja.

Mercieca jgħid li Theuma xehed li Keith Schembri tah impjieg, filwaqt li Schembri ta verżjoni differenti u qal li kien Theuma li talab għall-għajnuna.

“Xi ħadd qed jigdeb,” jgħid Mercieca.

Id-Difiża mbagħad tirreferi għall-messaġġi ta’ Theuma lil Chayenne, fejn dan kien kiteb li kellu “the power”, li ngħata job u li kellu “meeting importanti ħafna.”

Mercieca jistaqsi lill-ġurati x’għandhom jifhmu minn dan, u jgħid li meta persuna bħal Theuma tgħid li “għandha l-poter”, hemm espressjoni bil-Malti li, fi kliemu, “mhix għal din l-awla.”

Hu jżid li inqas minn ħamest ijiem wara, Theuma ħa ritratt ma’ Keith Schembri, bagħtu lil Chayenne u reġa’ tenna li kellu “the power”.

Minn hemm, Mercieca jerġa’ jmur fuq il-frekwenza tal-kuntatti ta’ Theuma f’Kastilja. Jgħid li Theuma baqa’ jinsisti li mar hemm darba biss, iżda d-Difiża mbagħad urietu attendance sheet.

Skont Mercieca, Giannella de Marco għaddiet miegħu d-dettalji tad-dokument, inkluż in-numru tal-karta tal-identità u l-firma, li Theuma inizjalment ikkonferma.

Meta mbagħad qalulu li d-dokument kien attendance sheet ta’ Kastilja datata 2 ta’ Marzu, Theuma ċaħad li l-firma kienet tiegħu u talab espert, filwaqt li sejjaħha “frame-up.”

Mercieca juża dan biex jgħid lill-ġurati li l-verżjoni ta’ Theuma ma tistax tittieħed bħala waħda awtomatikament affidabbli u trid tiġi eżaminata bi prudenza kbira

Jaelle Borg
16:34

Mercieca jgħaddi għall-mottiv u jgħid lill-ġurati li, skont id-Difiża, kien Keith Schembri li kellu raġuni biex irid lil Daphne Caruana Galizia mejta.

Mercieca jagħmel distinzjoni ċara:

“Daphne ma nqatlitx għal dak li kienet se tikteb. Inqatlet għal dak li kitbet.”

Hu jfakkar li fl-2017 Caruana Galizia kienet ippubblikat diversi kitbiet dwar Schembri, fosthom dwar saħħtu, u jgħid li dakinhar Schembri kien irrabja u allegatament qal li ried joqtolha.

Mercieca mbagħad jibni l-argument tiegħu fuq sekwenza ta’ kuntatti f’Awwissu 2017. Jgħid li fis-16 ta’ Awwissu, Schembri ltaqa’ ma’ David Gatt, u jiddubita l-verżjoni li dik il-laqgħa kienet dwar kariga ta’ ambaxxatur.

Jgħid lill-ġurati li diffiċli jemmen li Kastilja kienet se tinfetaħ l-għada ta’ Santa Marija għal diskussjoni bħal din.

Id-Difiża mbagħad torbot dik il-laqgħa ma’ kuntatti li saru aktar tard dakinhar: skont Mercieca, David Gatt ċempel lil George Degiorgio.

Hu jgħid li din mhix spekulazzjoni, iżda xi ħaġa li, skont id-Difiża, toħroġ mill-analiżi tas-SIM cards li saret mill-Europol.

Jaelle Borg
16:24

Mercieca jibda jattakka l-loġika tal-verżjoni ta’ Melvin Theuma, u jgħid lill-ġurati li diversi elementi minn dak li xehed ma joqogħdux flimkien.

Jaqbad l-ewwel mal-allegata laqgħa barra l-Blue Elephant, fejn Theuma qal li Fenech kellmu dwar il-qtil. Mercieca jistaqsi għaliex diskors daqshekk sensittiv kellu jsir hemmhekk meta Fenech kellu uffiċċju privat f’Level 21, Portomaso.

Id-Difiża mbagħad terġa’ tmur fuq il-motiv marbut ma’ “Uncle Ray”. Mercieca jgħid li, skont Theuma, Fenech talbu jikkuntattja lil George Degiorgio għax Daphne kienet se tippubblika informazzjoni dwar zijuh — iżda mbagħad jgħid li għaddew ġimagħtejn jew tlieta qabel reġgħu tkellmu.

Skont Mercieca, din is-sekwenza ma tagħmilx sens: jekk verament kienet imminenti pubblikazzjoni li kellha tinkwetak, ma tħallix ġimgħat jgħaddu mingħajr ma tagħmel xejn.

Hu jikkontesta wkoll il-verżjoni li l-pjan waqaf minħabba l-elezzjoni ġenerali. Jgħid li, kieku kien hemm motiv urġenti, kampanja elettorali kienet aktar probabbli tħaffef il-pjan milli twaqqfu, għax f’dak il-perjodu kulħadd ikun distratt bil-politika.

Jaelle Borg
16:22

Charles Mercieca jerġa’ lura għat-tema tal-poter u l-kontroll, u jgħid li fil-ħajja hemm affarijiet li jkunu barra mill-kontroll tan-nies, iżda li dan il-ġuri wera wkoll kif ċerti persuni kellhom poter u kif għażlu jużawh.

Mercieca jargumenta li investigazzjoni trid issegwi kull “fingerprint” u kull linja possibbli, u mhux tagħżel direzzjoni waħda u tibqa’ mwaħħla magħha.

Imbagħad jagħmel appell aktar personali lill-ġurati. Jgħidilhom biex ma jħallux xi nuqqas min-naħa tiegħu bħala avukat jaffettwa l-mod kif jiġġudikaw lil Yorgen Fenech.

“Forsi kultant ninnervja u nitla’ bir-rabja. Tħallux in-nuqqasijiet tiegħi jaqgħu fuq l-akkużat,” jgħid Mercieca.

 

Jaelle Borg
16:05

L-avukat Charles Mercieca jibda billi jindirizza lill-ġurati fuq il-piż ta’ ġuri li ilu għaddej aktar minn xahar.

Jgħidilhom li jaf kemm hi diffiċli li ilhom jgħixu bir-rutina mill-lukanda għall-Qorti u mill-Qorti lura l-lukanda, u jżid b’ton ħafif:

“Wasalna, u m’aħniex se nagħmlu sal-Milied.”

Minn hemm, Mercieca jibda jidħol fit-tema tal-kontroll u l-poter, u jgħid li f’din id-dinja kulħadd jixtieq li jkollu minnhom.

Proprju hekk kif jispiċċa jgħid il-kelma “poter”, jinqata’ d-dawl fl-awla — mument li jqajjem tbissima fost dawk preżenti.

Mercieca b'ton ċajtier jgħid:

“F’dan il-każ, fuq id-dawl, la għandna poter u lanqas kontroll fuqu.”

 

Jaelle Borg
16:02

Xi tkun din il-fażi?

l-avukat Charles Mercieca se jagħmel l'aringa tiegħu f’isem id-Difiża.

F’din il-fażi, Mercieca se jindirizza direttament lill-ġurati u jiġbor l-argument tad-Difiża dwar għaliex, skont il-pożizzjoni tagħha, Fenech għandu jiġi lliberat mill-akkużi.

Din mhix is-sottomissjonijiet finali tad-Difiża fit-tmiem tal-ġuri. Fil-fatt, id-Difiża għad għandha xhieda oħra li biħsiebha tressaq fil-jiem li ġejjin.

Għalhekk, din hija aktar preżentazzjoni tal-każ tad-Difiża wara x-xhieda tal-akkużat, qabel ma jkomplu jinstemgħu provi oħra min-naħa tagħha.

Jaelle Borg
15:52

Ma hemm l-ebda re eżami minn naħa tad-difiża u wisq anqas l-ebda mistoqsija mill-ġurati u għalekk ngħaddu għal fażi li jmiss, dik li hija il-l'aringa

Jaelle Borg
15:51

Il-ġurati jinħarġu mill-awla hekk kif il-Qorti terġa’ lura għall-kwistjoni tal-call log li kien jinsab fuq il-pen drive u li qabel kien qajjem dubju dwar jekk setax jitqies bħala prova ammissibbli.

L-Imħallef Edwina Grima tiddeċiedi li dan il-materjal mhuwiex ammissibbli bħala prova.

Konsegwentement, meta l-ġurati jerġgħu jidħlu, se jiġu diretti biex jinjoraw kemm il-mistoqsija tal-Prosekuzzjoni kif ukoll it-tweġiba ta’ Yorgen Fenech li kienu saru b’referenza għal dak il-call log

Jaelle Borg
15:47

Fl-aħħar minuti tal-kontro-eżami, Godwin Cini jibda jispara sensiela ta’ mistoqsijiet qosra u diretti lil Yorgen Fenech, waħda wara l-oħra, dwar il-€50,000 u dettalji oħra mill-verżjoni tiegħu.

Fenech jibqa’ jikkoreġi jew jirranġa partijiet minn dak li l-Prosekuzzjoni tkun għadha kif poġġietlu, iżda Cini jkompli bir-ritmu mgħaġġel tiegħu.

F’mument minnhom, il-Prosekutur jgħidlu:

“Sur Fenech, b’min trid tidħaq? Dawn huma l-fingerprints kollha tiegħek fuq il-każ.”

Fenech jirribatti minnufih:

“Mhux veru.”

Cini mbagħad jgħid li m’għandux aktar mistoqsijiet.

U b’hekk jintemm il-kontro-eżami ta’ Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
15:36

Il-kontro-eżami jerġa’ lura għal Ottubru 2018, meta skont Yorgen Fenech beda jifhem li Melvin Theuma seta’ jipprova jimplikah fil-qtil.

Godwin Cini jistaqsih x’għamel minn dak il-mument ’il quddiem. Fenech jgħid li tkellem ma’ Theuma u ma’ Keith Schembri, iżda jammetti li ma ħa l-ebda pass ieħor u li kompla jagħti l-flus lil Theuma.

Jgħid ukoll li f’dak il-perjodu “għaddast rasi fil-vizzju tad-drogi.”

Il-Prosekuzzjoni tisfidah fuq kemm din il-verżjoni hija kredibbli, u tistaqsi kif seta’ l-CEO tat-Tumas Group ma jagħmel xejn meta kien qed jemmen li persuna kienet qed tipprova ddaħħlu f’omiċidju.

Fenech jirribatti li l-fatt li kien CEO ma jfissirx li kien imdorri jagħmila ma’ kriminali:

“Biex inkun CEO tat-Tumas Group kont niġi mrawwem sa minn meta kont tifel biex nagħmilha mal-kriminali? Ma kontx.”

Cini mbagħad jerġa’ jmur fuq il-flus. Fenech jgħid li Theuma kien jgħidlu li l-ħlasijiet kienu qed jgħaddu għand l-aħwa Degiorgio.

Il-Prosekuzzjoni tistaqsih ukoll għaliex, jekk kien diġà suspettuż minn Theuma, qatt ma rrekordjah hu stess, ma bagħtlu messaġġ biex joħloq prova, u lanqas ħa screenshots tal-konversazzjonijiet.

Fenech jgħid li ma għamilx dan.

Cini jissuġġerixxi li r-raġuni kienet sempliċi: Theuma ma kellux għalfejn jgħidlu xejn ġdid, għax dak kollu kien diġà magħruf minn Fenech stess.

Fenech jiċħad bil-qawwi u jgħid li l-Prosekuzzjoni qed tibni fuq “il-gidba ta’ Melvin.”

Jaelle Borg
15:35

Il-kontro-eżami jibqa’ fuq ir-recordings ta’ Melvin Theuma u fuq il-mument meta, skont Yorgen Fenech, beda jifhem li Theuma seta’ jipprova jimplikah fil-qtil.

Godwin Cini jistaqsih x’għamel sena wara l-assassinju meta beda jissuspetta li Theuma kien qed idawwar il-verżjoni kontrih.

Fenech jgħid li dakinhar kellu diskussjoni twila ma’ Theuma, fejn dan beda jgħidlu li hu kien parti minn tradiment u beda jitkellem fit-tul dwar is-sitwazzjoni.

Cini jistaqsi jekk dik il-konversazzjoni teżistix bħala recording.

Fenech jgħid li jemmen li Theuma rrekordjaha, iżda li dik ir-recording ma ġietx ippreżentata.

Il-Prosekuzzjoni taqbad ma’ dan il-punt u tisfidah fuq il-fatt li, skont il-verżjoni tiegħu, Theuma kien jirrekordja kważi kull konversazzjoni, iżda proprju din ma dehritx.

Cini mbagħad jiġbed linja bejn ir-recordings li nstabu fil-kumpilazzjoni, inklużi dawk ma’ Johann Cremona, u jgħid lil Fenech li f’dawk il-konversazzjonijiet hemm punti fejn, skont il-Prosekuzzjoni, jidher li qed jaċċetta elementi li jaqblu mal-verżjoni ta’ Theuma dwar l-ordni u l-ħlas tal-qtil.

Fenech ma jaċċettax din l-interpretazzjoni.

Jaelle Borg
15:32

Il-kontro-eżami jissokta, b’Yorgen Fenech jerġa’ fuq il-pedana tax-xhieda u l-Prosekuzzjoni terġa’ lura għall-mument meta Melvin Theuma tah pendrive b’recordings, madwar Ottubru 2018.

Godwin Cini jfakkru li Fenech stess kien iddeskriva dak il-mument bħala turning point, u jistaqsih jekk kienx proprju hemmhekk li fehem li seta’ jispiċċa implikat fil-qtil.

Fenech jgħid li iva, fehem li seta’ jiġi implikat, iżda jagħmel distinzjoni importanti: jgħid li kien jaf li kien għamel diversi affarijiet ħżiena, fosthom li għadda informazzjoni, iżda jinsisti li ma kienx inkwetat mir-recordings bħala prova ta’ involviment fil-qtil.

Skontu, dak li ħasdu aktar kien nota li seta’ jkun fiha ismu.

Cini jaqbad ma’ dan u jisfidah: kif seta’ jinkwieta aktar fuq ismu miktub fuq karta milli fuq recordings fejn seta’ jinstema’ jitkellem fuq il-qtil?

Fenech jgħid li r-recordings ma nkwetawhx daqshekk, u jżid li ftit jiem wara Theuma reġa’ mar għandu u skuża ruħu

Jaelle Borg
15:25

Jidħlu l-ġurati fl-awla u Yorgen Fenech jieħu postu fuq il-pedana tax-xhieda 

Jaelle Borg
15:22

L-Imħallef Edwina Grima terġa’ tidħol fl-awla, bil-Prosekuzzjoni tgħid li sabet il-call logs li kienet talbet qabel il-pawża.

Dawn huma r-records li, skont il-Prosekuzzjoni, juru li Yorgen Fenech ċempel tliet darbiet lil Johann Cremona fil-lejl meta Cremona u Kenneth Camilleri marru għand Melvin Theuma fid-dar tiegħu.

Iżda tqum problema proċedurali: il-call logs jinsabu fuq USB drive li kien ġie ppreżentat minn rappreżentant ta’ GO, iżda r-rwol tiegħu ma kienx ġie kkonfermat bil-ġurament.

Il-kwistjoni għalhekk issir waħda strettament legali: dawn ir-records jistgħu jitqiesu bħala parti mill-atti tal-każ jew le?

L-avukati taż-żewġ naħat jibdew jargumentaw il-pożizzjonijiet tagħhom dwar jekk il-materjal jistax jintuża.

 
Jaelle Borg
13:11

Pawża sat-3pm

Jaelle Borg
13:11

Il-kontro-eżami jdur fuq allegazzjoni oħra serja li Yorgen Fenech jagħmel fil-konfront ta’ Keith Schembri.

Fenech jgħid li Schembri kien stiednu d-dar tiegħu u qallu li kien se jibgħat lil Kenneth Camilleri għand Melvin Theuma biex jisparalu.

Jgħid li jiftakar dak il-mument ċar ħafna, iżda llum jaħseb li dak li qallu Schembri seta’ kien gidba.

Meta l-Imħallef tistaqsih għaliex jaħseb hekk, Fenech iwieġeb li, fortunatament, il-qtil ma seħħx.

Godwin Cini mbagħad jaqra mill-istqarrija ta’ Fenech, fejn dan kien qal li f’dak il-mument “ffriża” u ħaseb li kienu waslu f’sitwazzjoni fejn persuna kienet se toqtol oħra.

Fenech jgħid li pprova jwaqqaf lil Schembri u jgħidlu biex ma joħloqx problema oħra biex isolvi waħda eżistenti.

Il-Prosekuzzjoni tisfidah li, minkejja li kien qed jemmen li persuna oħra setgħet tinqatel, hu mar id-dar.

Fenech jgħid li wara pprova jċempel diversi drabi lil Theuma, iżda dan ma weġbux.

Hu jkompli jsostni li aktar tard Schembri qallu li l-attentat ma seħħx għax Theuma kellu lil ibnu miegħu.

Jaelle Borg
13:01

Il-Prosekuzzjoni tkompli tittestja l-verżjoni ta’ Yorgen Fenech li fir-recordings ma kienx isemmi lil Keith Schembrigħax ried jipproteġih.

Fenech jaċċetta li kien qed ikun leali lejn Schembri u jgħid li, f’dak il-perjodu, ħa fuqu r-responsabbiltà biex jipprova jikkontrolla s-sitwazzjoni u ma jħallihiex tisplodi.

Godwin Cini jisfidah li, fil-prattika, dan kien ifisser li Fenech kien qed jerfa’ fuqu kollox f’każ ta’ qtil biex jipproteġi lil Schembri.

Meta jerġa’ jissemma l-episodju tal-pistola fuq il-mejda, Fenech jgħid li ħassu intimidat, iżda jinsisti li Theuma ma heddux direttament biha.

Fenech jgħid ukoll li kien jibża’ li Theuma seta’ jagħmel xi ħaġa impulsiva f’Kastilja jekk ma jirnexxilux iżomm is-sitwazzjoni taħt kontroll.

Cini għalhekk jistaqsih għaliex daħal daqshekk fil-fond f’din il-kwistjoni biex jipproteġi lil Schembri.

Fenech iwieġeb:

“Kont ħabib leali.”

Jaelle Borg
12:56

Il-Prosekuzzjoni terġa’ taqbad ma’ parti mill-istqarrija ta’ Yorgen Fenech mal-Pulizija, fejn kien irrakkonta episodju li fih Melvin Theuma poġġa pistola fuq skrivanija quddiemu.

Meta dakinhar l-Ispettur staqsieh għaliex ma qallu xejn dwar il-pistola, Fenech kien wieġeb li ħaseb li seta’ jsolvi l-problema bil-flus.

Godwin Cini jaqbad ma’ din il-frażi u jissuġġerixxi li Fenech kellu — u għad għandu — l-idea li kull problema tista’ tissolva bil-flus.

Fenech jiċħad li dan jirrifletti l-karattru tiegħu, iżda jgħid li fil-każ ta’ Theuma kien jemmen li l-flus setgħu jaħdmu għax, skontu, Theuma kien miġbud ħafna lejn il-flus.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tgħaddi għal allegazzjoni oħra li ħarġet fix-xhieda: li Fenech kien offra €400,000 lil xhud biex jixhed favur tiegħu.

Fenech jirreaġixxi minnufih:

“Mhux veru!”

Jaelle Borg
12:51

Il-kontro-eżami jerġa’ jdur fuq ir-recordings ta’ Melvin Theuma u fuq għaliex Yorgen Fenech jgħid li ma semagħhomx, minkejja li dak iż-żmien kien diġà qed jissuspetta li Theuma seta’ jipprova jdaħħlu fil-każ.

Fenech jgħid li f’Ottubru 2018 Theuma tah recordings li kien għamel tiegħu, u qallu wkoll li kellu recordings ta’ Keith Schembri. Skont Fenech, kemm Theuma kif ukoll Schembri kienu semmewlu li dawn ir-recordings kienu jeżistu.

Hu jgħid li minn dak iż-żmien beda jinduna li Theuma seta’ jipprova jimplikah, iżda xorta waħda ma semax il-kontenut tagħhom. Jispjega li dak iż-żmien kien “a mess”.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tagħfas fuq deċiżjoni li tidher kontradittorja: Fenech jikkonferma li ta l-istess USB lil Keith Schembri, mingħajr ma sema’ r-recordings u mingħajr ma għamel kopja.

Godwin Cini jistaqsih għaliex, jekk verament kien jemmen li r-recordings setgħu juru involviment ta’ Schembri u fl-istess ħin jipproteġuh jekk Theuma jdur kontrih, ma żammx kopja.

Fenech jibqa’ jinsisti li ma semagħhomx.

Meta Cini jfakkru li skont il-verżjoni tiegħu stess kien beda jissuspetta xi ħaġa sa minn meta ta lil Theuma €50,000, Fenech jgħid:

“Dak iż-żmien kont nirrispetta u nipproteġi lil Keith Schembri.”

Cini jirribatti b’ironija li Fenech kien “sfortunat” biżżejjed li ta l-allegata prova kontra Schembri lil Schembri stess.

Fenech jaċċetta li hekk ġara.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tpoġġilu direttament li hu remej jew ħeles mir-recordings għax kienu jimplikawh.

Fenech jiċħad:

“Mhux veru.”

Jaelle Borg
12:35

L-avukat tad-difiża Charles Mercieca qajjem oġġezzjoni, bil-ġurati jintalbu joħorġu mill-awla waqt li l-kwistjoni ġiet diskussa.

Mercieca kkontesta dak li sostniet il-prosekuzzjoni dwar tliet missed calls li allegatament Yorgen Fenech għamel lil Johann Cremona fil-lejl meta Kenneth Camilleri mar jiltaqa’ ma’ Melvin Theuma. Skont id-difiża, ma hemm l-ebda rekord ta’ dawn it-telefonati fl-atti tal-każ.

Il-prosekuzzjoni wieġbet li l-call log kien ħareġ minn data extraction li l-pulizija kienet wettqet f’każ separat, marbut ma’ allegati leaks ta’ informazzjoni dwar l-investigazzjoni tal-qtil.

L-Imħallef qalet li jekk jirriżulta li dan il-call log ma jinsabx formalment fl-evidenza ta’ dan il-każ, hija se tagħti direzzjoni lill-ġurati biex jinjoraw kemm il-mistoqsija kif ukoll it-tweġiba marbuta magħha.

L-espert tal-IT tal-Qorti, Martin Bajada, se jivverifika l-atti u jinforma lill-Qorti jekk ir-rekord tat-telefonati jinsabx fil-provi.

Jaelle Borg
12:29

Il-kontro-eżami jerġa’ jiffoka fuq ir-rwol ta’ Yorgen Fenech bħala intermedjarju bejn Melvin Theuma u Keith Schembri, bil-Prosekuzzjoni tipprova turi li l-kuntatt dirett bejn it-tnejn ma jirriżultax mill-evidenza.

Godwin Cini jaqra messaġġ fuq Signal li Fenech bagħat lil Theuma fil-25 ta’ April 2018, fejn kien jgħidlu biex jipprova jkellem “lil dak ir-raġel”, iżomm kalm u li sa dak il-punt kien instab li l-bomba kienet fil-garaxx tal-Maksar fiż-Żebbuġ.

Fenech jgħid li dak il-messaġġ kien bagħtu wara li Keith Schembri kien ikkuntattjah u qallu biex javża lil Theuma.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad torbot l-istess lejla ma’ Johann Cremona u Kenneth Camilleri, u tfakkar li dakinhar Camilleri kien mar għand Theuma fiż-Żurrieq. Fenech jgħid li ma jiftakarx.

Minn hemm, Cini jerġa’ jmur fuq il-phantom job ta’ Theuma mal-Gvern. Fenech jgħid li, minn dak li jaf, Schembri kien qallu li kienu qed jippruvaw jikkuntattjaw lil Theuma u talbu javżah. Jgħid ukoll li Theuma, skont hu, mar Kastilja diversi drabi wara.

Waqt dan l-iskambju, Giannella de Marco tinstema’ tgħaddi kumment, u l-Imħallef Edwina Grima twissiha b’mod iebes biex ma tikkummentax waqt li x-xhud qed jixhed.

Meta Cini jistaqsi lil Fenech meta eżatt Schembri allegatament beda jagħmel pressjoni fuq Theuma, Fenech jgħid li dan seħħ wara l-impjieg u li, wara l-qtil, Schembri “ħasel idejh minn kollox.”

Il-Prosekuzzjoni però tinsisti li ma kien hemm l-ebda kuntatt dirett bejn Theuma u Schembri, u li l-informazzjoni kollha għaddiet minn Fenech.

Fenech jirribatti: “Int żbaljat.”

Cini mbagħad jerġa’ jqabbel ix-xhieda tiegħu mal-istqarrija lill-Pulizija u jgħidlu li llum qed jagħti verżjoni differenti.

Fenech jaċċetta li ma kienx qal kollox bl-istess mod, iżda jgħid li għażel li jitla’ fuq il-pedana biex jgħid il-verità kollha.

Il-Prosekuzzjoni tpoġġilu li biddel il-verżjoni għax dik oriġinali ma baqgħetx tagħmel sens fid-dawl tal-provi li ħarġu wara, u tispiċċa takkużah li vvinta mal-Pulizija u kompla jivvinta quddiem il-ġurati.

Fenech jiċħad: “Mhux veru.”

Jaelle Borg
12:17

Il-kontro-eżami jerġa’ jdur fuq Melvin Theuma u fuq min, skont il-verżjonijiet differenti, kien qed jagħmillu pressjoni biex il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia jitwettaq.

Godwin Cini jpoġġi lil Yorgen Fenech quddiem ix-xhieda ta’ Theuma, li kien qal li Fenech kien jibqa’ jinsisti miegħu biex l-eżekuturi “jeħilsu minnha”.

Fenech jiċħad dan għal kollox: “Mhux veru.”

Il-Prosekuzzjoni tirreferi wkoll għall-fatt li, skont ix-xhieda, Alfred Degiorgio kien ta burner phone lil Theuma biex ma jibqax imur il-Potato Shed, u li anke Vincent Muscat il-Koħħu kellu burner phone.

Fenech jibqa’ jiċħad li hu kien qed jagħmel pressjoni, u jgħid li dak li jaf hu li David Gatt kien ikun ta’ spiss il-Potato Shed.

Cini mbagħad jaqra minn dak li Fenech qal fl-istqarrija mal-Pulizija: meta l-Ispettur kien qallu li hu kien qed jagħmel pressjoni fuq Theuma, Fenech kien wieġeb li “Keith Schembri kien qed jagħmel pressjoni.”

Fenech jgħid li sar jaf b’dan aktar tard, mingħand Theuma stess. Iżid li Theuma kien semma dan ukoll lil Johann Cremona f’recording.

Meta Cini jgħidlu li ma hemmx traċċa ta’ kuntatt dirett bejn Schembri u Theuma, Fenech jirribatti:

“Dażgur li hemm.”

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tagħfas fuq il-loġika tal-verżjoni tiegħu: jekk Schembri kien qed jagħmel pressjoni fuq Theuma qabel il-qtil, għaliex wara ma jidherx l-istess kuntatt, anke meta Theuma kien qed ifittex għajnuna dwar kwistjonijiet oħra?

Fenech jgħid li fil-ġuri diġà nstemgħu diversi xhieda li, skontu, juru mod ieħor.

Jaelle Borg
12:08

Il-Prosekuzzjoni terġa’ ddur fuq 17 Black, din id-darba fuq kif Yorgen Fenech kien jirreaġixxi meta jiġi mistoqsi dwar is-sjieda tal-kumpanija.

Godwin Cini jirreferi għal komunikazzjoni ma’ HSBC f’Mejju 2019, fejn jgħid li Fenech kien insista li 17 Black ma kinitx tiegħu u li kien frustrat għax kien diffiċli jipprova dan.

Fenech jgħid li jista’ jkun, iżda ma jiftakarx il-kliem eżatt. Jinsisti li kienet kumpanija privata u li hu ma kienx persuna pubblika, għalhekk kellu dritt jiddefendi l-privatezza tiegħu.

Cini mbagħad jerġa’ jqabbel din il-pożizzjoni ma’ dak li Fenech qal waqt l-interrogazzjoni, meta fuq 17 Black kien wieġeb li “se nwieġeb fil-mument opportun.”

Fenech jerġa’ jispjega li dak iż-żmien ma kienx iħossu komdu fil-kamra tal-interrogazzjoni.

Il-Prosekuzzjoni taqra wkoll minn mument ieħor fejn l-Ispettur Kurt Zahra semmielu 17 Black u Fenech kien wieġeb li Daphne qatt ma kienet kitbet fuqu, u li l-allegazzjoni kienet li 17 Black kienet ta’ John Dalli.

Fenech jgħid li dan kien minħabba r-ritratti li kienu jidhru fil-kitbiet oriġinali ta’ Caruana Galizia dwar il-kumpanija.

Jaelle Borg
11:51

Lura fl-awla 22 

Jaelle Borg
11:29

Pawża sal-11:45am

Jaelle Borg
11:28

Il-Prosekuzzjoni tkompli tibni l-argument li Yorgen Fenech kien qed isegwi mill-qrib dak li kien qed joħroġ fil-media dwaru u dwar 17 Black.

Godwin Cini jirreferi għall-għeluq ta’ 17 Black u jgħid li Fenech kien ħareġ madwar €6 miljun mill-kumpanija. Ifakkru wkoll li, meta fl-2018 ġie identifikat pubblikament bħala d-direttur tagħha, il-kwistjoni kienet saħansitra wasslet għal dibattitu urġenti fil-Parlament.

Fenech jgħid li ma jiftakarx id-dati eżatti u lanqas id-dettall dwar id-dibattitu parlamentari.

Cini mbagħad jerġa’ jqiegħed quddiemu kumment li Fenech kien għamel lil Melvin Theuma dwar Daphne:

“Nitfagħha minn hawn għal-isfel u ma jiddispjaċinix.”

Fenech jiddeskrivih bħala kumment ta’ togħma ħażina.

Il-Prosekuzzjoni tkompli turi kemm Fenech kien qed isegwi dak li kienet qed tikteb Caruana Galizia, u tirreferi għal email fejn Kunz kitiblu li hija kienet “particularly mad this week.”

Cini jirreferi wkoll għal komunikazzjoni ma’ Saviour Balzan dwar artiklu fuq 17 Black, fejn Fenech kien ilmenta dwar ir-ritratt li ntuża.

Fenech jgħid li jiftakar li kien ilmenta fuq ir-ritratt.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad titlob li l-ġurati jintwerew il-konversazzjonijiet ta’ WhatsApp bejn Fenech u Balzan.

Jaelle Borg
11:14

Il-Prosekuzzjoni terġa’ tpoġġi direttament il-mottiv quddiem Yorgen Fenech, u tistaqsih jekk ordnax il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia biex ma tikxifx tranżazzjonijiet marbuta mal-proġetti u l-kumpaniji tiegħu.

Fenech jiċħad kategorikament: “Le, assolutament le.”

Godwin Cini mbagħad jaqra minn email fejn Fenech kien kiteb li kien “petrified from the consequences on the media”, u jistaqsih kif jista’ jsostni li l-kitbiet ta’ Caruana Galizia ma kinux qed iħalluh f’paniku.

Fenech jgħid li dik il-frażi kienet marbuta ma’ stat personali ferm usa’: jgħid li dak iż-żmien kien qed jipprova jispjega kif abbanduna lill-familja tiegħu u kisser iż-żwieġ, u mhux xi reazzjoni għall-investigazzjonijiet ta’ Daphne.

Cini jirribatti li tul dawn it-tlett ijiem Fenech kemm-il darba qal “taf x’għamilt” jew “hekk missni għamilt”, iżda li quddiemu hemm emails u recordings li juru kif kien qed jaħseb dak iż-żmien.

Fenech jirreaġixxi billi jerġa’ jġib ’il quddiem l-istat tiegħu f’dak il-perjodu u jgħid:

“Jekk tridu ssallbu persuna li dak iż-żmien kienet imkissra mid-drogi…”

Jaelle Borg
11:05

X'inhu l-każ tal-windfarm ta' Montenegro?

Il-każ tal-wind farm tal-Možura fil-Montenegro idur fuq ftehim li fih kumpanija reġistrata fis-Seychelles, Cifidex, xtrat ishma fil-proġett għal madwar €2.9 miljun u ftit wara biegħethom lil Enemalta għal madwar €10.3 miljun.

Skont investigazzjonijiet ġurnalistiċi li ġew ippubblikati wara, Cifidex kienet marbuta ma’ Turab Musayev, li kien ukoll involut fl-Electrogas, u l-finanzjament biex sar ix-xiri inizjali allegatament ġie minn 17 Black, il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech f’Dubai.

Wara li Enemalta xtrat l-ishma bi prezz ferm ogħla, 17 Black allegatament irċeviet lura l-flus li kienet ħarġet u wkoll madwar €4.6 miljun oħra bħala qligħ mill-ftehim.

Il-każ sar partikolarment sensittiv għax Daphne Caruana Galizia kienet qed tinvestiga 17 Black qabel ma nqatlet. Dak iż-żmien, madankollu, hija ma kinitx għadha identifikat pubblikament lil Fenech bħala s-sid tal-kumpanija.

Fil-ġuri, il-Montenegro għalhekk qed jidħol fil-kuntest usa’ tal-mistoqsijiet tal-Prosekuzzjoni dwar x’kien qed jiġri f’17 Black, meta beda jiġri, u kemm kien qed isir viżibbli l-interess ġurnalistiku fil-kumpanija qabel l-assassinju.

Importanti: l-allegazzjonijiet dwar il-flussi tal-flus u l-mod kif sar il-ftehim huma parti minn investigazzjonijiet u proċeduri separati; fil-ġuri ta’ Fenech il-Qorti diġà wissiet lill-Prosekuzzjoni biex ma tidħolx f’materjal minn proċeduri pendenti jew dokumenti li ma jkunux awtentikati skont il-liġi.

Jaelle Borg
11:04

Il-Prosekuzzjoni tirreferi għal dokument li jidher bħala Excel sheet, iżda qabel ma jidħol fil-kontenut tiegħu, Yorgen Fenech jiġbed l-attenzjoni tal-Imħallef li fuq il-materja hemm inkjesta maġisterjali.

Godwin Cini imbagħad jerġa’ jorbot il-mistoqsijiet mal-perjodu ta’ Frar 2017, meta Daphne Caruana Galizia bdiet tikteb fuq 17 Black, u jistaqsi lil Fenech dwar pjan miftiehem ma' Turab Musayev relatat ma’ wind farm fil-Montenegro.

Fenech jgħid li ma jiftakarx jekk kienx diġà ħejja xi ħaġa f’dak il-perjodu.

Meta Cini jistaqsih jekk jiftakarx li fl-2014 kien hemm pjan bħal dan, Fenech jgħid li kien irċieva l-proposta, u mhux neċessarjament li kien hu li ħejjaha.

Jaelle Borg
11:01

Yorgen Fenech jerġa’ jieħu postu fuq il-pedana tax-xhieda u l-Prosekuzzjoni terġa’ lura għal 17 Black.

Godwin Cini jistaqsih jekk iħossux skomdu jitkellem dwar tranżazzjonijiet marbuta mal-kumpanija. Malli ssir il-mistoqsija, jinstemgħu reazzjonijiet min-naħa tad-Difiża.

L-Imħallef Edwina Grima tintervjeni u twissi lil Cini:

“Oqgħod attent, il-Qorti għadha kif tat digriet.”

Cini jgħid li se jistaqsi biss jekk Fenech jinsabx skomdu jitkellem fuq tranżazzjonijiet ta’ 17 Black.

Fenech iwieġeb: “Le.”

Cini mbagħad iżid:

“Għax l-avukata tiegħek mhix komda.”

Jaelle Borg
10:58

Jidħlu l-ġurati lura fl-awla

Jaelle Borg
10:56

Waqt li l-partijiet għadhom qed jargumentaw fuq l-email li Martina Bajada qed jipprova jsib, l-iskambju jerġa’ jisħon.

F’mument minnhom, Giannella de Marco tinstema’ tgħid: “Il-liġi tgħid…”

Qabel tkompli, Godwin Cini jinterrompi u jinstema’ jgħid:

“Taf x’tgħid il-liġi… anzi ma ngħid xejn.”

 

Jaelle Borg
10:51

Wara li ż-żewġ naħat jagħmlu l-verbal tagħhom, l-Imħallef Edwina Grima tagħti direzzjoni ċara lill-Prosekuzzjoni dwar l-użu tad-dokumenti fil-kontro-eżami.

Il-Qorti tgħid li ma għandhomx isiru referenzi għal dokumenti li ma jkunux awtentikati fil-forma mitluba mil-liġi, u tosserva li x-xhud li esebixxa d-dokument inkwistjoni la kien l-awtur tiegħu u lanqas uffiċjal li, skont il-liġi, seta’ jikkonferma l-awtentiċità tiegħu.

L-Imħallef tirreferi għall-Artikolu 636B(2) tal-Kap. 12, kif applikabbli għall-proċeduri kriminali permezz tal-Artikolu 520D tal-Kodiċi Kriminali.

Il-Qorti terġa’ twissi lill-Prosekuzzjoni li l-provi li tressaq quddiem il-ġurati jridu jkunu miġbura u ppreżentati skont il-liġi.

Tagħti wkoll direzzjoni oħra: lil Yorgen Fenech m’għandhomx isirulu mistoqsijiet dwar proċeduri kriminali li għadhom pendenti.

Jaelle Borg
10:47

Filwaqt li Martina Bajada qed jipprova jsib l-email tal-2015 li kienet qed tirreferi għaliha l-Prosekuzzjoni, Godwin Cini jibda jaqra minn rapport tal-FIAU li kien diġà ġie ppreżentat fl-inkjesta.

Qabel ma l-Prosekuzzjoni tkompli fuq il-kontenut tiegħu, id-Difiża terġa’ tqajjem punt ta’ dritt dwar jekk u kif dan id-dokument jista’ jintuża fil-kontro-eżami ta’ Yorgen Fenech.

Jaelle Borg
10:37

Min hi Ghazala Assad?

Il-kontro-eżami jkompli fuq dak li kien qed jiġri madwar 17 Black fl-2015, bil-Prosekuzzjoni tirreferi għal żewġ tranżazzjonijiet li kienet diġà għamlet il-kumpanija u mbagħad għal email datata fl-istess sena marbuta ma’ Ghazala Assad.

 

Assad hija persuna privata li isimha daħal fil-proċess minħabba li l-kuntatti u l-messaġġi tagħha ma’ Yorgen Fenechkienu jinsabu fid-data estratta mill-mobile tiegħu u ġew ippreżentati fil-Qorti bħala parti mill-evidenza diġitali.

Fost il-materjal li deher fil-Qorti kien hemm skambji bejnha u Fenech, kif ukoll ritratt ta’ ċekk bankarju li deher fil-konversazzjonijiet tagħhom.

 L-importanza tagħha fil-ġuri ġejja mill-fatt li l-Prosekuzzjoni qed tuża dawn il-konversazzjonijiet u l-materjal finanzjarju biex tibni stampa usa’ tal-kuntatti, il-movimenti tal-flus u l-operat ta’ Fenech f’dak il-perjodu.

Il-Prosekuzzjoni issa qed tuża email tal-2015 marbuta ma’ Assad bħala parti mill-kronoloġija li qed tibni dwar 17 Black u l-attività finanzjarja tagħha.

 

Jaelle Borg
10:22

Il-ġurati joħorġu mill-awla wara li d-Difiża tqajjem punt ta’ dritt dwar il-mod kif Godwin Cini qed jagħmel ċerti mistoqsijiet lil Yorgen Fenech.

L-avukat Charles Mercieca jfakkar lill-Prosekuzzjoni li għad hemm proċeduri pendenti li jinvolvu lil Fenech, lil Keith Schembri u persuni oħra, u għalhekk jinsisti li għandha toqgħod attenta kif tifformula ċerti suġġerimenti fix-xhieda.

Mercieca jirreferi b’mod partikolari għall-mistoqsijiet dwar “Big K”, u jgħid li l-Prosekuzzjoni ma tistax tibqa’ tissuġġerixxi li r-referenza kienet għal Keith Schembri meta Fenech għadu kemm insista li kien qed jirreferi għal Konrad Mizzi.

Waqt l-iskambju tinstema’ wkoll Giannella de Marco tistaqsi b’ton kritiku:

“Aħna qatt għamilna tlett ijiem kontro-eżami?”

Cini jirribatti li qed “imexxi ħafna”, iżda de Marco twieġeb b’ironija:

“Iva, qed naraw kemm qed tmexxi ħafna.”

Jaelle Borg
10:18

Il-Prosekuzzjoni taqra chat bejn Yorgen Fenech u persuna oħra fejn tidher ir-referenza “Big K”.

Godwin Cini jieqaf fuq il-kliem u jistaqsi lil Fenech min kien “Big K”.

Fenech iwieġeb li kien qed jirreferi għal Konrad Mizzi.

Cini jissuġġerixxi li “Big K” fil-fatt kien Keith Schembri, iżda Fenech jibqa’ jinsisti, anke wara diversi mistoqsijiet fuq l-istess punt, li r-referenza kienet għal Mizzi.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad terġa’ torbot il-konversazzjoni mal-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia u tistaqsi lil Fenech jekk kienx beda jippanikja meta sar jaf li kienet qed tersaq dejjem aktar lejn informazzjoni dwaru.

Fenech jiċħad kategorikament: “Lanqas xejn.”

Cini mbagħad ipoġġilu direttament li kien hu li ordna u ħallas għall-qtil ta’ Caruana Galizia.

Fenech jirribatti:

“Assolutament le.”

Jaelle Borg
10:11

Il-Prosekuzzjoni turi email ta’ Karl Cini ta’ Nexia BT bit-titlu Tillgate and Hearnville, fejn jissemmew il-kumpaniji tal-Panama u, fost il-main target clients, jidhru 17 Black u Macbridge Limited.

Godwin Cini jistaqsi lil Yorgen Fenech jekk jafx li Tillgate kienet ta’ Keith Schembri u Hearnville ta’ Konrad Mizzi.

Fenech jgħid li dwar dawn sar jaf mill-media, u jisħaq li hu ma kienx l-awtur tal-email.

Il-Prosekuzzjoni tagħfas fuq il-fatt li, minkejja r-relazzjoni qrib ma’ Schembri, Fenech qed jgħid li sar jaf b’dawn l-istrutturi biss wara li ħarġu fil-pubbliku.

Cini mbagħad ipoġġilu li l-kumpanija tiegħu, 17 Black, spiċċat bħala wieħed mill-main target clients tal-istrutturi marbuta ma’ Schembri u Mizzi.

Fenech jiċħad li kien hemm xi rabta operattiva:

“Ma kien hemm ebda interaction.”

Il-Prosekuzzjoni terġa’ taqbad mal-fatt li l-isem ta’ 17 Black inbidel ftit jiem wara li bdiet toħroġ fil-media, u tistaqsi lil Fenech dwar kemm 17 Black u Electrogas kienu proġetti personali tiegħu.

Fenech jaċċetta li ħadem fuqhom hu, iżda meta Cini juża l-kelma “babies” biex jiddeskrivi l-kumpaniji, Fenech jirribatti:

“Il-babies tiegħi huma t-tfal tiegħi.”

Jaelle Borg
10:10

Il-Prosekuzzjoni tkompli tibni l-kronoloġija ta’ 17 Black u turi lil Yorgen Fenech artiklu ta’ Daphne Caruana Galiziatas-26 ta’ Mejju li fih jissemmew ukoll Konrad Mizzi u Keith Schembri.

L-avukat Godwin Cini jistaqsi jekk hux f’dan il-punt li bdiet issir il-konnessjoni bejn 17 Black u Electrogas. Fenech ma jaqbilx mal-mod kif qed jitqiegħed il-punt u jgħid li dawn kienu affarijiet li kienu qed joħorġu waqt kampanja elettorali.

Il-kontro-eżami mbagħad idur fuq ir-relazzjonijiet personali tiegħu ma’ Schembri u Mizzi. Fenech jikkonferma li fl-2015 kellu relazzjoni tajba ma’ Keith Schembri, filwaqt li dwar Konrad Mizzi jgħid li kellhom good relationship, iżda ma kinux qrib.

Fenech jikkonferma wkoll li 17 Black kienet diġà rreġistrata f’Mejju 2015.

Cini mbagħad jistaqsih jekk hu, Schembri u Mizzi kellhomx xi pjan biex jinvestu flimkien f’negozju barra minn Malta. Fenech jiċħad b’mod ċar:

“Qatt ma għamilt business magħhom.”

Meta l-Prosekuzzjoni tirreferi għal kif ismu deher f’dokumenti tal-awdituri, Fenech jagħmel distinzjoni u jgħid li ma kienx imsemmi bħala parti minn agreement, iżda bħala “target”.

Jaelle Borg
09:59

Il-kontro-eżami jkompli fuq il-kitbiet ta’ Daphne Caruana Galizia dwar 17 Black u Electrogas, bil-Prosekuzzjoni tipprova turi li, maż-żmien, Yorgen Fenech kien qed jispiċċa dejjem aktar taħt il-lenti.

Godwin Cini jirreferi għal artiklu mmarkat “BREAKING” dwar Electrogas. Fenech jirribatti li, minkejja dak li kien qed jinkiteb, “ma kien ġara xejn u fil-fatt għadha topera.”

Meta Cini jiġbed flimkien ir-referenzi għal 17 Black u Electrogas, Fenech jagħmel distinzjoni ċara bejniethom u jgħid li “m’għandhom x’jaqsmu xejn – apples and oranges.”

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tistaqsih dwar investigazzjonijiet marbuta ma’ money laundering fuq 17 Black. Fenech jgħid li qatt ma kien ġie interrogat dwarhom.

Cini jipprova jistabbilixxi li, hekk kif bdew joħorġu aktar artikli u l-istorja bdiet tittieħed ukoll minn mezzi oħra tal-media, kien qed isir dejjem aktar ċar li Fenech kien qed jiġi identifikat mal-17 Black.

F’dan il-kuntest, il-Prosekuzzjoni turi wkoll pubblikazzjoni ta’ The Malta Independent li kienet qabdet fuq kitba ta’ Caruana Galizia u rrappurtat dwarha.

Jaelle Borg
09:49

Il-Prosekuzzjoni tkompli tpoġġi quddiem Yorgen Fenech kitbiet u noti ta’ Daphne Caruana Galizia marbuta ma’ 17 Black, biex tittestja kemm kien jaf dwar l-interess tagħha fih u kif kien jirreaġixxi għal dak li kienet qed tikteb.

L-avukat Godwin Cini jistaqsih jekk kienx jirrabja meta jara kummenti dwar 17 Black, korruzzjoni u money laundering. Fenech jiċħad u jgħid li ma kienx jiddejjaq.

Cini mbagħad jirreferi għall-fatt li, tmint ijiem wara l-ewwel kitba msemmija dwar 17 Black, l-isem tal-kumpanija nbidel għal Wings Development Limited. Fenech jgħid li ma jiftakarx id-dati eżatti, iżda jaċċetta li l-isem kien inbidel.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad turi noti ta’ Caruana Galizia fejn jidher in-numru ta’ Fenech u referenza għal “Yorgen phone call”, u tistaqsih jekk il-ġurnalista kinitx ċemplitlu.

Fenech jinsisti li qatt ma ċemplitlu u jistaqsi jekk hemmx records tat-telefon tiegħu li juru mod ieħor.

Cini jirribatti li records ta’ qabel ċertu żmien mhumiex disponibbli għax id-data kienet imħassra, u f’dan il-punt Charles Mercieca jintervjeni biex jikkontesta dik l-affermazzjoni.

Il-Prosekuzzjoni tipprova turi li Caruana Galizia kienet qed issegwi lil Fenech fuq 17 Black sa minn qabel l-2017.

Fenech jirribatti:

“Ma kellhiex għalfejn. Jien qatt ma għamilt xejn ħażin.”

Jaelle Borg
09:43

Fenech jgħid li dak iż-żmien ma kienx jaf eżatt minn fejn kienet waslet Caruana Galizia għall-konnessjoni miegħu, iżda kien assuma li din setgħet ħarġet minn episodju marbut ma’ Keith Schembri.

Jispjega li kien hu li ħallas il-kont mediku ta’ Schembri meta dan mar għall-kura barra minn Malta, u li l-ħlas sar minn kont ta’ kumpanija tiegħu.

Skont Fenech, ladarba kienet ħarġet informazzjoni li Schembri kien siefer miegħu għall-kura, hu kien ħaseb li Caruana Galizia għamlet il-konnessjoni miegħu minn hemm.

Jaelle Borg
09:38

Il-Prosekuzzjoni ddawwar il-kontro-eżami fuq 17 Black u fuq dak li Daphne Caruana Galizia kienet ippubblikat dwar il-kumpanija qabel l-assassinju tagħha.

Godwin Cini jistaqsi lil Yorgen Fenech jekk sa Frar tal-2017 kienx għadu mhux assoċjat pubblikament ma’ 17 Black. Fenech jgħid li ma kienx assoċjat, għalkemm jgħid li ma jafx x’kienu jafu l-banek dwar is-sjieda.

Fil-Qorti jintwera artiklu ta’ Caruana Galizia tat-22 ta’ Frar 2017, li Fenech jgħid li jagħraf.

Il-Prosekuzzjoni tipprova tistabbilixxi li dak iż-żmien Caruana Galizia kienet diġà bdiet torbot lil Fenech ma’ 17 Black. Cini jiġbed l-attenzjoni għal kumment fejn jidher riferiment għal “a couple of the owners” u għal Yorgen Fenech.

Fenech ma jaqbilx mal-mod kif qed jiġi ppreżentat il-kumment u jgħid li dan kien reply għal kumment ieħor, mhux sempliċement dikjarazzjoni awtonoma.

Cini jistaqsi wkoll jekk dakinhar stess kinux ġew ippubblikati aktar artikli dwar 17 Black. Fenech jgħid li ma jafx.

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tpoġġilu li dawn il-pubblikazzjonijiet ma kinux tajbin għad-due diligence tiegħu. Fenech jaqbel: “Le, żgur.”

Jaelle Borg
09:34

Waqt li l-kontro-eżami jibqa’ fuq il-ħlasijiet u r-rwol tiegħu bejn Keith Schembri u Melvin TheumaYorgen Fenechjgħid li b’dak li għamel għamel ħafna ħsara lilu nnifsu.

L-avukat Godwin Cini jirribatti li l-ħsara ma waqfitx fuqu, iżda laqtet ukoll ħafna familji oħra.

Fenech iwieġeb: “Saqsi lil Keith Schembri.”

Il-Prosekuzzjoni mbagħad tagħfas fuq deċiżjoni li Fenech jgħid illum li jiddispjaċih li ma ħax: għaliex, meta Schembri bagħtlu l-flus, ma qallu xejn ħlief biex jgħaddihom direttament lil Theuma u ma jerġax idaħħlu f’kwistjoni marbuta ma’ “omiċidju ta’ omm”.

Fenech jaċċetta l-punt u jgħid:

“Kemm missni għamilt hekk.”

Jaelle Borg
09:31

Il-Prosekuzzjoni terġa’ tidħol fid-dettall fuq il-flus li Yorgen Fenech jgħid li kien qed joħroġ lil Melvin Theuma, din id-darba fuq episodju marbut ma’ basket tar-Reebok li, skontu, bagħtlu Keith Schembri.

Fenech jgħid li dak iż-żmien kien diġà ħareġ €50,000 lil Theuma u li kienet qed tqum ukoll kwistjoni dwar €60,000 oħra marbuta mal-wegħda ta’ bail għad-Degiorgios.

Jgħid li, peress li ma setax joħroġ ammont daqshekk kbir ieħor waħdu, tkellem ma’ Schembri. Skont Fenech, Schembri mbagħad bagħtlu basket tar-Reebok b’madwar €80,000.

Mill-flus fil-basket, Fenech jgħid li €60,000 tahom lil Theuma.

Il-Prosekuzzjoni taqbad ma’ dan biex tistaqsih jekk Schembri kienx jaf li Fenech kien qed joħroġ il-flus.

Fenech iwieġeb iva, u meta jiġi mistoqsi jekk Schembri kienx jaf li kien qed iħallas waħdu, jirribatti:

“Iva, dażgur. Użani kif uża ħafna nies.”

Fenech jerġa’ jinsisti li, minkejja dawn il-ħlasijiet, ma kellu assolutament xejn x’jaqsam mal-qtil.

Meta l-Prosekuzzjoni tiġbor il-punt li għal darb’oħra spiċċa bejn Keith Schembri u Melvin Theuma, Fenech jaċċetta li hekk kien spiċċa f’dik il-pożizzjoni.

Jaelle Borg
09:25

Il-Prosekuzzjoni terġa’ tpoġġi taħt il-lenti l-ammonti kbar ta’ flus li Yorgen Fenech jgħid li ta lil Melvin Theuma, waqt li tistaqsih kif jista’ jsostni li ried jitbiegħed mill-pjan tal-qtil jekk, fl-istess ħin, baqa’ joħroġ il-flus.

Fenech jinsisti li ried jeħles minn dik is-sitwazzjoni, iżda jiċħad li l-madwar €450,000 li ta lil Theuma kellhom x’jaqsmu mal-assassinju.

“Kien parti mir-rikatt, mal-omiċidju ma kellix involviment,” jgħid.

Il-Prosekuzzjoni tirribatti li, jekk verament ried iwaqqaf dak li kien qed jinħema, seta’ jagħmel ħafna aktar milli sempliċement joħroġ il-flus — fost oħrajn javża lil Silvio Valletta, lil Ray Aquilina jew jagħmel rapport mal-Pulizija.

Fenech jgħid li dak iż-żmien ma kienx jaf lil Aquilina, filwaqt li jikkonferma li ma kellimx lil Valletta u lanqas għamel rapport.

Meta jiġi mistoqsi għaliex, minkejja l-kuntatti li kellu, ma dar fuq ħadd, Fenech jirribatti li l-persuna li kien qed jitkellem dwarha kienet l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, u jagħti x’jifhem li dan kien jagħmel is-sitwazzjoni aktar delikata.

Il-Prosekuzzjoni terġa’ wkoll għall-mowbajl ta’ Fenech u għall-fatt li data ta’ qabel l-2019 kienet tħassret, u tissuġġerixxi li għalhekk ma jistax jiġi vverifikat jekk kienx jaf lil Aquilina qabel.

Fenech jibqa’ kategoriku: “Le, ma kontx nafu.”

Waqt l-istess skambju, Fenech jilmenta wkoll li l-filmat li ntwera l-ġurnata ta’ qabel intuża biex jimbarazzah, filwaqt li l-Prosekuzzjoni twieġeb li huma l-ġurati li għandhom jiġġudikaw l-istat li kien fih fil-filmat u kemm jaqbel ma’ dak li qed jgħid illum.

Jaelle Borg
09:24

Il-Prosekuzzjoni tkompli tipprova ssib kontradizzjonijiet fil-verżjoni ta’ Yorgen Fenech, din id-darba fuq il-€50,000 li jgħid li ta lil Melvin Theuma u fuq l-allegati scripts li kellu f’Novembru 2019.

Mistoqsi min qed jigdeb dwar is-somma ta’ €50,000, Fenech jgħid li ma jafx. Meta l-Prosekuzzjoni tissuġġerixxi li hu stess qed jikkontradixxi lilu nnifsu, Fenech ma jaqbilx.

Il-Prosekuzzjoni tirrimarka li din is-somma ma tinstemax b’mod ċar fir-recordings u tistaqsi kif esperjenza waħda tista’ twassal għal aktar minn verżjoni waħda.

Fenech iwieġeb li “li għext, għext.”

Minn hemm, il-kontro-eżami jdur fuq iż-żewġ scripts li Fenech kellu fl-2019. Il-Prosekuzzjoni tistaqsih għaliex kien qed jikkunsidra li jħassar jew ibiddel partijiet minnhom.

Fenech jgħid li dak li kien qed jara kien “ta’ barra minn hawn”, u jżid li sal-25 ta’ Novembru 2019 kien għadu qed iżomm mal-verżjoni marbuta ma’ Keith Schembri.

Meta jiġi mistoqsi għaliex kien qed jikkunsidra verżjoni li timplika persuna oħra, fosthom Chris Cardona, Fenech jgħid li m’għandux dubju li kien hemm involviment, iżda jagħmel distinzjoni ċara:

“Ma għextiex jien u ma nistax ngħid fiċ-ċert.”

Jaelle Borg
09:19

Il-kontro-eżami jerġa’ jibda mill-mument meta Yorgen Fenech jgħid li, wara li ġie lura mill-ajruport, waqaf l-uffiċċju.

Il-Prosekuzzjoni tpoġġilu li, skont il-verżjoni tiegħu stess, ma kellu l-ebda obbligu u lanqas involviment fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fenech jaqbel u jgħid li ma kellu xejn x’jaqsam.

L-avukat tal-Prosekuzzjoni mbagħad jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, minkejja dan, Fenech xorta ħareġ €50,000.

Fenech jgħid li jista’ jispjega għaliex u jerġa’ jirreferi għal Melvin Theuma bħala persuna li kienet tħobb il-flus.

Il-Prosekuzzjoni tagħfas fuq il-loġika ta’ din id-deċiżjoni u tistaqsih għaliex, meta Theuma qallu li kien diġà ħallas €30,000, minn tant għażliet possibbli Fenech għażel li joħroġ aktar flus.

Fenech ma jaqbilx li kienet l-agħar għażla u jinsisti:

“Ma naħsibx li għażilt l-agħar waħda, għax irnexxieli nwaqqfu għal ftit.”

Jaelle Borg
09:11

L-Imħallef Edwina Grima tidħol fl-awla u ftit wara jidħlu wkoll il-ġurati.

Yorgen Fenech jerġa’ jieħu postu fuq il-pedana tax-xhieda hekk kif il-ġuri jidħol f’ġurnata oħra ta’ kontro-eżami mill-Prosekuzzjoni.

Jaelle Borg
09:07

Bonġu u merħba lura għall-aġġornamenti live mill-Qorti hekk kif illum ikompli l-ġuri ta’ Yorgen Fenech dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Wara ġurnata twila lbieraħ, li rat lill-Prosekuzzjoni tagħfas fuq id-diskrepanzi bejn l-istqarrija ta’ Fenech mal-Pulizija u x-xhieda li qed jagħti fil-ġuri, illum mistenni jissokta l-kontro-eżami tiegħu.

Ilbieraħ il-Prosekuzzjoni ffukat b’mod partikolari fuq il-€120,000 u l-€150,000, fuq x’kien jaf Fenech dwar l-eżekuturi, fuq il-mod kif spiċċa bejn Melvin Theuma u Keith Schembri, u fuq diversi partijiet mill-interrogazzjoni tiegħu tal-2019.

Fenech, min-naħa tiegħu, baqa’ jiċħad li qatt ħallas għal qtil u kompla jinsisti li Keith Schembri kien il-mandant, filwaqt li attakka bil-qawwi l-mod kif tmexxiet l-investigazzjoni.

Qed insegwu kollox minn hawn u nwasslulkom l-iżviluppi hekk kif jiġru.

Jaelle Borg

“Keith tneħħa u Yorgen tqiegħed minfloku,” kienet il-linja li Mercieca poġġa quddiem il-ġurati.

More in Qrati u Pulizija