Keith Schembri: Minn imprenditur sal-qalba tal-poter Malti

Fost il-figuri kollha li ddominaw il-politika Maltija minn 2013, ftit kienu influwenti daqs Keith Schembri. Qatt ma kkontesta elezzjoni ġenerali, qatt ma kien ministru, u qatt ma kellu portafoll uffiċjali fil-gvern. Madankollu, għal l-ewwel snin ta’ Gvern Laburista kien meqjus bħala wieħed mill-aktar persuni b’saħħithom fil-pajjiż.  Bħal ħafna mill-kap ta segretarjat qatt ma kellu rwil fil-partit Laburista. Kien sempliċiment ħabib kbir ta’ Joseph Muscat. 

Għal xi partitarji tiegħu mhux kollha kien strateġista brillanti u maniġer effiċjenti; għall-kritiċi tiegħu, simbolu ta’ sistema fejn il-poter politiku u l-interessi kummerċjali saru qrib wisq ta’ xulxin.  Kien persuna karismatika u wara dik il-ħarsa ta’ nagħġa kien lupu ta vera.  B’interessi kbar fin-negozju u b’maniġġji oskuri kontra l-avversarji tiegħu. 

L-istorja tiegħu tibda ħafna qabel Kastilja. 

Il-bidu fin-negozju 

Keith Schembri twieled fl-1975 u daħal fid-dinja tan-negozju minn età relattivament żgħira. Fl-1996 waqqaf il-Grupp Kasco, li beda bħala negozju fil-qasam tal-karta u tal-istampar. Maż-żmien, il-kumpanija kibret fi grupp kummerċjali li jopera f’diversi setturi, fosthom il-karta, il-makkinarju industrijali, l-inġinerija, ir-riċiklaġġ u prodotti oħra relatati mas-servizzi kummerċjali. 

F’Malta, fejn il-komunità tan-negozju hija relattivament żgħira, Schembri bena reputazzjoni ta’ imprenditur aggressiv, kapaċi jagħlaq ftehimiet u jespandi l-operat tiegħu. Il-kuntatti tiegħu ma’ negozjanti, konsulenti u professjonisti komplew jissaħħu matul is-snin, u dawn ir-relazzjonijiet kellhom rwol importanti fil-karriera tiegħu aktar tard. 

Kien ukoll magħruf li jinteressa ruħu f’oqsma differenti tan-negozju, mhux biss fl-attività tradizzjonali tal-karta. Dan il-profil ta’ imprenditur modern u ambizzjuż kien jaqbel mal-immaġni li Joseph Muscat kien qed jipprova jibni għall-Partit Laburista fil-bidu tas-snin 2010. 

Ir-relazzjoni ma’ Joseph Muscat 

Meta Joseph Muscat sar kap tal-Partit Laburista fl-2008, beda jiġbor madwaru tim ta’ nies li ma kinux neċessarjament politiċi tradizzjonali. Fost dawn kien hemm Keith Schembri. 

Skont diversi osservaturi politiċi, ir-relazzjoni bejn it-tnejn kienet mibnija fuq fiduċja personali qawwija. Schembri ma kienx biss fundraiser jew konsulent; kien wieħed mill-ftit nies li kellhom aċċess dirett u frekwenti għal Muscat. Fil-kampanja elettorali tal-2013, li wasslet għal rebħa storika tal-Partit Laburista, Schembri kellu rwol importanti fl-organizzazzjoni u fl-istrateġija.  Imma ma kienx waħdu. 

Wara r-rebħa tad-9 ta’ Marzu 2013, Muscat ħatru Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Kien mument li bidel mhux biss il-karriera tiegħu, iżda wkoll il-mod kif ħafna kienu jħarsu lejn il-poter f’Malta. 

Il-bniedem wara l-bieb ta’ Kastilja 

Ic-Chief of Staff f’Kastilja dejjem kellu rwol important, qabel taħt Fenech Adami, Richard Cachia Caruana eserċita poteri kbar bħala l-id leminija ta’ Eddie Fenech Adami.  U kien f’ħafna drabi jitqies bi poteri ikbar minn Fenech Adami. 

Schembri ħa riedni f’idejh bħal Cachia Caruana.  Imma fetaħ il-bieb tiegħu lil kullħadd inkluż ħafna Nazzjonalisti.  Infatti ħafna Nazzjonalisti sabuħ aċċessibbli u affabli. 

Investituri barranin u persuni li kienu jfittxu laqgħa mal-Prim Ministru spiss kienu jqisu lil Schembri bħala l-persuna li setgħet tiftaħ jew tagħlaq il-bibien. Din il-perċezzjoni, anke jekk mhux dejjem ibbażata fuq setgħat formali, kompliet iżżid l-influwenza tiegħu. 

Kritika dwar din il-konċentrazzjoni ta’ poter bdiet tidher kmieni. L-Oppożizzjoni sostniet li persuna mhux eletta kienet qed teżerċita influwenza sproporzjonata fuq id-deċiżjonijiet tal-gvern. Il-gvern, min-naħa tiegħu, iddefenda l-għażla ta’ Muscat u sostna li Schembri kien maniġer effiċjenti li għen biex il-gvern jaħdem b’ritmu aktar mgħaġġel. 

L-istil ta’ tmexxija 

Dawk li ħadmu qrib tiegħu spiss iddeskrivewh bħala persuna li taħdem sigħat twal, tieħu deċiżjonijiet malajr u tiffoka fuq ir-riżultati. Dawk li kienu kritiċi tiegħu, iżda, sostnew li kellu interessi ulterjuri.  Ħadd ma basar x’kien ser jiġri. 

Din id-diviżjoni fil-perċezzjoni tiegħu baqgħet tikkaratterizza l-karriera kollha tiegħu. 

Il-Panama Papers: il-bidu tal-maltemp 

F’April 2016, il-konsorzju internazzjonali ta’ ġurnalisti investigattivi żvela d-dokumenti magħrufa bħala Panama Papers. Fost l-eluf ta’ ismijiet minn madwar id-dinja, deher ukoll dak ta’ Keith Schembri. 

Id-dokumenti wrew li kien is-sid tal-kumpanija Tillgate Inc. fil-Panama. Din il-kumpanija kienet marbuta ma’ trust fi New Zealand magħruf bħala Haast Trust, struttura stabbilita bl-assistenza tal-kumpanija Maltija Nexia BT. 

Ir-rivelazzjonijiet ħolqu xokk politiku immedjat. Għall-ewwel darba, uffiċjal tant għoli fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien marbut ma’ struttura offshore f’ġurisdizzjoni magħrufa għas-segretezza finanzjarja. 

X’qal Schembri? 

Schembri qatt ma ċaħad li kellu l-kumpanija fil-Panama. Minflok, sostna li l-istruttura kienet legali u maħsuba għal investimenti futuri wara li jitlaq mill-politika. 

Fost id-dikjarazzjonijiet pubbliċi li baqgħu marbuta miegħu hemm: 

“Jiena m’għamilt xejn illegali” u “l-istrutturi kienu maħsuba għal investimenti leġittimi.” 

Dawn il-frażijiet saru parti mid-difiża politika u legali tiegħu matul is-snin ta’ wara. 

Il-kontijiet bankarji li ma nfetħux 

Id-dokumenti żvelati indikaw ukoll li saru tentattivi biex jinfetħu kontijiet bankarji għal Tillgate f’diversi ġurisdizzjonijiet, fosthom Dubai u l-Bahamas. Xi istituzzjonijiet finanzjarji rrifjutaw jew ma komplewx il-proċess minħabba l-fatt li Schembri kien meqjus bħala Politically Exposed Person (PEP). 

Għalkemm dan ma kienx prova ta’ reat, kompla jkabbar il-mistoqsijiet pubbliċi dwar għaliex uffiċjal daqshekk qrib il-Prim Ministru kellu bżonn struttura offshore kumplessa. 

Il-kriżi politika tal-2016 

L-Oppożizzjoni talbet ir-riżenja tiegħu immedjatament. Konrad Mizzi, li wkoll kien żvelat li kellu kumpanija fil-Panama, spiċċa tneħħa minn ministru iżda baqa’ fil-gvern. Schembri, però, baqa’ Chief of Staff. 

Joseph Muscat għażel li jiddefendih pubblikament. Din id-deċiżjoni kienet kruċjali: għall-kritiċi, kienet sinjal li l-Prim Ministru kien lest jipproteġi lill-eqreb kollaboraturi tiegħu; għall-partitarji, kienet prova li ma kienx hemm evidenza ta’ illegalità. 

Daphne Caruana Galizia tidħol fil-qalba tal-istorja 

F’dan il-punt, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia saret l-aktar persuna persistenti fl-investigazzjoni ta’ Schembri. Fil-blogg tagħha kitbet ripetutament dwar Tillgate, il-Haast Trust, Nexia BT u allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni relatati ma’ kuntratti pubbliċi. 

Il-kitbiet tagħha kienu segwiti minn eluf ta’ nies kuljum u spiss kienu jqanqlu reazzjonijiet immedjati mill-Gvern u mill-Partit Laburista. 

Ir-relazzjoni bejn Caruana Galizia u Schembri kienet waħda ta’ konfront kontinwu. Hija sostniet li kien hemm mistoqsijiet serji li baqgħu mingħajr tweġiba; hu ċaħad l-allegazzjonijiet u sostna li kien qed jiġi mmalafamat. 

Malta taħt skrutinju internazzjonali 

Il-Panama Papers ma baqgħux kwistjoni domestika biss. Istituzzjonijiet Ewropej, ġurnalisti barranin u organizzazzjonijiet internazzjonali bdew iħarsu lejn Malta b’attenzjoni akbar. 

Għall-ewwel darba, l-isem ta’ Keith Schembri beda jidher regolarment fil-midja internazzjonali flimkien ma’ diskussjonijiet dwar governanza, trasparenza u ħasil ta’ flus. 

Il-maltemp kien għadu kif beda. Fl-isfond kien hemm kumpanija misterjuża msejħa 17 Black, imprenditur jismu Yorgen Fenech, u kriżi li tliet snin wara kienet se tbiddel il-politika Maltija għal dejjem. 

17 Black: il-biċċa nieqsa tal-puzzle 

Wara l-Panama Papers, il-mistoqsija li baqgħet tiddomina kienet waħda sempliċi: għaliex uffiċjal tant għoli fil-Gvern kellu kumpanija fil-Panama jekk din qatt ma kienet intużat? 

Parti mir-risposta dehret li bdiet toħroġ fl-2018, meta l-ġurnalisti ta’ Reuters żvelaw li kumpanija bbażata f’Dubai bl-isem 17 Black, li aktar tard ġiet identifikata bħala proprjetà tal-imprenditur Yorgen Fenech, kienet issemmiet f’dokumenti interni bħala sors prospettiv ta’ pagamenti lejn Tillgate Inc., il-kumpanija ta’ Keith Schembri, u Hearnville Inc., il-kumpanija offshore tal-Eks Ministru Konrad Mizzi. 

Ir-rivelazzjonijiet qanqlu mistoqsijiet serji dwar l-iskop ta’ dawn l-istrutturi offshore. Minkejja dan, ma ġiex ippruvat fil-Qorti li dawk il-pagamenti ppjanati qatt twettqu kif deskritt fid-dokumenti li ġew ippubblikati. Din id-distinzjoni baqgħet waħda importanti tul il-proċeduri kollha li segwew. 

Schembri baqa’ jiċħad kull allegazzjoni ta’ korruzzjoni jew ta’ qligħ illeċitu. 

Daphne Caruana Galizia u l-investigazzjonijiet tagħha 

Tul is-snin, Daphne Caruana Galizia kienet fost l-aktar ġurnalisti li ffukat fuq Keith Schembri. Fil-blogg tagħha kitbet dwar il-kumpaniji offshore, dwar ir-relazzjonijiet tiegħu ma’ diversi negozjanti u dwar dak li hi kienet tqis bħala nuqqasijiet serji fil-governanza. 

L-artikli tagħha kienu jqanqlu kontroversja kważi kuljum. Għall-partitarji tagħha, kienet qed tagħmel xogħol ta’ ġurnaliżmu investigattiv li istituzzjonijiet oħra ma kinux qed jagħmlu. Għall-kritiċi tagħha, ħafna mill-allegazzjonijiet tagħha kienu qabel iż-żmien jew ibbażati fuq informazzjoni mhux ikkonfermata. 

Fis-16 ta’ Ottubru 2017, Malta xxukkjat bil-qtil tagħha permezz ta’ karozza-bomba qrib id-dar tagħha fil-Bidnija. 

L-assassinju tagħha ġibed l-attenzjoni tad-dinja kollha lejn Malta u fetaħ kapitlu ġdid fl-istorja politika tal-pajjiż. 

Għalkemm Keith Schembri qatt ma ġie akkużat bil-qtil tagħha, ismu beda jissemma ta’ spiss matul l-investigazzjonijiet li segwew, speċjalment minħabba l-allegazzjonijiet u x-xhieda ta’ persuni differenti involuti fil-każ. Huwa dejjem ċaħad kull involviment. 

Novembru 2019 – il-kriżi li waqqgħet Gvern 

Sa tmiem l-2019, il-pressjoni kienet qed tikber. 

Meta Yorgen Fenech ġie arrestat waqt li allegatament kien qed jipprova jitlaq minn Malta abbord il-jott tiegħu, il-każ ħa żvolta drammatika. Matul l-interrogazzjonijiet tiegħu, Fenech għamel allegazzjonijiet serji dwar Keith Schembri u persuni oħra qrib il-Gvern. 

Dawn l-iżviluppi wasslu għal waħda mill-akbar kriżijiet kostituzzjonali li rat Malta fi żmien riċenti. 

Eluf ta’ nies niżlu jipprotestaw quddiem Kastilja u l-Qorti. Organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili talbu r-riżenji immedjati ta’ uffiċjali għolja, filwaqt li l-midja internazzjonali kienet qed tirrapporta kuljum dwar il-kriżi Maltija. 

Ir-riżenja 

Fis-26 ta’ Novembru 2019, Keith Schembri rriżenja minn Chief of Staff. 

Ftit wara daħal fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jiġi interrogat. 

L-arrest tiegħu ġie segwit kważi minuta b’minuta mill-midja Maltija u barranija. Wara sigħat twal ta’ interrogazzjoni, huwa nħeles mingħajr ma tressqu akkużi relatati direttament mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. 

Meta spjega r-riżenja tiegħu, qal li xtaq li l-investigazzjonijiet ikomplu mingħajr ma l-preżenza tiegħu fil-kariga tintuża bħala argument li kien qed ikun hemm xi forma ta’ ndħil. 

Minkejja dan, il-kriżi kompliet tikber. 

Fi żmien ftit ġimgħat, Joseph Muscat ħabbar li kien se jirriżenja minn Prim Ministru. 

L-arresti u l-proċeduri kriminali 

Minn meta telaq minn Kastilja, Keith Schembri kien is-suġġett ta’ diversi investigazzjonijiet kriminali. 

F’każijiet differenti huwa ġie arrestat jew interrogat dwar allegazzjonijiet li kienu jinkludu ħasil ta’ flus, frodi, korruzzjoni, reati finanzjarji u allegati irregolaritajiet marbuta ma’ kuntratti pubbliċi. 

F’kull każ huwa wieġeb mhux ħati fejn tressqu akkużi kontrih u ċaħad li wettaq xi reat. 

Xi proċeduri spiċċaw b’deċiżjonijiet favur tiegħu, oħrajn ġew irtirati, filwaqt li numru ta’ kawżi u investigazzjonijiet baqgħu jew għadhom pendenti. Għalhekk il-preżunzjoni tal-innoċenza tibqa’ tapplika sakemm il-qrati jagħtu deċiżjoni finali. 

L-Inkjesta Pubblika 

Fl-2021 ġiet ippubblikata l-konklużjoni tal-Inkjesta Pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. 

L-inkjesta ma sabitx lil Keith Schembri kriminalment responsabbli għall-assassinju. 

Madankollu, kienet kritika ferm lejn il-klima ta’ governanza li kienet żviluppat matul dawk is-snin. Ir-rapport ikkonkluda li nħolqot kultura ta’ impunità u li l-istituzzjonijiet tal-Istat ma kinux qed jiffunzjonaw b’mod effettiv biżżejjed biex jipprevjenu sitwazzjonijiet fejn il-poter politiku u interessi kummerċjali setgħu jiltaqgħu b’mod problematiku. 

Ir-rapport baqa’ wieħed mill-aktar dokumenti importanti fl-istorja politika reċenti ta’ Malta. 

Figura li bidlet ir-rwol ta’ Chief of Staff 

Kemm dawk li jammirawh kif ukoll dawk li jikkritikawh jaqblu fuq punt wieħed: Keith Schembri biddel għal dejjem il-mod kif Malta tħares lejn il-kariga ta’ Chief of Staff. 

Qabel l-2013, il-kariga kienet ġeneralment amministrattiva. Wara l-perjodu tiegħu, saret sinonima ma’ influwenza politika, kordinazzjoni tal-Gvern u aċċess dirett għall-ogħla livelli tat-teħid tad-deċiżjonijiet. 

Għal ħafna, kien l-aktar Chief of Staff b’saħħtu fl-istorja moderna ta’ Malta. 

Wirt li għadu jifred lill-pajjiż 

Kważi għaxar snin wara l-Panama Papers, isem Keith Schembri għadu jqajjem reazzjonijiet qawwija. 

Għall-partitarji tiegħu, kien wieħed mill-imħuħ wara t-tkabbir ekonomiku li Malta esperjenzat bejn l-2013 u l-2019, perjodu li fih il-qgħad niżel għal livelli rekord u l-ekonomija kibret b’rata fost l-ogħla fl-Unjoni Ewropea. Skonthom, huwa kien maniġer effiċjenti li ġab mentalità aktar dinamika fit-tmexxija tal-Gvern u għen biex Malta tattira investiment barrani. 

Għall-kritiċi tiegħu, iżda, il-perjodu tiegħu f’Kastilja sar sinonimu ma’ nuqqas ta’ trasparenza, konċentrazzjoni eċċessiva tal-poter u relazzjonijiet li kienu qrib wisq bejn il-politika u n-negozju. Jargumentaw li l-kontroversji marbuta mal-Panama Papers, ma’ 17 Black u mal-investigazzjonijiet sussegwenti ħallew ħsara fit-tul lir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta u wasslu għal kriżi ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet. 

B’hekk, Keith Schembri jibqa’ wieħed mill-aktar protagonisti kontroversjali tal-istorja politika Maltija kontemporanja. Għal xi wħud huwa l-arkitett ta’ mudell ekonomiku li wassal għal tkabbir mgħaġġel; għal oħrajn huwa simbolu tal-kriżi ta’ governanza li wasslet għall-aktar perjodu turbulenti fil-politika Maltija mill-Indipendenza ’l hawn. 

Il-valutazzjoni finali tal-wirt tiegħu se tibqa’ tiddependi mhux biss fuq l-opinjoni pubblika, iżda wkoll fuq l-eżitu definittiv tal-proċeduri legali kollha relatati miegħu. Madankollu, irrispettivament minn kif jintemmu dawk il-proċessi, l-impatt li kellu fuq il-politika Maltija, fuq il-mod kif jitħaddem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u fuq id-dibattitu nazzjonali dwar il-governanza u s-saltna tad-dritt huwa wieħed li diffiċli jitħassar mill-memorja kollettiva tal-pajjiż. 

KRONOLOĠIJA | Keith Schembri: Mit-tluq fil-politika sal-kawżi fil-Qorti 

1975 

Jitwieled Keith Schembri. 

1996 

Iwaqqaf il-Kasco Group, kumpanija li tibda topera fis-settur tal-karta u aktar tard tespandi għal diversi oqsma kummerċjali. 

2008 

Joseph Muscat isir Kap tal-Partit Laburista. Schembri jibda jidher dejjem aktar qrib il-mexxej Laburista bħala konsulent u fundraiser. 

Marzu 2013 

Wara r-rebħa elettorali tal-Partit Laburista, jinħatar Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. 

2014–2015 

Jikber ir-rwol tiegħu fil-kordinazzjoni tal-Gvern u fir-relazzjonijiet ma’ investituri barranin. 

April 2016 

Il-Panama Papers jiżvelaw li huwa sid il-kumpanija offshore Tillgate Inc., marbuta mal-Haast Trust fi New Zealand. 

2016 

L-Oppożizzjoni titlob ir-riżenja tiegħu, iżda Joseph Muscat iżommu fil-kariga. 

2017 

Daphne Caruana Galizia tkompli tippubblika investigazzjonijiet dwar Schembri u persuni oħra qrib il-Gvern. 

16 ta’ Ottubru 2017 

Daphne Caruana Galizia tinqatel b’karozza-bomba. 

2018 

Reuters tiżvela li 17 Black kienet identifikata bħala kumpanija li kienet mistennija tagħmel pagamenti lejn Tillgate Inc. u Hearnville Inc. 

20 ta’ Novembru 2019 

Yorgen Fenech jiġi arrestat waqt li allegatament kien qed jipprova jitlaq minn Malta. 

26 ta’ Novembru 2019 

Keith Schembri jirriżenja minn Chief of Staff u jiġi interrogat mill-Pulizija. 

Diċembru 2019 

Joseph Muscat iħabbar li se jirriżenja minn Prim Ministru. 

2020–2026 

Jaffaċċja diversi investigazzjonijiet u proċeduri kriminali relatati ma’ allegazzjonijiet finanzjarji. F’dawn il-proċeduri huwa wieġeb mhux ħati fejn tressqu akkużi kontrih u ċaħad kull allegazzjoni ta’ reat. Diversi każijiet baqgħu jew għadhom pendenti. 

 

MIN HU MIN? | Il-protagonisti ewlenin 

Joseph Muscat 

Prim Ministru ta’ Malta bejn l-2013 u l-2020. Ħatar lil Keith Schembri bħala Chief of Staff u baqa’ jiddefendih wara l-Panama Papers. Irriżenja fost il-kriżi politika tal-2019. 

Daphne Caruana Galizia 

Ġurnalista investigattiva li għal snin twal investigat lil Keith Schembri, Konrad Mizzi u allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni fil-Gvern. Inqatlet fis-16 ta’ Ottubru 2017. 

Yorgen Fenech 

Negozjant u eks direttur ta’ Electrogas. Ġie identifikat bħala sid il-kumpanija 17 Black u huwa akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa wieġeb mhux ħati. 

Konrad Mizzi 

Eks Ministru u aktar tard Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Kellu l-kumpanija offshore Hearnville Inc., żvelata wkoll fil-Panama Papers. 

Brian Tonna 

Sieħeb maniġerjali ta’ Nexia BT. Il-kumpanija tiegħu assistiet fil-ħolqien tal-kumpaniji offshore ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. 

Karl Cini 

Uffiċjal ta’ Nexia BT li kien involut fil-kordinazzjoni tal-istrutturi offshore u li ismu deher f’diversi investigazzjonijiet. 

Melvin Theuma 

Intermedjarju awtopproklamat fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Ingħata maħfra presidenzjali biex jixhed fl-investigazzjonijiet. 

Chris Cardona 

Eks Ministru tal-Ekonomija. Ismu ssemma f’diversi xhieda u investigazzjonijiet relatati mal-każ, iżda dejjem ċaħad kull allegazzjoni ta’ involviment f’attività kriminali. 

Silvio Valletta 

Eks Deputat Kummissarju tal-Pulizija li rtira mill-investigazzjoni dwar il-qtil wara mistoqsijiet dwar kunflitt ta’ interess. 

Robert Abela 

Sar Prim Ministru f’Jannar 2020 wara r-riżenja ta’ Joseph Muscat u beda perjodu ġdid ta’ riformi istituzzjonali u governanza. 

More in Qrati u Pulizija