Il-kaos ta' Keith Schembri

Kaos: Keith Schembri jħalli straġi warajh fil-ġuri ta' Yorgen Fenech  f’dak li ħafna qed iqisu bħala attentat biex jiddevja l-attenzjoni minn fuqu 

Keith Schembri jħalli kaos sħiħ warajh, meta fix-xhieda tiegħu allega li d-difiża ta’ Fenech talbitu jixhed favur Yorgen u li offriet €400,000 lil Johann Cremona biex ukoll jixhed favur Fenech, qal li Melvin Theuma huwa “l-ikbar giddieb f’Malta” u li darba sab lil David Gatt għarwien fl-uffiċċju tiegħu. 

Jumejn qabel kellu jixhed fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontra Yorgen Fenech fl-2020 fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Keith Schembri rċieva telefonata minn persuna “importanti ħafna” li qaltlu li Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca, avukati għal Fenech, riedu jiltaqgħu miegħu. Dan stqarru Schembri stess dil-ġimgħa, waqt ix-xhieda u l-kontroeżami tiegħu fil-ġuri ta’ Fenech.  

Hu qal li kien iltaqa’ maż-żewġ avukati, li allegatament qalulu: “Għin lil Yorgen”. 

Huwa sostna li r-risposta tiegħu kienet, “Kif nista’ ngħinu aktar milli diġà għentu?” 

Schembri xehed ukoll li kien infurmat li Johann Cremona, xhud importanti ieħor f’dan il-ġuri, kien ġie offrut €200,000 u aktar tard €400,000 biex jixhed favur Fenech. 

Fil-ġuri ta’ Fenech, akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017, kienet ġimgħa ta’ xhieda importanti, konfronti mqanqla u stqarrijiet u akkużi li ma smajniex qabel. 

Ix-xhieda ta’ Schembri fil-ġuri ta’ Fenech kienet fost l-aktar mistennija, mhux biss minħabba r-rwol ċentrali li kellu bħala eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, iżda wkoll għax għal snin sħaħ ismu kien marbut mal-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia. Tul tlett ijiem ta’ xhieda, Schembri mhux biss ċaħad b’mod kategoriku l-verżjoni ta’ Fenech li hu kien il-moħħ wara l-assassinju, iżda għamel sensiela ta’ allegazzjonijiet ġodda li wasslu għal mumenti ta’ tensjoni kbira fl-awla. 

Minkejja mistoqsijiet ripetuti, Schembri rrifjuta li jidentifika lil din il-persuna “importanti ħafna” quddiem il-ġurati u l-Imħallef ordnat li din il-parti tax-xhieda ma tistax tiġi rrappurtata mill-midja. 

Din id-dikjarazzjoni ħalliet aktar mistoqsijiet milli tweġibiet, peress li tista’ tindika li l-każ baqa’ suġġett ta’ diskussjonijiet fost persuni qrib iċ-ċentru tal-poter anke wara li Fenech kien arrestat. Madankollu, mingħajr ma ngħataw ismijiet jew evidenza konkreta, il-ġurati se jkollhom jivvalutaw kemm tali allegazzjoni għandha piż probatorju. 

Schembri allega wkoll li Johann Cremona kien ġie offrut sa €400,000 minn persuni marbuta mat-tim tad-difiża biex jagħti xhieda favorevoli għal Yorgen Fenech. Fuq talba tal-prosekuzzjoni, Cremona tressaq mill-ġdid fil-Qorti għal konfront dirett ma’ Schembri. F’mument ta’ tensjoni kbira, Cremona deher emozzjonat ħafna u anke beda jibki waqt li evita li jwieġeb b’mod dirett dwar l-allegazzjoni, filwaqt li sostna li ma riedx jinkrimina lilu nnifsu. Il-konfront kien wieħed mill-aktar mumenti intensi tal-ġuri s’issa. 

Fil-bidu tal-ġimgħa, scene of crime officer tal-Pulizija xehdet li mid-dar ta’ Keith Schembri, kienu elevaw biss dawk l-oġġetti li hu qalilhom li kienu tiegħu, u ħallew warajhom mobiles u laptops li Schembri qal li ma kinux tiegħu. 

Meta xehed Schembri, mill-ewwel caħad dak li qalu l-uffiċjali tal-pulizija u insista li qatt ma qal x’għandhom x’jieħdu mill-villa tieħu fil-Mellieħa. 

Schembri kompla billi sostna li l-Avukat David Gatt kien involut f’dawn l-allegati tentattivi biex tinfluwenza x-xhieda. Huwa qal ukoll li darba sab lil Gatt jistennieh barra t-toilet tal-Qorti biex ikellmu, allegazzjoni li ġiet miċħuda minn Gatt waqt ix-xhieda tiegħu.  

Schembri stqarr ukoll li darb’oħra, meta daħal fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja, sab lil Gatt jistennieh, għarwien. Matul il-kontroeżami, id-difiża ppruvat turi li Schembri kien qed ibiddel il-verżjoni tiegħu u fakkritu f’xhieda oħra li kienet tikkontradixxi dak li kien qed jgħid fil-Qorti.  

Schembri, min-naħa tiegħu, insista li diversi xhieda kienu qed jigdbu dwaru u ċaħad kull allegazzjoni li kien involut fil-qtil jew li kien ipprova jiddevja l-investigazzjoni. 

Matul il-kontroeżami, Schembri baqa’ jinsisti li qatt ma ta struzzjonijiet lil ħadd biex jiġi organizzat il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Huwa ċaħad ukoll li qatt bagħat lil Kenneth Camilleri jew lil Johann Cremona biex jikkalmaw lil Melvin Theuma, u sostna li qatt ma pprova jsikket jew jelimina lill-awtoproklamat intermedjarju fil-qtil. 

Hekk kif kompliet ix-xhieda, Schembri ċaħad kategorikament il-verżjoni ta’ Kenneth Camilleri, u ddeskrivieha bħala falza. Huwa qal li Camilleri kien gideb taħt ġurament. Bl-istess mod, ċaħad ukoll ix-xhieda ta’ Johann Cremona li allega li Schembri kien ordna lil Camilleri biex iserraħ ras Melvin Theuma, u sostna li Cremona kien qed jibblaffja u jivvinta l-ġrajjiet. 

Meta ġie kkonfrontat bl-allegazzjonijiet ta’ George Degiorgio li kien ikkummissjona l-qtil ta’ Caruana Galizia, kif ukoll bl-istqarrija tal-Avukat David Gatt li allegatament kien qal li Schembri kien il-moħħ wara l-assassinju, l-eks Chief of Staff ċaħad kollox. Meta mistoqsi jekk dawn kinux qed jigdbu, wieġeb li t-tweġiba kienet “ovvja”. Għalkemm ammetta li “mhux ix-xhieda kollha” kienu qed jigdbu, insista li kull allegazzjoni li torbtu mal-qtil kienet kompletament falza. 

Dwar Melvin Theuma, Schembri kellu kliem iebes ħafna. Meta rreferewh għax-xhieda ta’ Theuma li fiha sostna li Schembri kien ripetutament għamillu pressjoni biex Daphne Caruana Galizia tinqatel, Schembri waqqaf il-kontroeżami biex jiddeskrivi lil Theuma bħala “l-akbar giddieb f’Malta”. 

Ix-xhieda tiegħu għandha importanza partikolari għax taffettwa direttament il-kredibbiltà ta’ diversi protagonisti ewlenin fil-każ. Min-naħa waħda, il-prosekuzzjoni qed tippreżenta lil Schembri bħala xhud li jista’ jixħet dawl fuq ir-relazzjoni tiegħu ma’ Fenech qabel u wara l-arrest. Min-naħa l-oħra, id-difiża qed tipprova turi li l-eks Chief of Staff għandu interess personali li jbiegħed kull suspett minnu u jitfa’ r-responsabbiltà kollha fuq Fenech.  

B’hekk, il-ġurati mhux biss iridu jiddeċiedu dwar il-fatti, iżda wkoll dwar min fost ix-xhieda huwa l-aktar kredibbli, f’każ li ilu snin jiddomina x-xena politika u ġudizzjarja Maltija. 

More in Qrati u Pulizija