Il-messaġġi li ħasdu lill-awla
Minn twissijiet biex imur “f’post sigur” għal diskussjonijiet dwar flus kontanti, titjiriet u ħarba bid-dgħajsa
minn Jaelle Borg
Matul il-ġuri ta’ Yorgen Fenech, il-ġurati ntwerew għadd kbir ta’ konverżazzjonijiet estratti mill-apparat elettroniku tiegħu. Fosthom kien hemm messaġġi fuq WhatsApp u Signal ma’ membri tal-familja, nies qrib tiegħu, impjegati u eks uffiċjali ta’ Kastilja u anke mal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat. Il-Prosekuzzjoni qed tuża dawn il-konverżazzjonijiet biex tispjega l-movimenti ta’ Fenech fil-jiem u s-sigħat ta’ qabel l-arrest tiegħu. Id-Difiża, min-naħa tagħha, tkompli tikkontesta l-interpretazzjoni tal-evidenza u ssostni li l-akkużat ma kienx il-moħħ wara l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dawn huma l-messaġġi li l-aktar spikkaw s’issa.
“Mur f’post sigur sakemm għad hemm iċ-ċans”
F’konverżazzjoni ma’ kuntatt issejvjat bħala “Uncle Ray”, Fenech ġie mwissi li kienet mistennija toħroġ storja oħra fil-midja. Huwa wieġeb li kien se jkellem lill-Avukata Giannella de Marco.
Iżda t-tweġiba li rċieva kienet aktar urġenti: il-kuntatt qallu li kien se jċemplilha hu u ħeġġu jmur f’post sigur “sakemm għad hemm iċ-ċans”.
Fenech talab li l-avukata tmur id-dar tiegħu sabiex ikun jista’ jkellimha qabel jitlaq. Ftit wara, fl-istess sensiela ta’ messaġġi, intbagħtet twissija oħra qasira iżda qawwija: “Tafda lil ħadd.”
Il-kliem waħdu ma jipprovax x’kienet l-intenzjoni ta’ min kitbu. Iżda għall-Prosekuzzjoni, il-ħin li fih intbagħtu l-messaġġi u d-diskussjonijiet li segwew dwar vjaġġar, flus u akkomodazzjoni huma parti importanti mill-istampa li qed tippreżenta lill-ġurija.
Titjira, dgħajsa jew ... xejn?
Hekk kif il-konverżazzjoni kompliet, il-Prosekuzzjoni qalet li l-ġurati bdew jaraw stampa aktar ċara ta’ dak li allegatament kien qed jiġri fis-sigħat ta’ qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech.
Skont il-messaġġi ppreżentati fil-Qorti, il-konverżazzjoni ma baqgħetx limitata għal twissijiet biex “imur f’post sigur”. Minflok, bdiet iddur ukoll fuq il-possibbiltajiet ta’ kif seta’ jitlaq minn Malta.
F’waħda mill-konverżazzjonijiet, issemma l-VIP Terminal tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bħala possibbiltà. Madankollu, skont ix-xhieda tal-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, Fenech allegatament esprima dubji dwar din l-għażla u qal li kien qed jaħseb aktar f’dgħajsa. Il-Prosekuzzjoni sostniet li dawn il-konverżazzjonijiet kienu jiffurmaw parti mill-kuntest tal-allegat pjan biex jitlaq minn Malta qabel ma ġie arrestat. Id-Difiża tikkontesta din l-interpretazzjoni tal-evidenza.
Il-flus kontanti u t-tranżazzjonijiet
Tema oħra li reġgħet feġġet fil-konverżazzjonijiet kienet dik tal-flus.
Il-ġurati semgħu kif f’chat ma’ “Uncle Ray” saret referenza għal ammont sostanzjali ta’ flus kontanti. Aktar tard, il-konverżazzjoni daret ukoll fuq l-użu tal-karti tal-bank. Skont il-Prosekuzzjoni, wieħed mill-messaġġi kien iwissi biex tingħata attenzjoni fl-użu tal-cards minħabba l-possibbiltà li t-tranżazzjonijiet ikunu jistgħu jiġu rintraċċati.
Għall-Prosekuzzjoni, dawn id-diskussjonijiet kienu parti mill-kronoloġija tal-avvenimenti ta’ dawk il-jiem. Id-Difiża, iżda, tgħid li dawn il-konverżazzjonijiet m’għandhomx jiġu interpretati bħala prova ta’ ħtija.
Il-messaġġi ma’ Keith Schembri
Lil hinn mill-konverżazzjonijiet dwar il-movimenti ta’ Fenech, il-ġurija rat ukoll messaġġi skambjati ma’ Keith Schembri, kuntatt li kien issevjat bħala “K”.
Fost l-aktar punti li ġibdu l-attenzjoni kien hemm diskussjonijiet dwar l-abbozz tal-maħfra presidenzjali mogħtija lil Melvin Theuma. Il-Prosekuzzjoni sostniet li l-konverżazzjonijiet juru li Fenech u Schembri kienu qed jiddiskutu tibdil fid-dokument, allegazzjoni li kienet parti importanti mix-xhieda ta’ Keith Arnaud. Id-Difiża tikkontesta l-konklużjonijiet li qed jinsiltu minn dawn il-messaġġi.
Il-konverżazzjonijiet ma’ Joseph Muscat
Fost il-konverżazzjonijiet li ġew diskussi fil-Qorti kien hemm ukoll skambji ta’ messaġġi bejn Yorgen Fenech u l-Eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Ix-xhieda fil-Qorti rreferiet għal komunikazzjonijiet li kienu jinkludu tislim, arranġamenti għal laqgħat u kuntatt bejn it-tnejn. Fost dawn kien hemm messaġġ fejn Fenech kiteb lill Joseph: “narak aktar tard Prim Ministru” u Muscat rrisponda: “iva narak għada fis-1.30 p.m.” L-għada, imbagħad, Muscat bagħat messaġġ lil Fenech u qallu “ħadt gost” u Fenech irrispondieh u qallu li kien hemm wisq nies miegħu u staħa jkellmu.
Dawn il-messaġġi ġew ippreżentati bħala parti mill-evidenza diġitali estratta mill-apparat ta’ Fenech. Il-Prosekuzzjoni spjegat lill-ġurija l-kuntest tagħhom.
Messaġġi aktar personali
Mhux kull konverżazzjoni kienet marbuta ma’ allegat pjan ta’ ħarba jew ma’ diskussjonijiet politiċi.
Il-ġurati semgħu wkoll messaġġi ta’ natura aktar personali. Fosthom kien hemm talba biex jeħdulu ħsieb il-familja tiegħu u riflessjonijiet dwar dak li seta’ jiġri fil-jiem ta’ wara.
L-istorja li l-Prosekuzzjoni qed tipprova tibni
Meta jinqraw wieħed wieħed, dawn il-messaġġi jistgħu jidhru ordinarji. Iżda meta tqiegħdu f’sekwenza kronoloġika u flimkien ma’ xhieda oħra, dokumenti u evidenza diġitali, il-Prosekuzzjoni qed tgħid li jiffurmaw parti minn narrattiva waħda dwar dak li seħħ fil-jiem ta’ qabel l-arrest ta’ Yorgen Fenech.
Id-Difiża, min-naħa tagħha, tibqa’ tikkontesta kemm l-interpretazzjoni tal-messaġġi, kif ukoll il-konklużjonijiet li l-Prosekuzzjoni qed titlob lill-ġurija tasal għalihom.
Bil-ġuri għadu għaddej, mistenni li fil-jiem li ġejjin jissemmew aktar chats u komunikazzjonijiet elettroniċi hekk kif iż-żewġ naħat ikomplu jippreżentaw il-każ tagħhom quddiem il-ġurija.
