Il-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia kompla llum bix-xhieda ta' Kenneth Camilleri, li qal fil-Qorti li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat qallu "l-aħjar ma nkunx naf" meta pprova jkellmu dwar dak li kien seħħ wara l-laqgħa tiegħu ma' Melvin Theuma.
Camilleri xehed li, wara l-laqgħa ma' Theuma, ipprova diversi drabi jagħmel kuntatt ma' Keith Schembri, iżda ma rnexxilux. Qal li uża wkoll lil Neville Gafà biex jipprova jwassallu messaġġ, filwaqt li talab ukoll l-għajnuna ta' Ray Barbara biex jasal għand Joseph Muscat.
Ix-xhud qal li aktar tard iltaqa' ma' Kurt Farrugia, li qallu li dak li kellu x'jgħid kellu jgħidu direttament lill-Prim Ministru.
Skont Camilleri, wara li reġa' daħal għax-xogħol, ġie msejjaħ fl-uffiċċju ta' Muscat.
"Poġġejt u qalli, 'L-aħjar ma nkunx naf, tista' titlaq.'"
Camilleri qal li ma laħaq qal xejn u telaq mill-uffiċċju, filwaqt li sostna li wara dan qatt ma reġa' mar għax-xogħol.
L-Imħallef Edwina Grima intervjeniet u qalet li din il-verżjoni "ma tagħmilx sens", u staqsiet kif Muscat seta' kien jaf x'ried jgħidlu jekk ma kienx għadu semgħu. Camilleri wieġeb li ma jafx, u qal li ma laħaqx jgħidlu xejn.
"Keith qalli mur ikkalmah"
Fix-xhieda tiegħu, Camilleri rrakkonta kif, meta kien jagħmel parti mis-sigurtà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, irċieva telefonata mingħand Keith Schembri, li talbu jmur ikellem persuna biex jikkalmaha.
Huwa qal li Schembri talbu jċempel lil Johann Cremona biex imur jiġbru, iżda ma qallu qatt min kienet il-persuna li kellhom jiltaqgħu magħha.
Camilleri sostna li qatt ma semma l-isem ta' Melvin Theuma lil Cremona, iżda minkejja dan Cremona deher jaf eżatt fejn kellhom imorru.
"Ara x'tistgħu tagħmlu biex tirranġaw il-bail"
Camilleri qal li, meta waslu, Johann Cremona ċempel lil Melvin Theuma, li ħareġ jiltaqa' magħhom.
Skont ix-xhud, Theuma deher aġitat u f'paniku, u mar mill-ewwel għall-punt.
"Ara x'tistgħu tagħmlu biex tirranġaw il-bail."
Camilleri qal li baqa' ixxukkjat meta sema' t-talba, u li Theuma spjegalu li kien qed jirreferi għall-aħwa George u Alfred Degiorgio.
Aktar tard, waqt il-kontro-eżami, Camilleri qal li Theuma semmielu wkoll "bagalja", li hu fehem kienet tfisser borża flus, u allegatament qallu:
"Eħlisni minnhom."
Madankollu, ix-xhud sostna li qatt ma emmen li Keith Schembri kellu s-setgħa jirranġa l-bail ta' xi ħadd, u qal li t-tweġiba tiegħu lil Theuma kienet sempliċement: "Naraw," biex ikun jista' jitbiegħed minnu.
"Kont nibża' minnu"
Camilleri qal li pprova kemm-il darba jerġa' jkellem lil Keith Schembri biex jistaqsih għaliex bagħtu għand Melvin Theuma u x'kien daħħlu fih.
Huwa qal li ried jistaqsih ukoll jekk kienx qed jagħmel xi ħaġa minn taħt mal-Pulizija.
Fil-kontro-eżami, Camilleri ammetta wkoll li x-xhieda li ta llum ma taqbilx ma' ċerti partijiet mill-ewwel stqarrijiet li kien ta lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud, u spjega dan billi qal li dak iż-żmien "ma kont nafda lil ħadd."
Meta mistoqsi jekk kienx qal lill-Pulizija li kien jibża' li Keith Schembri seta' "jtajjru", Camilleri wieġeb:
"Iva. Kont nibża' minnu."
"Int kxift lil Keith?"
Ix-xhud irrakkonta wkoll episodju li qal li qatt ma nesa, meta darba, wara li ħareġ minn karozza fi Strada Stretta, ġie avviċinat minn persuna li ma kienx jaf.
Skont Camilleri, dik il-persuna staqsietu b'ton li beżżgħu:
"Int kxift lil Keith?"
Camilleri qal li aktar milli mistoqsija, ħassha bħala insinwazzjoni, u sostna li dak il-kliem ħallieh iħossu mhedded.
Tintemm ix-xhieda
Fl-aħħar tal-ġurnata ntemm il-kontro-eżami ta' Kenneth Camilleri.
Qabel tmiem is-seduta, il-prosekuzzjoni ppruvat tiċċara jekk il-biża' li kien qed jirreferi għaliha Camilleri kinitx marbuta ma' Keith Schembri jew ma' persuni oħra, iżda l-Imħallef Edwina Grima ma ħallietx lix-xhud iwieġeb, filwaqt li rrimarkat li kien diġà spjega li l-biża' tiegħu kienet marbuta maċ-ċirkostanzi li kien għadda minnhom.
Il-ġuri jkompli għada quddiem l-Imħallef Edwina Grima.
Hawnhekk jintemm il-kontro-eżami ta' Kenneth Camilleri, u magħluqa wkoll is-seduta tal-lum fil-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Il-proċeduri jkomplu għada filgħodu, meta l-Qorti mistennija tkompli tisma' aktar evidenza quddiem il-ġurati.
Grazzi talli segwejtu dan il-live blog matul il-ġurnata. Inkunu lura għada bl-aħħar aġġornamenti mill-Awla 22.
Wara l-kontro-eżami, il-prosekuzzjoni titlob lil Kenneth Camilleri jiċċara jekk, meta qal li kien iħossu mhedded, kienx qed jirreferi għal Keith Schembri jew għal persuni oħra.
Madankollu, l-Imħallef Edwina Grima ma tħallix lix-xhud iwieġeb, u tispjega li Camilleri kien diġà xehed li l-biża' tiegħu kienet marbuta maċ-ċirkostanzi li għadda minnhom, fosthom l-inċident fejn persuna mhux magħrufa avviċinatu wara li xehed fl-inkjesta pubblika.
B'dan, tintemm ix-xhieda ta' Kenneth Camilleri, filwaqt li l-membri tal-ġurija joħorġu mill-awla.
Fil-kontro-eżami, l-avukat Giannella DeMarco tistaqsi lil Kenneth Camilleri x'kien irid jiddiskuti ma' Keith Schembriwara l-laqgħa ma' Melvin Theuma.
Camilleri jwieġeb li ried jistaqsih, għaliex bagħtu għand Theuma u jekk kienx qed jagħmel xi ħaġa minn taħt mal-Pulizija.
Ix-xhud jgħid ukoll li pprova jasal għand Schembri permezz ta' Neville Gafà, iżda jemmen li Schembri kien qed jevitah u ma riedx ikellmu.
Il-kontro-eżami mbagħad idur fuq l-istqarrija li Camilleri kien ta lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud.
Camilleri jispjega li:
"Ma kont nafda lil ħadd. Kont nafda lil Arnaud, imma wara dak li ġrali l-Belt, ftit wara li xhedt fl-inkjesta pubblika, waqaft nafda lil kulħadd."
Meta DeMarco tistaqsih jekk kienx qal lill-Pulizija li kien jibża' li Keith Schembri seta' "jisplodih", Camilleri jwieġeb:
"Iva. Kont nibża' minnu."
L-avukat Giannella DeMarco tistaqsi lil Kenneth Camilleri x'kien eżattament talbu Melvin Theumawaqt il-laqgħa tagħhom fiż-Żurrieq.
Camilleri jwieġeb li Theuma talbu dwar il-bail tal-aħwa Degiorgio u semmielu wkoll "bagalja."
Ix-xhud jiċċara li Theuma qatt ma semma direttament il-flus, iżda jgħid li hu fehem li kien qed jirreferi għal bagalja mimlija flus.
Camilleri jgħid li Theuma qallu wkoll:
"Eħlisni minnhom."
Skont ix-xhud, huwa fehem li t-talba kienet tirreferi biex l-aħwa Degiorgio jingħataw il-bail u jitneħħew minn dik is-sitwazzjoni.
Jibda l-kontro-eżami mmexxi mill-avukat Giannella DeMarco, li tibda tistaqsi lil Kenneth Camilleri dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' Yorgen Fenech u Keith Schembri.
Camilleri jikkonferma li qatt ma kien jaf jew tkellem ma' Yorgen Fenech.
Id-difiża tfakkru li wara s-servizz tiegħu fil-Korp tal-Pulizija beda jaħdem fis-sigurtà tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u tistaqsih x'kariga kien jokkupa Keith Schembri dak iż-żmien.
Camilleri jwieġeb li Schembri kien Chief of Staff, u meta DeMarco tistaqsih jekk kienx persuna b'poter kbir, huwa jwieġeb:
"Naħseb."
Id-difiża mbagħad tirreferi għax-xhieda li ta aktar kmieni, fejn qal li Keith Schembri ċempillu filgħaxija u talbu jmur jikkalma persuna.
Camilleri jiċċara li Schembri qatt ma qallu biex imur f'dar partikolari, iżda sempliċement qallu li kien hemm persuna li kellha bżonn tiġi kkalmata.
Meta mbagħad ċempel lil Johann Cremona, Camilleri jgħid li qallu li Keith Schembri kien ċempillu u talbu biex imur jiġbru.
Mistoqsi jekk Johann Cremona kienx jaf fejn kellu jeħdu, Camilleri jwieġeb li iva, u jgħid li spiċċaw sejrin lejn id-dar ta' Melvin Theuma.
Meta DeMarco tistaqsih jekk minn dan kollu fehemx li Keith Schembri kien ikkuntattja wkoll lil Johann Cremona, Camilleri jwieġeb:
"Naqblu."
Godwin Cini jibda jistaqsi lil Kenneth Camilleri dwar stqarrija attribwita lil Yorgen Fenech, li fiha kien allegat li Keith Schembri bagħat lil Kenneth Camilleri biex joqtol lil Daphne Caruana Galizia.
Qabel ma x-xhud iwieġeb, l-Imħallef Edwina Grima tintervjeni u tiddeċiedi li tagħmel il-mistoqsija hija stess, filwaqt li tfakkru li għandu d-dritt ma jweġibx jekk iħoss li t-tweġiba tista' tinkriminah.
L-Imħallef staqsietu direttament:
"Keith Schembri bagħtek għand Melvin Theuma biex toqtol lil Daphne?"
Camilleri wieġeb mallewwel
"Le."
Il-Prosekutur Godwin Cini jikkonfronta lil Kenneth Camilleri b'differenzi bejn dak li qed jixhed illum fil-Qorti u dak li kien qal fl-ewwel stqarrijiet tiegħu lill-Assistent Kummissarju Keith Arnaud.
Camilleri jitlob lill-prosekuzzjoni tfakkru x'kien qal dak iż-żmien.
Cini jirrimarka li, fl-ewwel stqarrija tiegħu, Camilleri kien qal li fl-ewwel laqgħa ma' Melvin Theuma la kien ċempillu Keith Schembri u lanqas ma kien mar għalih Johann Cremona.
Camilleri jwieġeb:
"Dak li għidt dakinhar, għidtu."
Imbagħad iżid:
"Nista' ngħidlek għalfejn għidt dak li għidt."
Meta l-Imħallef Edwina Grima tistednu jispjega, Camilleri jwieġeb:
"Ma kont nafda lil ħadd."
Il-prosekuzzjoni mbagħad tirreferi għal stqarrija oħra li fiha Camilleri kien qal li Johann Cremona niżel waħdu mill-karozza biex ikellem lil Melvin Theuma, filwaqt li hu baqa' bilqiegħda fil-karozza u ma semax x'intqal.
Din il-verżjoni tmur kontra dak li Camilleri xehed illum quddiem il-ġurati.
Bi tweġiba, ix-xhud jinsisti:
"Illum qed ngħidlek il-fatti."
Kenneth Camilleri jixhed li, f'okkażjoni waħda, wara li ħareġ minn karozza fi Strada Stretta, il-Belt Valletta, ġie avviċinat minn persuna li ma kienx jafha.
Skont ix-xhud, il-persuna kellmitu b'ton li beżżgħu u staqsietu:
"Int kxift lil Keith?"
Camilleri jgħid li l-kumment kien aktar insinwazzjoni milli mistoqsija, u jżid li l-mod kif ġie indirizzat ħallieh iħossu mhedded.
"Bla ma trid, tiksaħ."
Kenneth Camilleri jixhed li, wara l-laqgħat ma' Melvin Theuma, ipprova diversi drabi jagħmel kuntatt ma' Keith Schembri u anke mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, iżda ma rnexxilux ikellimhom.
Ix-xhud jgħid li uża wkoll lil Neville Gafà biex jipprova jwassal messaġġ lil Keith Schembri, bil-għan li jiddiskutu dak li kien seħħ.
Camilleri jgħid li pprova wkoll jagħmel kuntatt ma' Joseph Muscat, iżda baqa' bla tweġiba. Jispjega li, wara li ma baqax jirnexxilu jkellem lil Schembri, waqaf imur għax-xogħol, għax ma kienx qed iħossu f'qagħda mentali tajba minħabba dak kollu li kien ġara.
Ix-xhud jgħid li talab ukoll lil Ray Barbara biex ikellem lil Muscat. Skont Camilleri, huwa jemmen li tkellem ukoll ma' Kurt Farrugia, li dak iż-żmien kien responsabbli mill-komunikazzjoni, u li dan mar jiltaqa' miegħu fil-Kwartieri tal-Partit Laburista.
Camilleri jgħid li lil Kurt Farrugia spjegalu li ried ikellem lil Joseph Muscat dwar Keith Schembri, iżda Farrugia qallu li dak li kellu xi jgħid kellu jgħidu direttament lill-Prim Ministru u mhux lilu.
Aktar tard, jgħid li Ray Barbara infurmah li Muscat kien se jkellmu jekk jidħol għax-xogħol.
Camilleri jixhed li mar ix-xogħol u ġie msejjaħ fl-uffiċċju ta' Joseph Muscat.
"Poġġejt u qalli: 'L-aħjar ma nkunx naf, tista' titlaq.'"
Ix-xhud jgħid li ma laħaq qal xejn, telaq mill-uffiċċju u qatt ma reġa' mar għax-xogħol.
F'dan il-punt intervjeniet l-Imħallef Edwina Grima, li qalet:
"Mintix tagħmel sens. X'ma riedx ikun jaf? Sur Camilleri, skużani, mintix tagħmel sens."
Camilleri wieġeb:
"Naf. Hekk qalli."
Meta l-Imħallef staqsietu kif Muscat seta' kien jaf x'ried jgħidlu jekk ma kienx semgħu, Camilleri wieġeb:
"Ma nafx. Ma lħaqtx għedtlu xejn."
Ix-xhud żied li lil Kurt Farrugia kien diġà qallu li ried ikellem lil Joseph Muscat dwar Keith Schembri.
Qabel il-membri tal-ġurija daħlu lura fl-awla, l-Imħallef Edwina Grima talbet lil dawk preżenti biex jiftakru fil-Pulizija Johann Vella, il-pulizija li ġie milqut waqt operazzjoni f’San Ġiljan.
L-Imħallef qalet li Vella kien serva wkoll fid-dmir tas-sigurtà fl-awla.
Wara dan, il-membri tal-ġurija daħlu fl-awla u s-seduta kompliet bix-xhieda ta' Kenneth Camilleri.
Wara madwar siegħa u nofs ta' waqfien, il-proċeduri jerġgħu jibdew fl-Awla 22.
Is-seduta kienet ġiet sospiża wara li membru tal-ġurija kellu joħroġ b'urġenza mill-awla, filwaqt li matul il-pawża kien hemm ukoll qtugħ qasir tad-dawl, li ġie rrestawrat ftit minuti wara.
Issa l-Qorti tkompli bix-xhieda ta' Kenneth Camilleri.
Waqt li s-seduta tinsab sospiża, jinqata' d-dawl fl-awla għal ftit minuti.
Ftit wara, iżda, il-provvista tal-elettriku terġa' lura għan-normal.
L-Imħallef Edwina Grima tissospendi s-seduta wara li membru tal-ġurija jkollu joħroġ mill-awla b'urġenza.
Il-proċeduri jieqfu temporanjament sakemm il-ġurat ikun jista' jirritorna u l-ġuri jkompli.
Kenneth Camilleri jkompli jixhed dwar laqgħa oħra li, skont hu, seħħet waqt li kien qed jaħdem mal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Ix-xhud jgħid li darba akkumpanja lil Muscat sal-Parlament u, waqt li kien qed jistenna, mar jieħu kafè f'kafetterija faċċata tal-bini tal-Parlament.
Camilleri jirrakkonta li Johann Cremona bagħat għalih biex jiltaqgħu, u qallu li seta' jingħaqad miegħu fil-kafetterija.
Meta wasal, Camilleri jgħid li sab lil Cremona flimkien ma' Melvin Theuma, li poġġew bilqiegħda ħdejh.
Skont ix-xhud, waqt dik il-laqgħa jiftakar li ssemma diskors dwar "bagalja" biex jeħilsu minn xi ħadd, iżda ma daħalx f'aktar dettall.
Camilleri jgħid li Theuma reġa' deher aġitat, iżda jinsisti li ma kellmux. Minflok, jgħid li wissa lil Johann Cremona biex ma jerġax jersaq lejh meta jkun ma' Theuma, qabel qam u telaq. Huwa qal li ma jiftakarx jekk din it-twissija għamilhielux proprju f'dak il-mument jew aktar tard.
Mistoqsi mill-Prosekutur Godwin Cini jekk qalx lil Theuma li ma setax jgħinu, Camilleri wieġeb:
"Le."
Meta ġie mistoqsi jekk qattx qal lil Theuma biex ma jerġax ikellmu, Camilleri wkoll wieġeb:
"Le."
Ix-xhud temm din il-parti tax-xhieda tiegħu billi qal:
"Dik kienet l-aħħar darba li ltqajt miegħu."
Merħba lura minn Awla 22
Il-proċeduri reġgħu bdew wara l-pawża ta' nofsinhar, u issa tkompli x-xhieda ta' Kenneth Camilleri, li qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-prosekuzzjoni fil-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Ibqgħu segwuna għall-aħħar żviluppi hekk kif iseħħu.
Il-proċeduri jerġgħu jibdew fit-3.00pm, meta mistennija tkompli tinstema' l-evidenza fil-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Ibqgħu segwuna għall-aħħar aġġornamenti hekk kif iseħħu.
Kenneth Camilleri jixhed li, waqt li kien qed jistenna fil-garaxx ta' Johann Cremona, b'mod mhux mistenni sab ruħu wiċċ imb wiċċ ma' Melvin Theuma.
Ix-xhud jgħid li Theuma deher fl-istess stat li kien rah fl-ewwel laqgħa tagħhom – imħasseb u f'paniku.
"Kien f'paniku," jgħid Camilleri lill-Qorti.
Camilleri jirrakkonta li Theuma pprova jkellmu, iżda waqqfu mill-ewwel.
"Għedtlu: 'La tersaqx lejja. M'hemmx għalfejn terġa' tkellimni.'"
Ix-xhud jgħid li dawwar dahru u telaq mill-garaxx minnufih, filwaqt li jinsisti li l-laqgħa damet biss ftit sekondi.
Skont Camilleri, Theuma deher nervuż u rrabjat, filwaqt li qal li t-tnejn kienu evidenti taħt pressjoni.
Meta mistoqsi x'intqal bejniethom, Camilleri jinsisti li bilkemm kien hemm konverżazzjoni qabel ma telaq.
Huwa jżid li wara l-ewwel laqgħa ma ried ikollu x'jaqsam xejn aktar ma' Theuma, u għalhekk telaq mill-ewwel.
Camilleri jiċċara wkoll li f'dik il-laqgħa Theuma ma semmiex il-bail, u li kien biss fit-tielet laqgħa bejniethom li reġa' fetaħ is-suġġett tal-bail tal-aħwa Degiorgio.
Kenneth Camilleri jkompli jixhed li ftit jiem wara l-ewwel laqgħa ma' Melvin Theuma, mar mingħajr avviż fil-garaxx ta' Johann Cremona.
Ix-xhud jgħid li għażel apposta li ma jċempillux minn qabel, għax beża' li Cremona seta' jevitah.
Camilleri jirrakkonta li, wara li daqq il-qanpiena, Cremona daħħlu ġewwa u ħadu fl-uffiċċju tiegħu.
"Ridt nistaqsih fejn kien ħadni dak il-lejl."
Madankollu, minflok wieġbu mill-ewwel, Camilleri jgħid li Cremona tbiegħed biex jippreparalu kafè.
Kenneth Camilleri jkompli jixhed li, waqt li Johann Cremona baqa' bilqiegħda fil-karozza, Melvin Theuma baqa' jsegwih u jinsisti miegħu dwar il-bail tal-aħwa Degiorgio.
Ix-xhud jgħid li Theuma baqa' jirrepeti t-talba tiegħu biex isir xi ħaġa dwar il-ħelsien tagħhom bil-bail.
Camilleri jgħid li, biex itemm il-konverżazzjoni u jitbiegħed minn Theuma, tah tweġiba vaga.
"Probabbilment għedtlu, 'Iva, naraw.' Ridt biss nitbiegħed minnu."
Ix-xhud jinsisti li qatt ma staqsa lil Theuma għaliex kien tant determinat li l-aħwa Degiorgio jingħataw il-bail, minkejja s-serjetà tal-akkużi kontrihom.
Camilleri jgħid ukoll li qatt ma emmen li Keith Schembri kellu s-setgħa jirranġa l-bail ta' xi ħadd.
Meta mistoqsi jekk huwiex ċert li Theuma kien talab l-għajnuna biex l-aħwa Degiorgio jingħataw il-bail, Camilleri jwieġeb b'mod kategoriku li iva.
Ix-xhud iżid li l-għada pprova jkellem lil Keith Schembri dwar dak li kien ġara, iżda jgħid li qatt ma ngħata l-opportunità.
"Kull darba li kont immur lejn l-uffiċċju tiegħu kienu jgħiduli, 'Ma jistax ikellmek.'"
Kenneth Camilleri jkompli jixhed dwar l-ewwel laqgħa ma' Melvin Theuma.
Ix-xhud jgħid li, wara li sema' t-talba dwar il-bail, tbiegħed minn Theuma u ċempel minnufih lil Keith Schembri.
Camilleri jispjega li, waqt li hu mar jagħmel it-telefonata, Johann Cremona baqa' fil-karozza, filwaqt li Melvin Theuma baqa' barra.
Skont Camilleri, hekk kif Keith Schembri wieġeb, qallu:
"Għandi bżonn nitkellem miegħek."
Madankollu, jgħid li Schembri lanqas biss tah iċ-ċans jispjega x'ġara.
"Qalli li kien f'laqgħa u qata' t-telefon."
Il-prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Kenneth Camilleri dwar l-ewwel laqgħa ma' Melvin Theuma.
Camilleri jixhed li, wara li waslu fid-destinazzjoni, Johann Cremona ċempel lil Theuma, u t-tnejn baqgħu jistennew fil-karozza sakemm ħareġ jiltaqa' magħhom.
Skont ix-xhud, Theuma deher irrabjat jew f'paniku.
Camilleri jgħid li Theuma mar mill-ewwel għall-punt u qalilhom:
"Ara x'tistgħu tagħmlu biex tirranġaw il-bail."
Ix-xhud jgħid li baqa' sorpriż meta sema' tissemma l-kelma "bail".
Theuma mbagħad spjegalu li kien qed jirreferi għall-aħwa Degiorgio.
Meta l-prosekuzzjoni staqsietu kif irreaġixxa għal dak li sema', Camilleri wieġeb fil-qosor:
"Ħadt xokk."
Camilleri jixhed li ma kellu l-ebda idea għaliex Johann Cremona kien ġie involut f'din il-laqgħa.
Huwa jgħid li ma kienx jaf jekk Cremona u Theuma kinux jafu lil xulxin, u lanqas ma kien jaf jekk Cremona kellux xi rabta ta' negozju ma' xi ħadd.
Ix-xhud jerġa' jisħaq li Keith Schembri tah struzzjonijiet sempliċi biss: iċempel lil Johann Cremona u jgħidlu jiġi jiġbru.
Meta mistoqsi jekk Cremona qattx staqsieh lejn min kienu sejrin, Camilleri jwieġeb:
"Le."
Camilleri jgħid li lill-Cremona qallu biss li Keith Schembri kien talbu jmorru jkellmu persuna biex jikkalmawha.
"Għedtlu: 'Ejja ġibni. Ċempilli Keith. Se mmorru naraw lil xi ħadd biex nikkalmawh. Naraw x'irid.'"
Ix-xhud jinsisti li qatt ma semma l-isem ta' Melvin Theuma.
Madankollu, jgħid li Cremona deher jaf eżatt fejn kellhom imorru, minkejja li hu ma kienx qallu l-lokalità.
"Qatt ma għedtlu fejn konna sejrin, imma b'xi mod kien jaf fejn kien il-post."
Camilleri jgħid li, hekk kif Cremona mar jiġbru, sempliċement beda jsuq lejn id-destinazzjoni.
Il-prosekuzzjoni tistaqsi lil Kenneth Camilleri għaliex, flok talab lil Johann Cremona n-numru ta' Melvin Theuma, insista li Cremona jmur jiġbru personalment.
Camilleri jwieġeb li kien sempliċement qed isegwi l-istruzzjonijiet li ngħata.
"Keith qalli ċempel lil Johann, għidlu jiġi jiġborni u mmorru. U hekk għamilt."
Meta l-Prosekutur Godwin Cini jinsisti u jistaqsih għaliex kien hemm bżonn li Johann Cremona jakkumpanjah, Camilleri jgħid li ma jafx.
"Saqsi lilu," iwieġeb ix-xhud.
Camilleri jżid li ma kinitx xi ħaġa mhux tas-soltu li Keith Schembri jitolbu jikkuntattja jew jiltaqa' ma' persuni f'ismu, u li Schembri rari kien jispjegalu r-raġuni.
"Jien ma kontx nistaqsi mistoqsijiet lil Keith Schembri."
Il-prosekuzzjoni ddawwar l-attenzjoni fuq ir-relazzjoni bejn Kenneth Camilleri u Johann Cremona.
Camilleri jixhed li l-ewwel sar jaf lil missier Johann Cremona, magħruf bħala "is-Sigar", lura fl-1994 meta kien għadu fil-Korp tal-Pulizija.
Huwa jgħid li baqgħu f'kuntatt matul is-snin u, aktar tard, sar jaf ukoll lil Johann Cremona.
Skont Camilleri, kien jgħaddi kultant mill-uffiċċju ta' Cremona f'Ħal Qormi biex jixrob espresso, kull meta kien ikun fl-inħawi.
"Kont inkun għaddej minn Ħal Qormi, niftakar li Johann ikun hemm, ngħid immur nieħu espresso. Nixorbu kafè, nitkellmu għal xi kwart ta' siegħa u nibqa' sejjer."
Ix-xhud jgħid li dawn iż-żjarat kienu jsiru darba jew darbtejn fix-xahar l-iktar, u jinsisti li kienu purament soċjali.
Jispjega wkoll li, apparti telefonata biex jara jekk setax jgħaddi għal kafè, qabel is-sajf tal-2018 il-kuntatt bejniethom kien limitat ħafna.
Il-prosekuzzjoni tkompli tistaqsi lil Kenneth Camilleri dwar ir-relazzjoni tiegħu ma' Keith Schembri.
Camilleri jispjega li sar jaf lil Schembri meta kien jagħmel parti mit-tim tas-sigurtà tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, iżda jinsisti li qatt ma kellhom relazzjoni mill-qrib.
"Konna naraw lil xulxin minn żmien għal żmien. Qatt ma konna qrib," jgħid ix-xhud.
Camilleri jispjega li, bħala parti mix-xogħol tiegħu, Schembri kultant kien jagħtih inkarigi relatati max-xogħol, fosthom arranġamenti tas-sigurtà meta ministri kienu jsiefru barra minn Malta.
Apparti dawn il-kompiti, jgħid li l-kuntatt bejniethom kien limitat, u li l-konverżazzjonijiet tagħhom kienu kważi dejjem marbuta max-xogħol.
"Insellmu lil xulxin u ngħidu kelmtejn imma fil-biċċa l-kbira konna nitkellmu biss fuq ix-xogħol."
Ix-xhud li jmiss huwa Kenneth Camilleri, li jgħid lill-ġurati li serva fil-Korp tal-Pulizija bejn l-1994 u l-2013, qabel ingħaqad mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru bħala membru mit-tim tas-sigurtà tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Camilleri jirrakkonta li, darba filgħaxija matul is-sajf tal-2019, għall-ħabta tas-7.00pm jew it-8.00pm, irċieva telefonata mingħand Keith Schembri.
Skont ix-xhud, Schembri qallu li kien hemm persuna li riedu jmur ikellem biex jipprova jikkalmaha.
Ix-xhud Mario Cordina ikompli jixhed dwar it-talba għal signal information relatata ma' mobile number li kien qed jiġi investigat.
Huwa jispjega li l-aħħar signal irreġistrat matul il-perjodu mitlub kien mill-Mellieħa, filwaqt li t-talba tal-Pulizija kienet tkopri perjodu matul Novembru tal-2019.
Fil-kontro-eżami, l-avukat tad-difiża Giannella DeMarco titlob lix-xhud jikkonferma li meta ħadem fuq ir-rapport ma kienx jaf lil min kien jappartjeni l-mobile number.
"Iva," iwieġeb Cordina.
Mistoqsi jekk l-aħħar attività li ġiet irreġistrata fir-rapport kinitx fil-5.03am tas-26 ta' Novembru 2019 fil-Mellieħa, Cordina jikkonferma li iva.
DeMarco mbagħad tistaqsih jekk it-talba tal-Pulizija kinitx limitata għall-informazzjoni disponibbli sat-23 ta' Diċembru 2019, u x-xhud jerġa' jwieġeb fl-affermattiv.
Meta mistoqsi jekk kienx hemm aktar attività fuq dak il-mobile wara dik id-data, Cordina jgħid li iva, iżda jispjega li dik l-informazzjoni ma kinitx parti mit-talba li rċevew, u għalhekk fir-rapport indikaw biss li kien hemm attività oħra mingħajr ma analizzawha.
Fuq il-pedana tax-xhieda jitla' Mario Cordina, li jispjega li huwa inġinier u li, fl-2019, kien jaħdem ma' Vodafone Malta(illum Epic).
Il-prosekuzzjoni turi diversi dokumenti u titlob lix-xhud jispjega l-informazzjoni teknika li fihom. Cordina jispjega kif jaħdem il-mobile network u kif, permezz ta' signal information, jista' jsir tentattiv biex jiġi lokalizzat mobile li jkun qed juża SIM card partikolari.
Ix-xhud jgħid li fl-2019 il-kumpanija tirċievi talba mill-Pulizija għal din l-informazzjoni. Huwa jispjega li t-talba ssir mis-Supretendent Keith Arnaud fit-23 ta' Diċembru 2019, filwaqt li r-rapport jitħejja fis-27 ta' Diċembru tal-istess sena.
Cordina jiċċara li t-talba ma tasalx direttament għandu, iżda lit-tim legali tal-kumpanija, li mbagħad jgħaddiha lit-tim tekniku.
Meta l-Prosekutur Godwin Cini jistaqsih jekk Keith Arnaud qattx ikkuntattjah personalment, Cordina jwieġeb:
"Mhux li niftakar."
Ix-xhud iżid li, meta jkun qed jaħdem fuq it-talba, ma jkollux informazzjoni dwar min ikun is-sid tas-SIM card, u għalhekk inizjalment ma jkunx jaf lil min tappartjeni.
Il-Qorti bdiet tisma' x-xhieda ta' Silvio Chetcuti, rappreżentant tal-Bank of Valletta, fil-kuntest tal-investigazzjoni dwar ħasil ta' flus marbuta ma' Melvin Theuma.
Fix-xhieda tiegħu, ġie kkonfermat li l-applikazzjoni ta' Theuma għal self ta' €100,000 kienet ġiet miċħuda mill-Bank of Valletta.
Il-proċeduri issa qed jiffukaw fuq l-evidenza finanzjarja marbuta mal-investigazzjoni dwar l-affarijiet finanzjarji ta' Theuma.
Il-proċeduri reġgħu bdew wara l-pawża, u Silvio Chetcuti, rappreżentant tal-Bank of Valletta, mistenni jkun ix-xhud li jmiss.
Madankollu, qabel beda x-xhieda tiegħu, l-avukati kollha ngħataw kopja tas-screenshot li Johann Cremona kien ħareġ minn butu qabel il-pawża.
Huwa proprju dan id-dokument li wassal għal mumenti ta' tensjoni fl-awla aktar kmieni dalgħodu u li dwaru l-Imħallef Edwina Grima ordnat li ssir investigazzjoni biex tiġi vverifikata l-awtentiċità tiegħu.
Pawża sal-11
L-Imħallef Edwina Grima ordnat li ssir investigazzjoni biex jiġi stabbilit jekk is-screenshot hijiex awtentika.
L-ordni ngħatat immedjatament wara li x-xhud ippreżenta d-dokument waqt il-kontro-eżami u għamel diversi allegazzjonijiet fil-konfront tal-avukat Charles Mercieca.
Wara l-inċident li fih ħareġ screenshot mill-but tiegħu, Johann Cremona kompla jagħmel allegazzjonijiet fl-awla.
Ix-xhud sostna li:
"Jekk tridu tkunu tafu xi ħaġa oħra, Dr Charles Mercieca u Gianluca marru jiltaqgħu ma' Keith Schembri lejlet ix-xhieda tiegħu fl-Ambaxxata Torka. Jaf għax qallu Keith Schembri."
Cremona mbagħad dar lejn l-avukat Charles Mercieca u qallu:
"Jekk taħseb li inti bravu ħafna, m'intix, Dr Charles."
B'leħen emozzjonat, ix-xhud kompla jinsisti li l-każ "kissirlu" u "fottielu ħajtu."
F'dan il-punt, l-avukat Giannella DeMarco rreaġixxiet b'kumment ironiku u qaltlu:
"Qed issir qisek Melvin."
F'mument ta' tensjoni fl-awla, Johann Cremona deher jiffrustra ruħu wara li lemaħ lill-avukat Charles Mercieca jidħaq.
F'daqqa waħda, Cremona waqqaf ix-xhieda tiegħu u qal:
"Trid nidħqu, Dr Mercieca? Ara kemm se nidħqu."
Ix-xhud imbagħad ħareġ karta minn butu, li qal kienet ilha hemm mill-ewwel jum tax-xhieda tiegħu u qal:
"Araw... din screenshot ta' konverżazzjoni bejn Charles Mercieca u Keith Schembri, fejn Charles bagħatlu selfie jawguralu, waqt li qed jirrappreżenta lil Yorgen Fenech."
B'leħen emozzjonat, Cremona kompla jgħid:
"Qazzistuni issa. Ilni nissaporti. Kissirtuni."
Ix-xhud żied li kien ilu jżomm dik il-karta fil-but mill-ewwel ġurnata tal-ġuri, u li kien ilu jżomm lura milli joħroġha, iżda qal li issa kien għejja.
Il-kontro-eżami kompla fuq il-messaġġi skambjati bejn Johann Cremona u Keith Schembri, li fihom it-tnejn kienu qed jitkellmu dwar jekk għandhomx jixhdu.
L-avukat tad-difiża Giannella DeMarco sostniet li, minn dawk il-messaġġi, Cremona u Schembri dehru qishom qed jaġixxu bħala tim, hekk kif kienu qed jiddiskutu li ma jitilgħux jixhdu għax kienu jemmnu li l-investigatur Keith Arnaud kien qed jimmirahom.
Meta DeMarco staqsietu jekk kienx iddiskuta x-xhieda tiegħu ma' Keith Schembri, Cremona ċaħad dan u wieġeb:
"Le. Jien għedtlu biss li meta staqsewni l-ewwel darba għedt li ma kont naf xejn. Imbagħad bdew joħorġu recording wara l-oħra. Qatt ma ddiskutejt ix-xhieda tiegħi miegħu. Staqsejtu biss jekk kienx se jitla' jixhed."
F'dan il-punt intervjeniet l-Imħallef Edwina Grima, li staqsiet lil Cremona għaliex kien qed jitkellem ma' Keith Schembri dwar il-każ.
Cremona wieġeb:
"Għax ma kelli lil ħadd aktar ma' min nitkellem."
L-Imħallef kompliet tistaqsih jekk kienx jemmen li Keith Schembri kien involut fil-każ.
Għal dan, Cremona wieġeb:
"Keith Schembri kien involut f'kollox."
Il-Qorti kompliet tisma' recording ieħor bejn Johann Cremona u Melvin Theuma, li fih Theuma jinstema' jagħmel riferiment għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Fl-awdjo, Theuma jinstema' jgħid li kien se "jġiegħel lil Joseph Muscat jagħmel taħtu" fil-Parlament, billi jġiegħel lill-Kap tal-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, Simon Busuttil, jagħmillu pressjoni waqt seduta parlamentari biex tingħata proklama presidenzjali lil xi ħadd u, fi kliemu, "jissolva l-każ."
Il-kontro-eżami kompla jiffoka fuq il-laqgħat bejn Kenneth Camilleri u Melvin Theuma.
Johann Cremona xehed li darba wassal lil Theuma sa daru fiż-Żurrieq, fejn Kenneth Camilleri baqa' jitkellem miegħu filwaqt li hu ma ndahalx fid-diskors.
Aktar tard, it-tnejn reġgħu ltaqgħu fl-uffiċċju ta' Cremona, fejn Theuma u Camilleri tkellmu għal ftit tal-ħin ħdejn magna tal-kafè, barra minn fejn seta' jismagħhom.
"Wara ndunajt li dik kienet aħbar ħażina," qal Cremona.
Ix-xhud irrakkonta li l-għada Theuma reġa' talab biex jiltaqa' ma' Kenneth Camilleri, u għalhekk ċemplilu biex jorganizzalhom laqgħa fi Pjazza Repubblika, il-Belt Valletta.
Cremona qal li lanqas f'dik il-laqgħa ma sema' x'kien qed jingħad bejniethom.
Madankollu, waqt li kien qed iħallas il-kafè, sema' lil Melvin Theuma jgħajjat irrabjat, fejn allegatament qal li kellhom:
"Jagħtuhom borża flus kull wieħed u jaħarbu."
Skont Cremona, Theuma kien qed jinsisti li kellhom jirranġaw il-bail tal-aħwa Degiorgio u jagħtu lil kull wieħed minnhom "borża flus" biex jaħarbu.
Ix-xhud qal li kien biss wara l-ewwel, it-tieni u t-tielet laqgħa li beda jinduna li kien hemm xi ħaġa għaddejja, għalkemm sostna li dak iż-żmien ma kienx jifhem eżatt min kien involut.
Min-naħa tagħha, id-difiża sostniet li f'dak il-perjodu Melvin Theuma stess kien għadu mhux ċert jekk Yorgen Fenech kienx tassew involut, jew jekk l-aħwa Degiorgio kinux sempliċement qed jużaw ismu biex jieħdu aktar flus.
Id-difiża tinsisti li x-xhud kien qed jipprova jdawwar lil Melvin Theuma kontra Yorgen Fenech.
Cremona ċaħad dan u qal li Theuma kien imur għandu rrabjat u jċanfar kull darba li ma kienx jirnexxielu jagħmel kuntatt ma' Yorgen Fenech.
"Qed tippruvaw ipinġuni bħala wieħed li kien kontra Yorgen. Ma kontx," qal Cremona lid-difiża.
L-avukat Giannella DeMarco mbagħad qrat silta minn wieħed mir-recordings sigrieti ta' Theuma, fejn Cremona jinstema' jgħid:
"Kif Keith bagħat lil Kenneth (Camilleri) biex jikkalmak u jużani, illum se tużani int ukoll."
Id-difiża rrimarkat li f'dik il-konverżazzjoni Melvin Theuma qatt ma jsemmi lil Keith Schembri.
Bi tweġiba, Cremona qal li mill-ewwel jum Theuma kien dejjem jinsisti miegħu li Kenneth Camilleri kien intbagħat minn Keith Schembri, u għalhekk hu ma setax jgħidlu mod ieħor.
Madankollu, żied jgħid li fil-verità Kenneth Camilleri kien ġie minn Kastilja, qabel temm jgħid:
"Mhux se nigdeb jew noħroġ għonqi biex nipproteġi lil ħadd."
Il-kontro-eżami ta' Johann Cremona kompla jiffoka fuq il-kuntatti tiegħu ma' Yorgen Fenech u Keith Schembri.
Ix-xhud qal li kien hemm mument meta erba' persuni differenti kienu qed jippruvaw jikkuntattjaw lil Yorgen Fenech mingħajr suċċess, tant li Keith Schembri spiċċa ċemplu lilu għax ħadd ma kien qed jirnexxielu jaqbad lil Fenech.
Cremona żied ukoll li, f'okkażjoni oħra, l-eks kap tal-Unità Kontra l-Ħasil tal-Flus tal-Korp tal-Pulizija, Ray Aquilina, kien staqsieh għan-numru tat-telefon ta' Yorgen Fenech.
B'referenza għall-kontro-eżami tal-bieraħ, Cremona qal lill-avukat tad-difiża:
"Ilbieraħ għedtli li għandi qalb tad-deheb. X'ridt nagħmel? Ikolli qalb tal-ħadid?"
Il-kontro-eżami ta' Johann Cremona kompla bl-avukat tad-difiża Giannella DeMarco terġa' tiffoka fuq il-kuntatti tiegħu mal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri.
DeMarco rrimarkat li Schembri kien ikkuntattjah f'Settembru tal-2019, u staqsietu jekk kienx ċempillu.
Cremona wieġeb li:
"Keith Schembri ċempilli biss għax ma rnexxilux isib lil Yorgen."
Id-difiża mbagħad għaddiet għan-numru tat-telefon ta' Schembri.
Meta ġie mistoqsi jekk kellux in-numru tiegħu, Cremona wieġeb li le, u spjega li kien Schembri li ċemplu.
DeMarco mbagħad staqsietu jekk żammx in-numru wara dik it-telefonata, b'Cremona jwieġeb:
"Iva."
Il-ġurnata t-tajba u merħba għal ġurnata oħra ta' aġġornamenti live mill-Awla 22, fejn illum ikompli l-ġuri dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Il-membri tal-ġurija daħlu lura fl-awla u, wieħed wieħed, sellmu lill-Imħallef Edwina Grima qabel ħadu posthom.
Issa qed jerġa' jibda l-kontro-eżami ta' Johann Cremona, li mistenni jkompli jwieġeb għall-mistoqsijiet tad-difiża wara diversi ġranet ta' xhieda u recordings li nstemgħu fil-Qorti.
Segwu magħna għall-aħħar żviluppi hekk kif iseħħu.