Il-ġurnata kienet iddominata minn xhieda ta' uffiċjali tal-pulizija involuti fl-investigazzjoni, li spjegaw fid-dettall it-tfittxijiet li saru fil-proprjetajiet ta' Yorgen Fenech u aktar tard fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.
L-eks Spettur Keith Vella, li dak iż-żmien kien stazzjonat mal-Iskwadra ta' Kontra l-Ħasil tal-Flus, xehed li waqt tfittxijiet f'Livell 21 ta' Portomaso ġew elevati diversi flip-charts u dokumenti li kien fihom referenzi għal Siemens, SOCAR, Enemalta, GEM Holdings, Turab Musayev, LNG u FSU. Huwa spjega li dawn tqiesu ta' interess għall-investigazzjoni minħabba li kienu jirreferu għal kumpaniji li dak iż-żmien kienu qed jiġu allegati fil-media b'rabta ma' 17 Black ul-ftehim tal-Electrogas.
Fost id-dokumenti elevati kien hemm ukoll invoice relatat ma' New Energy Supply Limited, li x-xhud qal tifforma parti mill-ftehim tal- Electrogas.
Aktar tard, il-Qorti semgħet ukoll li minn cabinet fil-boardroom ta' Livell 21 instabet ittra attribwita lil Melvin Theuma, li fiha allegatament kien hemm miktub li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu qabduh biex jorganizza l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Fl-istess cabinet instabu wkoll il-kuntratt tax-xogħol ta' Theuma u żewġ payslips.
Madankollu, il-parti l-kbira tal-kontro-eżami ffukat mhux fuq il-kontenut tad-dokumenti, iżda fuq il-mod kif il-pulizija wettqu t-tfittxijiet.
L-avukat Giannella DeMarco ripetutament ippruvat turi lill-ġurati li kien hemm differenza sostanzjali bejn it-trattament tal-proprjetajiet ta' Yorgen Fenech u dak tal-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.
Filwaqt li diversi xhieda kkonfermaw li l-uffiċċji u r-residenza ta' Fenech kienu ġew issiġillati u mqiegħda taħt fixed point tal-pulizija, l-eks Spettur Vella ammetta li dan ma seħħx fil-każ tal-uffiċċju ta' Schembri f'Kastilja. Huwa qal li l-uffiċċju kien sempliċement magħluq biċ-ċavetta u ma kienx taħt għassa permanenti tal-pulizija.
DeMarco staqsiet ukoll għaliex folder li kien fih fotokopji tal-blog posts ta' Daphne Caruana Galizia, li deher fil-filmati tat-tfittxija, ma ġiex elevat bħala evidenza. Vella wieġeb li ma qiesux rilevanti għax il-kontenut tiegħu kien aċċessibbli online, minkejja li l-avukat irrimarkat li bejn il-fotokopji kien hemm dokumenti oħra.
Punt ieħor li fuqu insistiet id-difiża kien il-fatt li 45 dokument elevat mill-uffiċċju ta' Schembri qatt ma ġew esebiti waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza. Vella xehed li 44 minnhom kienu relatati ma' Rotorua Trust u Tillgate Inc u li wara li kkonsulta ma' superjur qalulu li dawk il-materji kienu diġà ġew investigati.
Skont ix-xhud, ġie ordnat iżomm id-dokumenti għandu "għalissa", iżda sostna li minkejja li staqsa diversi drabi jekk kellux jeżebihom, "qatt ma reġgħu kellmuni dwarhom."
Qabel dan, il-Qorti semgħet ukoll xhieda minn diversi uffiċjali oħra li ħadu sehem fl-arrest ta' Yorgen Fenech u fit-tfittxijiet li saru fil-proprjetajiet tiegħu.
L-Ispettur Kevin Pulis xehed li abbord il-lanċa li fuqha ġie arrestat Fenech instabu €7,000 fi flus kontanti, laptop imgeżwer bi stretch 'n' seal, karti tal-bank u diversi apparati elettroniċi, filwaqt li tfittxijiet sussegwenti f'Portomaso wasslu għall-elevazzjoni ta' aktar mobiles, tablets, SIM cards, laptops u dokumentazzjoni relatata ma' kumpaniji offshore.
Il-ġurnata ntemmet bix-xhieda ta' uffiċjali oħra tal-pulizija li kkonfermaw il-parteċipazzjoni tagħhom fit-tfittxijiet u fl-analiżi ta' apparat elettroniku, qabel il-ġuri ġie aġġornat għal seduta oħra.
Is-seduta tal-lum tintemm wara xhieda minn diversi uffiċjali tal-pulizija involuti fl-investigazzjoni, fosthom dwar it-tfittxijiet li saru fir-residenzi u l-uffiċċji ta' Yorgen Fenech u Keith Schembri, l-evidenza elevata u l-analiżi ta' apparat elettroniku.
L-aħħar xhud tal-ġurnata kien il-kuntistabbli Jurgen Muscat, li fil-kontro-eżami ġie mistoqsi dwar l-analiżi tad-data estratta minn apparat elettroniku u dokumentazzjoni relatata ma' konverżazzjonijiet bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.
Il-ġuri issa jaġġorna għal għada, meta l-proċeduri mistennija jkomplu b'aktar xhieda.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco qed tistaqsi lill-kuntistabbli Jurgen Muscat dwar l-analiżi tal-data estratta mill-apparat elettroniku li wettaq bħala parti mill-investigazzjoni.
Demarco qed taqra korrispondenza uffiċjali tal-Pulizija, allegatament miktuba mill-istess Muscat, relatata ma' analiżi ta' konverżazzjoni bejn Johann Cremona u Melvin Theuma
Il-kuntistabbli Jurgen Muscat jixhed li ħa sehem f'diversi tfittxijiet marbuta mal-investigazzjoni.
Huwa jgħid li kien preżenti waqt tfittxija fir-residenza ta' Edwin Brincat f'Ħ'Attard, f'maisonette f'Wied il-Għajn li jappartjeni lil Melvin Theuma, kif ukoll f'Livell 21 ta' Portomaso.
Muscat iżid li waqt it-tfittxija f'Portomaso instab ukoll ritratt ta' Melvin Theuma
Wara t-tmiem tax-xhieda tal-eks Spettur Keith Vella, jitla' jixhed Danilo Francalanza, li jgħid li fl-2019 kien stazzjonat mal-Iskwadra ta' Kontra l-Ħasil tal-Flus. Ix-xhieda tiegħu kienet qasira.
Sussegwentement jibda jixhed Jurgen Muscat, li jgħid li fl-2019 kien kuntistabbli stazzjonat mal-Iskwadra kontra r-Reati Ekonomiċi.
Muscat jixhed li pparteċipa f'numru ta' tfittxijiet, filwaqt li jżid li fl-2020 ingħaqad ma' task force inkarigata mill-estrazzjoni ta' data rilevanti minn apparat elettroniku.
Fil-kontro-eżami, id-difiża tistaqsi x'sar mill-44 dokument elevati mill-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.
L-eks Spettur Keith Vella jixhed li ddiskuta d-dokumenti ma' Assistent Kummissarju, li qallu li l-materja tagħhom kienet diġà ġiet investigata, u għalhekk tah l-istruzzjoni biex għalissa jżommhom għandu.
"Qalli, 'għalissa żommhom'. Staqsejt kemm-il darba jekk kellix neżebihom, iżda qatt ma ngħatajt istruzzjonijiet oħra," jgħid Vella.
Huwa jżid li dokument wieħed urieh lill-Ispettur Keith Arnaud, filwaqt li dwar il-44 dokument l-oħra qal li qatt ma reġgħu kkuntattjawh wara li ġie ordnat iżommhom.
Vella jsemmi wkoll li hemm proċeduri separati li għadhom għaddejjin dwar 17 Black u Keith Schembri.
Fil-kontro-eżami, l-eks Spettur Keith Vella jikkonferma li, waqt li l-uffiċċji ta' Portomaso u r-residenza ta' Yorgen Fenech kienu ssiġillati u taħt fixed point tal-Pulizija, l-istess ma kienx japplika għall-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.
Vella jgħid li l-uffiċċju kien magħluq biċ-ċavetta, iżda ma kienx taħt għassa permanenti tal-Pulizija.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco tistaqsi lill-eks Spettur Keith Vella jekk jaqbilx li ma semma xejn dwar it-tfittxija f'Kastilja u d-dokumenti elevati waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza.
Vella jibqa' jinsisti li ħadd ma staqsieh dwar dawk id-dokumenti, inkluż l-uffiċjal investigattiv.
L-avukat tirrimarka wkoll li, waqt tfittxijiet oħra fl-uffiċini ta' Yorgen Fenech u Tumas Group, il-pulizija kienu elevaw saħansitra karti vojta.
Meta mistoqsi jekk jafx min kienu l-membri tal-bord li użaw il-boardroom minn fejn inġabru xi dokumenti, jew min kienet is-segretarja li mill-uffiċċju tagħha ġew elevati oġġetti, Vella jwieġeb li ma jafx min kienu dawn il-persuni
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco tistaqsi jekk it-tfittxija li wettqu l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahrahijiex l-istess waħda li qed tidher fil-filmati murija lill-Qorti.
L-eks Spettur Keith Vella jwieġeb li jista' jitkellem biss dwar it-tfittxija li kien responsabbli minnha hu.
Demarco mbagħad tistaqsih għaliex il-45 dokument elevat minn Kastilja ma ġewx esebiti waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza. Vella jwieġeb li ħadd ma staqsieh dwarhom, inkluż dwar id-dokument li qal li seta' jkun ta' interess għall-investigazzjoni tal-Ispetturi Arnaud u Zahra.
Ix-xhud iżid li ma jistax jgħid x'sar minn dak id-dokument, peress li m'għadux membru tal-Korp tal-Pulizija.
L-Avukat Giannella Demarco tistaqsi lill-eks Spettur Keith Vella dwar folder li, skont il-filmati murija fil-Qorti, kien fih fotokopji tal-blogs ta' Daphne Caruana Galizia. Tirrimarka li Vella deher jieħdu f'idejh u mbagħad jerġa' jqiegħdu fil-kexxun.
Meta tistaqsih jekk kienx qed jarah waħdu, Vella jwieġeb: "Nassigurak li konna fl-uffiċċju."
Vella jikkonferma wkoll li dak il-folder ma ġiex elevat, u jgħid li kien fih fotokopji ta' materjal li kien aċċessibbli online.
Demarco tisħaq li bejn il-fotokopji kien hemm dokumenti oħra, u tistaqsi għaliex dawn ma tqisux bħala rilevanti. Vella jwieġeb li dak il-ħin ma qiesx li kien hemm bżonn jelevahom, peress li l-materjal kien disponibbli online.
Fil-kontro-eżami, l-Avukat Giannella Demarco tirreferi għat-tfittxija li saret f'Kastilja u tistaqsi lill-eks Spettur Keith Vella jekk jaqbilx li, waqt li hu kien qed ifittex materjal ta' natura finanzjarja, l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahrakienu qed iwettqu tfittxija separata marbuta mal-investigazzjoni tal-omiċidju.
"Naqblu," iwieġeb Vella.
L-avukat imbagħad issostni li, mill-filmati murija fil-Qorti, jidher li Vella biss kien qed iwettaq tfittxija. L-Imħallef Edwina Grima, iżda, tintervjeni u tgħid li fil-filmati jidher ukoll l-Ispettur Keith Arnaud iwettaq it-tfittxija tiegħu.
Jibda l-kontro-eżami tal-eks Spettur Keith Vella, bl-Avukat Giannella Demarco titolbu jispeċifika x'kien eżattament ir-rwol tiegħu.
Vella jwieġeb li d-dmir tiegħu kien iwettaq perkwiżizzjonijiet u jeleva evidenza li setgħet tkun potenzjalment marbuta ma' reati finanzjarji, filwaqt li jżid li l-oġġetti elevati setgħu wkoll ikunu ta' relevanza għal investigazzjonijiet dwar reati oħra.
L-eks Spettur Keith Vella jgħid li 44 dokument elevati mill-uffiċċju ta' Keith Schembri kienu relatati ma' Rotorua Trust u Tillgate Inc.
Huwa jżid li ġiet elevata wkoll nota miktuba bl-idejn, li qal setgħet tkun ta' relevanza għall-investigazzjoni mmexxija mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.
Meta mistoqsi x'irriżulta mill-analiżi tad-dokumenti, Vella jgħid li ħadhom fl-uffiċċju tiegħu u li, fir-rigward tal-44 dokument dwar ir-Rotorua Trust u Tillgate Inc, ma deher li kien hemm xejn ġdid dwar it-trust jew il-kumpaniji fil-Panama.
Il-Prosekuzzjoni tistaqsi lill-eks Spettur Keith Vella dwar il-filmati li juruħ ifittex fil-kxaxen tal-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.
Vella jispjega li dak il-ħin kien qed iwettaq tfittxija "b'mod metikoluż", u jgħid li dik kienet il-proċedura segwita f'kull tfittxija, għax inkella "tgerfex."
Meta mistoqsi x'sar mid-dokumenti miġbura, ix-xhud jgħid li ġabru 45 dokument, li hu stess eleva, u li Keith Schembri ġie mitlub jikteb l-inizjali tiegħu fuq kull wieħed biex jiġi kkonfermat li nġabru fil-preżenza tiegħu. Id-dokumenti mbagħad tqiegħdu f'envelope.
Fil-Qorti qed jintwerew il-filmati tat-tfittxija li saret fl-uffiċċju tal-eks Chief of Staff Keith Schembri f'Kastilja.
Fil-filmati jidher ukoll Keith Schembri, liebes ġakketta sewda fuq flokk iswed b'linji bojod orizzontali.
It-tfittxija saret jiem wara dik fir-residenza ta' Schembri fil-Mellieħa u erbat ijiem wara li Joseph Muscat kien ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Prim Ministru.
L-eks Spettur Keith Vella jgħid li fit-5 ta' Diċembru 2019 mexxa tfittxija fl-uffiċċju ta' Keith Schembri f'Kastilja.
Huwa jixhed li waqt it-tfittxija kienu preżenti, fost oħrajn, is-suċċessur ta' Schembri bħala Chief of Staff, Mark Farrugia, kif ukoll dak iż-żmien il-Kap taċ-Ċivil, Mario Cutajar.
Vella jżid li fl-istess ħin kienet qed issir tfittxija oħra mmexxija mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.
Skont ix-xhud, it-tfittxija f'Kastilja bdiet fis-7pm u ntemmet għall-ħabta tat-8.30pm.
Il-ġurati jerġgħu jidħlu fl-awla u tkompli x-xhieda tal-eks Spettur Keith Vella.
L-Imħallef Edwina Grima tistaqsi lix-xhud jekk jafx min kiteb in-notamenti fuq il-flip-charts.
Vella jwieġeb li ma investigax min kitebhom u lanqas ma mess il-kontenut tagħhom, filwaqt li jispjega li r-rwol tiegħu kien sempliċement li jeleva oġġetti li setgħu potenzjalment ikunu rilevanti għal investigazzjonijiet finanzjarji.
Il-proċeduri jieqfu għal punt ta' dritt imqajjem mill-avukat Charles Mercieca, li jsostni li l-eks Spettur Keith Vellagħandu jixhed biss dwar il-fatti u ma jagħtix interpretazzjonijiet tad-dokumenti li eleva waqt it-tfittxijiet.
Il-Prosekuzzjoni twieġeb li, bħala uffiċjal investigattiv, Vella għandu d-dritt jispjega għaliex iddeċieda li jeleva ċerti dokumenti.
Mercieca jgħid li ma jikkontestax li x-xhud jista' jispjega għaliex eleva l-oġġetti, iżda jinsisti li ma jistax jibbaża ruħu fuq allegazzjonijiet jew rapporti fil-media biex jinterpreta l-kontenut tagħhom.
L-Imħallef Edwina Grima tidderieġi li x-xhud għandu jixhed dwar l-oġġetti li sab, it-tfittxijiet li wettaq u r-raġuni għaliex qies li dawk l-oġġetti setgħu jkunu rilevanti għall-investigazzjoni, iżda ma għandux jagħti interpretazzjonijiet jew kummenti dwar kitbiet li mhumiex tiegħu.
L-eks Spettur Keith Vella ikompli jispjega l-kontenut ta' flip-chart oħra elevata minn Livell 21 ta' Portomaso, li fiha jidhru fost oħrajn l-ismijiet Siemens, Enemalta, SOCAR, GEM Holdings u Turab, b'referenza għal Turab Musayev.
Ix-xhud jgħid li dawn kienu relatati ma' 17 Black, iżda d-difiża toġġezzjona u tinsisti li Vella għandu jillimita ruħu biex jiddeskrivi x'hemm miktub fuq id-dokumenti, mingħajr ma jasal għal konklużjonijiet.
Aktar dokumenti mill-istess flip-chart jintwerew fil-Qorti, b'referenzi għal FSU, LNG, loan u l-figura ta' 100 million. Meta mistoqsi, Vella jgħid li jaħseb li FSU tirreferi għat-tanker tal-gass f'Marsaxlokk u li l-figura ta' 100 million tista' tkun marbuta ma' self.
F'dan il-punt, id-difiża terġa' toġġezzjona u tinsisti li x-xhud ma jistax jispekula. L-Imħallef Edwina Grima tgħid li d-difiża se jkollha l-opportunità tagħmel il-mistoqsijiet tagħha fil-kontroeżami, filwaqt li tfakkar li Vella huwa uffiċjal investigattiv. Id-difiża twieġeb li r-rwol tax-xhud kien sempliċement li jeleva l-evidenza.
L-eks Spettur Keith Vella jgħid li waqt it-tfittxija f'cabinet fil-boardroom ta' Livell 21 instabet ittra miktuba bl-idejn u attribwita lil Melvin Theuma.
Skont ix-xhud, fl-ittra hemm allegazzjonijiet li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu qabdu lil Theuma biex jorganizza l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. L-ittra tgħid ukoll li "Keith tal-Kasco" kien tah impjieg mal-Gvern, li aktar tard tteħidlu, u li Theuma kien qed jiktibha għax beda jibża' li se jiġi eliminat.
Vella jżid li fl-istess cabinet instabu wkoll il-kuntratt tax-xogħol ta' Melvin Theuma u żewġ payslips.
L-eks Spettur Keith Vella jgħid li ma kienx involut fl-investigazzjoni tal-qtil, iżda fl-investigazzjonijiet marbuta ma' reati finanzjarji.
Huwa jispjega li l-flip-charts elevati minn Livell 21 ta' Portomaso kien fihom kitba li kienet tirreferi għall-konsorzju Electrogas.
Il-Prosekuzzjoni tippreżenta diversi dokumenti elevati mill-istess uffiċċju, b'Vella jixhed li dawn inġabru għax kienu jirreferu għal kumpaniji li fil-media kienu ġew allegati li kellhom rabta ma' 17 Black u mal-konsorzju Electrogas.
Ix-xhud iżid li fost id-dokumenti nstab ukoll invoice bil-Franċiż marbut mal-kumpanija New Energy Supply Limited. Filwaqt li jisħaq li ma kienx involut fl-investigazzjoni, jgħid li New Energy Supply Limited tifforma parti mill-konsorzju Electrogas.
L-eks Spettur Keith Vella jkompli jiddeskrivi t-tfittxijiet li saru f'Livell 21 ta' Portomaso, fejn jgħid li fost l-oġġetti elevati kien hemm flip-chart mill-boardroom.
Skont ix-xhud, fuq il-flip-chart kien hemm kitbiet li jirreferu għal Siemens, SOCAR u Enemalta, fost oħrajn.
Meta mistoqsi mill-Imħallef Edwina Grima għaliex il-pulizija elevaw il-flip-chart, Vella wieġeb li dawn kienu kumpaniji li dak iż-żmien kienu qed jissemmew fil-media b'rabta ma' 17 Black.
L-eks Spettur Keith Vella jispjega li t-tfittxijiet fil-proprjetajiet ta' Yorgen Fenech bdew minn Livell 21 ta' Portomaso.
Huwa jgħid li waqt dawn it-tfittxijiet instabet ukoll flip-chart, jiġifieri l-whiteboard li kienet issemmiet aktar kmieni fil-proċeduri.
Skont ix-xhud, il-flip-chart kienet fost l-oġġetti elevati waqt it-tfittxija f'Livell 21.
Jitla' fuq il-pedana l-eks Spettur Keith Vella, li jgħid li serva fil-Korp tal-Pulizija bejn l-2010 u l-2021.
Huwa jispjega li fl-aħħar erba' snin tas-servizz tiegħu kien stazzjonat mal-Iskwadra ta' Kontra l-Ħasil tal-Flus.
Fil-kontroeżami, PS Antoine Micallef ġie mistoqsi dwar l-arrest ta' Keith Schembri.
Ix-xhud sostna li Schembri ġie arrestat wara d-9am iżda qabel nofsinhar, u qal li huwa kien qed isuq karozza ċivili li kienet qed takkumpanja l-vann tal-pulizija li fih kien hemm Schembri, flimkien mal-vettura tal-forensika.
Jitla' jixhed PS Antoine Micallef, stazzjonat mal-Iskwadra ta' Kontra d-Droga.
Micallef jgħid li wara l-arrest Yorgen Fenech ħassu ma jiflaħx, u għalhekk issejjaħ tabib fuq il-post, li tah mediċina u wara beda jħossu aħjar.
Huwa jikkonferma wkoll li kien preżenti meta t-tabib Adrian Vella mar jeżamina lil Fenech fir-residenza tiegħu.
Ix-xhud jgħid li qatta' 12-il jum ma' Fenech waqt li dan kien fuq police bail, u li matul dak il-perjodu Adrian Vella kien iżuru ta' spiss.
Madankollu, Micallef jippreċiża li dawn iż-żjarat mhux dejjem kienu jsiru fil-preżenza tal-pulizija, peress li Fenech ma kienx taħt arrest f'dak il-perjodu.
Jibda jixhed PC Kyle Zammit, li huwa stazzjonat mal-Iskwadra ta' Kontra d-Droga, u jibda jirrakkonta ċ-ċirkostanzi tal-arrest ta' Yorgen Fenech.
Fix-xhieda tiegħu, Zammit jgħid li l-pulizija kellhom koperazzjoni assoluta minn Fenech matul l-operazzjoni.
Huwa jikkonferma wkoll li waqt it-tfittxijiet kien hemm preżenti żewġ uffiċjali tal-Europol.
Fil-kontroeżami, l-avukat Giannella de Marco tirreferi għax-xhieda preċedenti ta' Andrè Grech, fejn kien qal li Yorgen Fenech deher rilassat meta l-uffiċjali identifikaw ruħhom bħala membri tal-Iskwadra ta' Kontra d-Droga.
Meta mistoqsi kif ġie deċiż x'kellu jinġabar waqt it-tfittxija, Grech jgħid li kellhom istruzzjonijiet biex jiġbru l-apparat elettroniku.
De Marco tistaqsih jekk kienx hemm xi ħadd li kien qed jordnalhom liema oġġetti kellhom jelevaw. Grech iwieġeb li fuq il-post kien hemm uffiċjali tal-Europol u l-Ispettur Kevin Pulis, u li l-apparat kollu nġabar, ġie elevat u elenkat minn Pulis flimkien mal-uffiċjali tal-Europol.
Il-proċeduri jerġgħu jibdew wara l-pawża tal-ikel b'xhieda ġdida.
Jitla' fuq il-pedana Andrè Grech, uffiċjal tal-pulizija stazzjonat mal-Financial Crime Investigation Department. Huwa jgħid li qabel serva fit-Taqsima ta' Kontra d-Droga u fir-Rapid Intervention Unit.
Il-proċeduri jieqfu għal pawża tal-ikel. Is-smigħ ikompli fit-3:15pm
Fil-kontroeżami, l-avukat Giannella de Marco staqsiet lill-Ispettur Kevin Pulis jekk, meta l-lanċa ta' Yorgen Fenechkienet qed toħroġ mill-port, kinux ġew infurmati l-awtoritajiet konċernati, fosthom il-Valletta Port Control.
Pulis wieġeb li ma jafx, u spjega li qatt ma staqsa jekk saritx tali komunikazzjoni.
Fix-xhieda tiegħu, Christopher Saliba jgħid li ftit minuti wara li waslu fir-residenza ta' Keith Schembri fil-Mellieħa, huma eskortawh lejn il-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fid-Depot.
Jgħid li għall-ħabta tas-2pm reġa' ġie mitlub, flimkien mal-Ispettur Kevin Pulis, jeskorta lil Schembri lura fir-residenza tiegħu fil-Mellieħa.
Saliba jżid li dak il-ħin fir-residenza kien hemm ukoll uffiċjali tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri.
Ix-xhud Christopher Saliba jgħid li għall-ħabta tal-10am ta' dak il-jum mar flimkien mal-Ispettur Kevin Pulis fir-residenza ta' Keith Schembri fil-Mellieħa.
Jgħid li hemm sabu lill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, li kienu qed jakkumpanjaw lil Schembri.
L-uffiċjal tal-pulizija Christopher Saliba xehed li kien akkumpanja lill-Ispettur Kevin Pulis sabiex jinfurmaw lit-Tabib Adrian Vella li kien qed jiġi arrestat, fuq ordnijiet tal-Ispettur Keith Arnaud.
Saliba qal li meta waslu fir-residenza ta' Vella f'San Pawl il-Baħar innutaw il-vettura tiegħu pparkjata barra u kkonfermaw li kien jinsab id-dar. Huwa ta l-istess verżjoni tal-Ispettur Pulis, u spjega li Vella fetaħ il-bieb fis-sigħat bikrin ta' filgħodu wara li ċemplu lil bintu.
Ix-xhud żied li għall-ħabta tas-2.30am huwa skorta lit-Tabib Vella lejn il-lock-up tal-pulizija wara li ġie arrestat fuq suspett ta' intralċ ta' provi.
Ix-xhud Christopher Saliba jikkonferma x-xhieda mogħtija qabel dwar l-oġġetti li nstabu waqt it-tfittxijiet relatati ma' Yorgen Fenech.
Saliba jgħid ukoll li Fenech kien qallu li kien irriżenja mill-kumpanija jumejn qabel l-arrest tiegħu.
Fix-xhieda tiegħu, Christopher Saliba jgħid li identifika ruħu ma' Yorgen Fenech bħala uffiċjal tal-Drug Squad.
Jgħid li meta informa lil Fenech li kien qed jiġi arrestat b'rabta mal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, dan "viżibilment kien jidher kalm."
Il-Qorti tkompli tisma' x-xhieda ta' Christopher Saliba, li qed jixhed b'mod virtwali.
Saliba qal li ilu 20 sena fil-Korp tal-Pulizija u li fiż-żmien tal-fatti kien jagħmel parti mill-Iskwadra ta' Kontra d-Droga.
Il-kontroeżami tal-Ispettur Kevin Pulis ikompli b'mistoqsijiet dwar l-arrest tat-tabib Adrian Vella.
Pulis jinsisti li mar fir-residenza tiegħu fis-sigħat bikrin ta' filgħodu biex jinfurmah li kien mitlub jattendi quddiem l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra. Mistoqsi dwar il-ħin, ix-xhud jaqbel li għall-ħabta tas-1am telqu b'Vella lejn id-Depot.
De Marco tistaqsih ukoll dwar il-mobile Rose Gold elevat mingħand Yorgen Fenech. Pulis jaqbel li l-apparat kien jidher għadu ġdid, u jwieġeb: "Jista' jkun."
Fil-kontroeżami, l-Ispettur Kevin Pulis ġie mistoqsi jekk waqt it-tfittxija fuq il-lanċa ta' Yorgen Fenech instabux sustanzi illegali jew armi.
Ix-xhud wieġeb li ma nstab xejn illegali ta' din ix-xorta, u kkonferma li la drogi u lanqas armi ma nstabu abbord.
Il-kontroeżami tal-Ispettur Kevin Pulis ikompli bl-avukat Giannella de Marco tistaqsih jekk il-mod metikoluż kif twettqu t-tfittxijiet fil-proprjetajiet ta' Yorgen Fenech huwiex dak li, fil-fehma tiegħu, għandu jintuża f'investigazzjonijiet bħal dawn.
Pulis iwieġeb li dak huwa l-aħjar metodu, skont l-esperjenza tiegħu.
Ix-xhud jispjega wkoll li, meta wasal fuq il-post fil-jum tal-arrest ta' Fenech, sab membri tal-Forzi Armati ta' Malta (AFM) u żewġ uffiċjali oħra tal-pulizija li kienu diġà waslu fuq il-post.
Jibda l-kontroeżami tal-Ispettur Kevin Pulis, bl-avukat Giannella de Marco tiffoka fuq il-perjodu bejn l-arrest ta' Yorgen Fenech u t-tressiq tiegħu l-Qorti.
Pulis jikkonferma li mill-20 sat-30 ta' Novembru 2019 Fenech qatt ma tħalla waħdu mill-pulizija, ħlief għal ftit sigħat fid-29 ta' Novembru, meta ngħata police bail.
De Marco mbagħad tirreferi għall-kura medika li ngħata Fenech wara l-arrest.
Pulis jaqbel li Fenech kien qallu li ma kellux bżonn tabib, iżda jgħid li l-Ispettur Keith Arnaud kien tal-fehma li kellu jiġi eżaminat mit-tabib Adrian Vella.
Ix-xhud jerġa' jikkonferma li Fenech baqa' jinsisti li ma kellux bżonn tabib dak il-ħin.
L-Ispettur Kevin Pulis jixhed li fid-29 ta' Novembru 2019 ġie infurmat mill-Kummissarju tal-Pulizija ta' dak iż-żmien, Lawrence Cutajar, li Yorgen Fenech, li dak iż-żmien kien ħareġ bil-police bail, ma kellux protezzjoni.
Pulis jgħid li, wara talba mill-avukati ta' Fenech, uffiċjali tal-pulizija marru immedjatament fir-residenza tiegħu, fejn sabuh akkumpanjat mill-avukat Gianluca Caruana Curran.
Kevin Pulis jixhed li, wara li Adrian Vella mar volontarjament id-Depot, ittieħed fl-uffiċċju tal-investigaturi.
Huwa jgħid li kien preżenti meta l-Ispettur Kurt Zahra informa lil Vella li kien qed jiġi arrestat fuq suspett ta' intralċ tal-provi.
Pulis jispjega li Vella baqa' għand il-pulizija sa madwar is-2.45am, u li ftit sigħat wara twettaq l-arrest ta' Keith Schembri.
Ix-xhud jisħaq li ma kienx preżenti għall-arrest ta' Schembri.
L-Ispettur Kevin Pulis ikompli jixhed dwar il-kuntatt mat-tabib Adrian Vella filgħodu tas-26 ta' Novembru 2019.
Mistoqsi mill-Prosekuzzjoni jekk ipprovax iċemplu meta ma kienx qed jiftaħ il-bieb, Pulis jgħid li, "biex inkun ġust ma' kulħadd," jidhirlu li dak il-ħin ma kienx qed jaqbadlu l-mobile.
Jgħid li għalhekk ċempel lit-tifla ta' Vella, iżda minflok wieġbet hi, wieġeb it-tabib innifsu.
"Ftit minuti wara fetaħli l-bieb u tlabtu jiġi d-Depot biex ikellem lill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra," jixhed Pulis.
Mistoqsi kemm dam biex ħareġ, Pulis jgħid li dam madwar siegħa, u jżid li, skont hu, Vella kien "emozzjonali u beżgħan."
Ikollna nieqfu għal pawża ta' nofsiegħa minħabba li barra għaddejjin xi ċelebrazzjonijiet tal-festa
L-Ispettur Kevin Pulis jixhed li filgħodu tas-26 ta' Novembru 2019, l-Ispettur Keith Arnaud talbu jmur miegħu fir-residenza tat-tabib Adrian Vella biex jitolbuh jakkumpanja lill-pulizija sal-lock-up.
Pulis jgħid li l-pulizija għamlu diversi tentattivi biex jikkuntattjaw lil Vella, iżda "it-tabib ma fetħilniex."
Ix-xhud jisħaq li ma kien hemm l-ebda mandat ta' arrest fil-konfront ta' Vella, u għalhekk kien mistenni jmur mal-pulizija b'mod volontarju.
L-Ispettur Kevin Pulis jixhed li fit-28 ta' Novembru 2019 saret tfittxija oħra fuq il-lanċa Gio, li fuqha kien ġie arrestat Yorgen Fenech.
Huwa jgħid li, minn meta saret l-ewwel tfittxija, il-lanċa kienet taħt għassa kontinwa tal-pulizija, filwaqt li ċ-ċwievet tagħha kienu miżmuma minn Tumas Group.
Pulis jispjega li waqt din it-tfittxija kien hemm preżenti espert ieħor tal-Europol, li uża apparat speċjalizzat biex jidentifika jekk kienx għad fadal apparat elettroniku moħbi abbord.
Skont ix-xhud, matul din it-tfittxija nstabu diversi SIM cards oħra, fosthom SIM cards qodma, oħrajn mingħajr marka kummerċjali, kif ukoll SIM cards Taljani tal-operaturi Wind, Telecom u TIM.
L-Ispettur Kevin Pulis jixhed li saret ukoll tfittxija f'uffiċċju fil-Livell 21 ta' Portomaso, din id-darba fil-preżenza ta' Yorgen Fenech.
Huwa jgħid li minn dak l-uffiċċju ġew elevati laptop, diversi pendrives, SD cards u t-tagħmir li fuqu kienu rrekordjati l-filmati tas-sistema tas-CCTV.
Pulis jispjega li ma elevax id-dokumentazzjoni kollha li kien hemm fl-uffiċċji, iżda biss il-materjal li kien iqis rilevanti għall-investigazzjoni.
"Kien hemm ħafna aktar dokumentazzjoni," jgħid ix-xhud.
Minflok ma neħħa l-kumplament tal-kontenut, Pulis jgħid li ddeċieda jissiġilla l-uffiċċji, filwaqt li ħalla pulizija fuq fixed point u uffiċjal tas-sigurtà ta' Tumas Group biex jassiguraw il-post.
L-Ispettur Kevin Pulis ikompli jelenka d-dokumenti elevati waqt it-tfittxijiet f'Portomaso.
Huwa jgħid li fost il-materjal elevat kien hemm invoices, Memorandum of Understanding u ċertifikat relatat ma' Wings Investments Limited, kif ukoll diversi dokumenti oħra marbuta mal-kumpanija New Energy Supply Limited u ma' kumpaniji offshore.
Pulis jixhed ukoll li fost id-dokumenti elevati kien hemm materjal relatat ma' Melvin Theuma.
L-Ispettur Kevin Pulis ikompli jixhed dwar l-oġġetti elevati waqt it-tfittxijiet marbuta mal-arrest ta' Yorgen Fenech.
Huwa jgħid li mir-residenza f'Portomaso ġew elevati, fost oħrajn, kamera HD bil-Wi-Fi, mobile storage device, tablet, iPhone Rose Gold u SIM card.
Pulis iżid li nġabru wkoll mouse tal-kompjuter, business cards, kif ukoll diversi mobiles u tablets oħra.
Ix-xhud jispjega li fit-tfittxija li saret f'wieħed mill-uffiċċji f'Portomaso ma kienx preżenti Yorgen Fenech, iżda kien hemm il-Financial Controller ta' Tumas Group, Ray Sladden, li identifika dak l-uffiċċju bħala ta' Fenech.
Mill-Uffiċċju 4 fit-tielet sular ta' Portomaso ġew elevati wkoll dokumenti, mobile u kompjuter.
Pulis jisħaq li kull apparat elettroniku elevat waqt dawn it-tfittxijiet ġie mgħoddi lill-Europol għal analiżi forensika.
L-Ispettur Kevin Pulis ikompli jixhed dwar l-istqarrija li ta Logan Wood, il-kaptan tad-dgħajsa li fuqha nstab Yorgen Fenech fil-jum tal-arrest tiegħu.
Pulis jgħid li Wood talab l-assistenza tal-avukat Leslie Cuschieri qabel ta l-istqarrija tiegħu.
Skont ix-xhud, Wood qal lill-pulizija li l-pjan kien li d-dgħajsa tmur Pozzallo, Sqallija, biex issirilha manutenzjoni ta' rutina, li kienet diġà ġiet ibbukkjata għal Diċembru.
Madankollu, il-vjaġġ kien ġie antiċipat għal nofs Novembru wara li, skont Wood, ivverifika li kien hemm post disponibbli f'Pozzallo u informa lil Fenech li l-kundizzjonijiet tat-temp kienu favorevoli.
Pulis jgħid li, skont Wood, il-pjan kien li Yorgen Fenech jibqa' Sqallija, filwaqt li hu kien jirritorna Malta bil-catamaran, u li dan kien ġie miftiehem ġurnata qabel, fid-19 ta' Novembru 2019.
Aktar tard, il-Prosekuzzjoni titlob lil Pulis jaqra l-istqarrija ta' Wood, iżda d-difiża toġġezzjona.
L-Imħallef Edwina Grima tilqa' l-oġġezzjoni u tgħid li m'għandhiex tinqara l-istqarrija ta' xhud, iżda titlob lill-Ispettur jispjega fi kliemu x'kien qal Wood lill-pulizija.
L-Ispettur Kevin Pulis ikompli jixhed dwar it-tfittxija li saret fuq id-dgħajsa ta' Yorgen Fenech fil-jum tal-arrest tiegħu.
Huwa jgħid li abbord instab laptop imgeżwer bi "stretch 'n' seal", flimkien ma' €7,000 fi flus kontanti.
Skont Pulis, Fenech qal lill-pulizija li l-flus kienu tiegħu u mhux tal-kaptan tad-dgħajsa, Logan Wood.
Ix-xhud iżid li fuq id-dgħajsa nstabu wkoll tliet karti tal-bank u iPhone.
Pulis jixhed ukoll li t-tfittxija fuq id-dgħajsa damet għaddejja mit-8.00am sas-1.00pm, filwaqt li fl-istess ħin kienet qed issir tfittxija oħra fil-penthouse ta' Portomaso.
L-Ispettur Kevin Pulis jixhed li, aktar tard dakinhar tal-arrest ta' Yorgen Fenech, kien involut fit-tfittxija li saret f'uffiċċju fit-Torri ta' Portomaso, fejn eleva diversi dokumenti li issa qed jiġu esebiti fil-Qorti.
Ix-xhud jgħaddi mbagħad għall-oġġetti li nstabu fuq id-dgħajsa ta' Fenech waqt l-operazzjoni tal-arrest.
Pulis jgħid li l-pulizija sabu laptop imgeżwer bi "stretch 'n' seal", kif ukoll ammont ta' flus kontanti abbord id-dgħajsa.
Jitla jixhed l-ispettur Kevin Pulis.
L-Ispettur Kevin Pulis jibda x-xhieda tiegħu billi jiddeskrivi l-operazzjoni li wasslet għall-arrest ta' Yorgen Fenechf'Novembru 2019.
Pulis jgħid li kien hu li nnotifika lil Fenech bil-mandat tal-arrest, meta sabu bilqiegħda fuq id-dgħajsa li, skont il-Prosekuzzjoni, kien se juża biex jaħrab minn Malta.
Mistoqsi dwar kif irreaġixxa Fenech, Pulis jgħid li kienet "sitwazzjoni totalment mhux feliċi", filwaqt li jżid: "Ma nafx kif se nispjegaha."
L-Ispettur jispjega wkoll li ma kienx l-ewwel uffiċjal tal-pulizija li wasal fuq il-post, hekk kif wasal madwar 30 minuta wara li kienet bdiet l-operazzjoni.
Jibda l-kontroeżami tas-Surġent Garry Scerri, bl-avukat Giannella de Marco tiffoka fuq id-dettalji tax-xhieda tiegħu dwar it-tfittxija fir-residenza ta' Keith Schembri.
De Marco tistaqsih jekk fil-kumpilazzjoni kienx semma li fid-dar kien hemm ukoll ħaddiema.
Scerri jwieġeb li ma kienx xehed dwar dan, għax dak iż-żmien ix-xhieda tiegħu kienet limitata għall-investigazzjoni "Leaks".
L-avukat tosserva li llum semma l-ħaddiema mingħajr ma ġie mistoqsi dwarhom u tistaqsih jekk hux qed jipprova "jirranġa" xi ħaġa fix-xhieda tiegħu.
"Lanqas xejn. M'għandi għalfejn nirranġa xejn," iwieġeb Scerri.
De Marco mbagħad tistaqsih jekk baqax fil-vann waqt dik li hu ddeskriva bħala mhux tfittxija, iżda Scerri jiċħad dan.
Meta mistoqsi jekk Keith Arnaud u Kurt Zahra kinux diġà elevaw xi oġġetti qabel daħal hu, Scerri jwieġeb li ma jafx.
Huwa jżid ukoll li Arnaud qatt ma qallu li kien diġà nġabar xi materjal mir-residenza.
Il-kontro eżami jintemm hawn.
Is-Surġent Garry Scerri jixhed li mill-analiżi tal-apparati elettroniċi elevati matul l-investigazzjoni nstabu diversi materjali meqjusa rilevanti.
Huwa jgħid li, fost oħrajn, mill-mobile ta' Shayenne Zammit instabu screenshots relatati ma' Melvin Theuma, inkluż materjal marbut ma' logħob tal-azzard illegali.
Scerri jżid li f'apparati oħra nstabu wkoll voice recordings ta' konversazzjonijiet bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma, li mbagħad ġew mgħoddija għal aktar analiżi bħala parti mill-investigazzjoni.
Il-Prosekuzzjoni tesebixxi fl-awla diversi dokumenti relatati mal-investigazzjoni "Leaks", li ġew ippreparati mis-Surġent Garry Scerri.
Scerri jixhed li l-informazzjoni waslitlu mingħand is-Surġent Brady Zammit permezz ta' hard drive.
Huwa jispjega li, wara li ġie eżaminat il-materjal, id-dokumenti meqjusa rilevanti kienu jiġu mmarkati ("flagged") u mgħoddija għal analiżi ulterjuri.
Is-Surġent Garry Scerri jixhed li l-issa Assistent Kummissarju Keith Arnaud kien infurmahom li, waqt l-arrest ta' Keith Schembri, kien innota diversi apparati elettroniċi fir-residenza.
Madankollu, Scerri jisħaq li kien ġie spjegat lilhom li dawn ma kinux apparati personali ta' Schembri.
Huwa jgħid li Arnaud tahom istruzzjonijiet biex, waqt li kienu akkumpanjati minn Schembri, imorru jiġbru dawn l-apparati.
Scerri jżid li waqt li kienu qed isiru dawn il-proċeduri fir-residenza kien hemm ukoll Neville Gafà, mart Keith Schembri, koppja anzjana li hu jassumi kienu l-ġenituri ta' Schembri, kif ukoll xi ħaddiema.
Jgħid ukoll li l-avukati ta' Schembri baqgħu fis-sular t'isfel, akkumpanjati minn uffiċjali tal-pulizija, waqt li nġabru l-apparati.
Il-Prosekuzzjoni tistaqsi lis-Surġent Garry Scerri kif twettqet is-search fir-residenza ta' Keith Schembri.
L-Imħallef Edwina Grima tintervjeni u titlob lix-xhud jispjega kif normalment issir tfittxija.
Scerri jwieġeb li, f'dan il-każ, "din ma kinitx search", iżda operazzjoni biex jinġabru ċerti oġġetti fuq istruzzjonijiet tal-investigatur Keith Arnaud.
Huwa jgħid li Schembri stess indika lill-pulizija liema oġġetti kellhom jinġabru
Scerri jżid li fil-karriera tiegħu kellu każijiet oħra fejn persuni taħt investigazzjoni indikaw huma stess fejn kienu jinsabu l-oġġetti mitluba, u jisħaq "din mhi xejn ta' barra minn hawn"
Is-Surġent Garry Scerri jgħid li t-tfittxija fir-residenza ta' Keith Schembri saret fil-preżenza tal-avukati tiegħu, li, sa fejn jaf hu, kienu huma stess li talbu biex jakkumpanjaw lill-pulizija waqt il-proċess.
Ix-xhud jgħid ukoll li fid-dar kien hemm preżenti koppja anzjana, mart Keith Schembri, Neville Gafà, kif ukoll xi ħaddiema.
Is-Surġent Garry Scerri jgħid li t-tfittxija fir-residenza ta' Keith Schembri saret fil-preżenza tal-avukati tiegħu, li, sa fejn jaf hu, kienu huma stess li talbu biex jakkumpanjaw lill-pulizija waqt il-proċess.
Ix-xhud jgħid ukoll li fid-dar kien hemm preżenti koppja anzjana, mart Keith Schembri, Neville Gafà, kif ukoll xi ħaddiema.
Is-Surġent Garry Scerri jixhed li Keith Schembri ġie arrestat kmieni filgħodu mill-investigaturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.
Jgħid li għall-ħabta tas-2pm mar flimkien ma' uffiċjali oħra biex issir tfittxija fir-residenza ta' Schembri.
Skont Scerri, waqt li kienet għaddejja t-tfittxija, Keith Arnaud ċempillu u talbu joħroġ mir-residenza biex ifittex filmati tas-sigurtà mill-inħawi.
Huwa jgħid li twettqet it-tfittxija, iżda ma nstab l-ebda filmat rilevanti.
Is-Surġent Garry Scerri ikompli jixhed dwar l-involviment tiegħu fl-investigazzjoni.
Jgħid li fit-28 ta' Novembru 2017 reġgħu waslu Malta aġenti tal-FBI, din id-darba bl-apparat forensiku tagħhom, u flimkien wettqu diversi investigazzjonijiet fuq il-post f'żoni differenti.
Scerri jgħid li aktar tard ħa sehem ukoll fl-operazzjoni li wasslet għall-arrest tal-aħwa George u Alfred Degiorgio u Vince Muscat, fejn kien inkarigat minn tfittxijiet fir-residenzi tagħhom, kif ukoll f'appartament f'San Pawl il-Baħar.
Ix-xhud imbagħad jgħaddi għall-avvenimenti ta' Novembru 2019, wara l-arresti ta' Melvin Theuma u Yorgen Fenech.
Huwa jgħid li assista lill-investigaturi Keith Arnaud u Kurt Zahra, iżda ma kienx involut direttament fl-interrogazzjonijiet.
Scerri jixhed li fit-23 ta' Novembru kien infurmat li t-tabiba Adrian Vella kien eżamina lil Fenech fiċ-ċella u rrakkomanda li jittieħed l-Isptar Mater Dei minħabba kumplikazzjonijiet mediċi.
Jgħid li kien hu li skorta lil Fenech sal-Emerġenza u, wara li ngħata l-kura meħtieġa, staqsa lit-tobba jekk kienx f'kundizzjoni li jkompli jagħti l-istqarrija tiegħu lill-pulizija.
Il-Prosekuzzjoni ssejjaħ lis-Surġent Garry Scerri, li bħalissa huwa stazzjonat fl-Iskwadra tal-Omiċidji.
Scerri jgħid li beda fil-Korp tal-Pulizija bħala kuntistabbli u, wara, ġie promoss għas-surġent.
Huwa jixhed li kien involut fl-investigazzjoni tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia sa mill-ewwel jum, u jgħid li fit-18 ta' Ottubru 2017 kien inkarigat jakkumpanja lill-esperti maħtura mill-Qorti biex jinġabar filmat tas-CCTV mill-inħawi tal-Bidnija.
Jgħid ukoll li, ġurnata qabel, meta waslu Malta l-aġenti tal-FBI, kien inkarigat jiggwidahom fil-postijiet fejn kellhom iwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom.
Scerri jkompli jispjega li fil-21 ta' Ottubru kien preżenti waqt l-intervista ma' Wallace Sammut, li qal lill-investigaturi li kien innota karozza bajda tal-kiri iddur fl-inħawi fil-jiem ta' qabel il-qtil u anke dakinhar tal-isplużjoni.
Aktar tard fl-investigazzjoni, Scerri jgħid li kien ukoll inkarigat jiġbed filmat ta' dgħajsa biex isir paragun forensiku ma' filmat ieħor miġbur fis-16 ta' Ottubru.
Il-prosekuzzjoni tgħid lill-Qorti li d-difiża qed titlob biex żewġ sentenzi minn paġna 3442 tar-rapport tal-Inkjesta Pubblika jiġu mgħottija qabel il-qari tagħhom quddiem il-ġurati.
L-avukat Giannella de Marco tgħid li s-sentenzi jirrigwardaw komunikazzjoni bejn tabib u pazjent, u tisħaq li huma ta' natura strettament personali u m'għandhom l-ebda rilevanza għall-każ.
Insellmulkom għall-aġġornamenti diretta mis 27 jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech
Illum il-Qorti mistennija tisma' xhieda ġodda, wara li lbieraħ intemm il-kontroeżami tal-eks Chief of Staff Keith Schembri, li ċaħad kull involviment fil-qtil u akkuża diversi xhieda li gidbu dwaru.
Se nkunu qed inwasslulkom l-iżviluppi kollha hekk kif iseħħu.