Il-Pulizija qed tinvestiga l-qtil ta’ mara li nstabet mejta f’dar fi Triq Corrado, Ħaż-Żabbar, is-Sibt waranofsinhar.
Sorsi qrib l-investigazzjoni identifikaw lill-vittma bħala Charlotte Zammit, ta’ 44 sena u residenti x-Xgħajra. Zammit hija omm Liam Debono, li kien tressaq il-Qorti akkużat bl-attentat ta’ qtil tal-kuntistabbli Simon Schembri.
Il-Pulizija waslet fuq il-post għall-ħabta tat-3pm wara rapporti li nstemgħu tiri. Mal-wasla tagħhom, l-uffiċjali sabu l-katavru tal-mara f’kamra tas-sodda.
Fl-istess residenza nstab ukoll raġel ta’ 42 sena residenti Ħaż-Żabbar. Huwa jinsab arrestat u qed jiġi interrogat mill-Pulizija b’rabta mal-każ.
Kelliem għall-Pulizija qal li l-vittma u s-suspettat kienu f’relazzjoni fil-passat. Ir-raġel kien instab ħati f’każ ta’ vjolenza domestika li kien jinvolvi lill-istess mara fl-2016, u sena wara kien ikkundannat sena ħabs.
Il-kelliem qal ukoll li kien sar rapport ieħor dwar allegati insulti, iżda f’dak il-każ ir-raġel kien ġie lliberat mill-akkużi.
Fuq il-post issejħu wkoll esperti forensiċi biex jgħinu fl-investigazzjoni.
Il-Maġistrat tal-Għassa Monica Borg Galea fetħet inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.