Il-ġurati fil-ġuri ta' Yorgen Fenech komplew jisimgħu sensiela ta' recordings irreġistrati bil-moħbi minn Melvin Theuma, fosthom waħda li fiha l-middleman fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia jinstema' jgħid li, jekk il-pulizija kellha tmur għalih, kien lest "iniżżel" lil Yorgen Fenech miegħu.
Fir-recording, Theuma jinstema' jgħid li jekk il-pulizija tfittxu d-dar, kien se javża lil Fenech u jgħidlu: "Jekk ninżel jien, inniżżel lilek ukoll."
Aktar tard fl-istess konverżazzjoni, Theuma jżid li "hu għandu muntanja u jien għandi ċagħqa", fejn Johann Cremona spjega lill-ġurati li Theuma kien qed iqabbel is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma' dik ta' Fenech.
Is-seduta tal-lum kienet ukoll ikkaratterizzata minn problemi tekniċi serji, hekk kif qtugħ ta' dawl waqqaf il-proċeduri għal madwar siegħa. Is-sitwazzjoni kompliet tikkomplika ruħha meta l-generator tal-Qorti ma ħadimx, u wassal biex il-ġurati, il-partijiet u l-ġurnalisti kellhom jistennew qabel is-seduta setgħet tkompli. Minkejja li l-proċeduri reġgħu bdew, il-problemi fil-ħoss komplew jippersistu, u f'diversi mumenti r-recordings ma setgħux jinstemgħu b'mod ċar mill-gallarija tal-Qorti.
Matul il-ġurnata, il-prosekuzzjoni kompliet tgħaddi recording wara l-ieħor, filwaqt li Cremona kien mitlub jispjega l-kliem li kien jgħid lil Theuma.
Fost l-aktar punti li spikkaw, Cremona tenna għal bosta drabi li ħafna minn dak li kien jgħid lil Theuma kien "bluff" jew stejjer ivvintati biex jikkalma lill-middleman, li skont hu kien jgħix fi stat kostanti ta' paniku.
F'waħda mill-konverżazzjonijiet, Cremona jinstema' jispjega lil Theuma kif ibiddel is-settings ta' applikazzjoni fuq il-mobile biex il-messaġġi jitħassru awtomatikament wara 30 minuta. Quddiem il-ġurati, huwa qal li ħafna minn dak li kien jgħid f'dawn il-konverżazzjonijiet kien maħsub biss biex iserraħ ras Theuma.
F'recording ieħor, Cremona jinstema' jgħid li kien se javża lil Kenneth Camilleri biex ma jibqax iċemplulu dwar Theuma għax, jekk issirlu raid, kien se "jikxef kollox". Ix-xhud sostna li lanqas dik it-telefonata ma kellha ssir u li kienet parti mill-istess bluff.
Il-Qorti semgħet ukoll recording li fih Cremona jgħid lil Theuma li "iċ-ċavetta qiegħda f'idejk". Meta ġie mistoqsi dwar din il-frażi, spjega li kien qed jirreferi għar-recordings li Theuma kellu fil-pussess tiegħu u li, skont dak li kien qalulu Theuma, kienu magħrufa wkoll mill-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.
F'punt ieħor, il-prosekuzzjoni rreferiet għal recording li fih Cremona jgħid li "ma jafx li mejta agħar minn ħajja." Ix-xhud ikkonferma li f'dik il-frażi kien qed jirreferi għal Daphne Caruana Galizia.
Il-prosekuzzjoni semmiet ukoll recording li fih Theuma jgħid li kellhom jibqgħu jagħtu €1,000 fil-ġimgħa, filwaqt li jistaqsi x'kienu €1,000 għal Yorgen Fenech. Cremona spjega li, skont dak li kien qalulu Theuma, dawn kienu pagamenti li kienu qed isiru lill-aħwa Degiorgio.
F'recording ieħor, Cremona jinstema' jgħid lil Theuma li ma kellux jidher ma' Yorgen Fenech għal sena. Quddiem il-Qorti, ix-xhud sostna li anke dak kien kliem ivvintat u li qatt ma kellu xi informazzjoni jew intelligence li Fenech kien qed jiġi osservat.
Il-prosekuzzjoni kompliet tikkontesta diversi spjegazzjonijiet mogħtija minn Cremona, b'mod partikolari meta dan insista li ma kienx jiftakar għal min kien qed jirreferi f'ċerti recordings jew li kien qed iħawwad bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech.
F'mument partikolari, l-Imħallef Edwina Grima interveniet meta Cremona sostna li kien qed jagħmel "bluff" dwar twissija li Vince Muscat, il-Koħħu, kien se jibdel il-verżjoni tiegħu. L-Imħallef osservat li dak li kien qal Cremona fir-recording fil-fatt seħħ, iżda x-xhud baqa' jinsisti li kien ivvintah u li ma setax ikun jaf x'se jiġri.
Is-seduta rat ukoll diversi mumenti ta' tensjoni bejn Cremona u l-prosekuzzjoni, tant li f'aktar minn okkażjoni kellha tintervjeni l-Imħallef Grima. F'ħin minnhom wissiet lill-prosekutur Godwin Cini biex ma jargumentax max-xhud, filwaqt li aktar kmieni kienet ukoll indirizzat kwistjoni mqajma mid-difiża dwar kummenti li kienu qed isiru mill-avukat tal-parte civile, Jason Azzopardi.
🔴 DIRETT
Ix-xhieda ta' Johann Cremona għadha ma ntemmitx u mistennija tkompli quddiem il-ġurati fis-seduta li jmiss.
Hawnhekk tintemm is-seduta tal-lum, wara ġurnata oħra twila ta' xhieda minn Johann Cremona, li matulha l-Qorti kompliet tisma' diversi recordings bejn ix-xhud u Melvin Theuma.
Il-ġuri jitkompla għada, meta Cremona mistenni jkompli bix-xhieda tiegħu quddiem il-ġurati.
Nittamaw li għada l-proċeduri jimxu mingħajr aktar qtugħ ta' dawl u interruzzjonijiet tekniċi. Grazzi talli segwejtuna.
Il-Qorti għaddiet għal recording ieħor li fih Johann Cremona jinstema' jgħid lil Melvin Theuma:
"Taf li l-Koħħu kixfek? Għada se jmur għand Keith Arnaud."
Meta ġie mistoqsi dwar din il-konverżazzjoni, Cremona qal li dak iż-żmien kien irċieva ittra li kienet tinkludi din l-informazzjoni. Madankollu, sostna li ma jiftakarx il-kontenut tagħha u lanqas meta eżatt irċeviha, għalkemm qal li setgħet waslitlu fl-istess jum li fih ġiet irreġistrata l-konverżazzjoni.
Aktar tard, il-prosekuzzjoni rreferiet għal silta oħra fejn Cremona kien qal lil Theuma li Vince Muscat, il-Koħħu, kien se jibdel il-verżjoni tal-ġrajjiet.
Bħalma għamel f'recordings oħra, Cremona sostna li kien qed jagħmel "bluff" u li kien ivvinta dak li qal lil Theuma.
Madankollu, l-Imħallef Edwina Grima intervjeniet, u osservat li dak li kien wissa dwaru Cremona fil-fatt seħħ.
Minkejja dan, Cremona baqa' jinsisti li ma kellu l-ebda għarfien minn qabel u li kien sempliċement ivvinta dak il-kliem, mingħajr ma kien jaf li aktar tard kien se jirriżulta minnu.
Il-Qorti semgħet recording ieħor li fih Johann Cremona jagħti parir lil Melvin Theuma biex josserva x'kien qed jagħmel Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu.
Fil-konverżazzjoni, Cremona jinstema' jgħid:
"Ara x'għamel il-Koħħu. L-ewwel għamluh jagħmel dak kollu u issa se jaħarbilu."
Meta ġie mistoqsi dwar il-kuntest ta' dan il-kliem, Cremona spjega li kien qed jirreferi għal Vince Muscat u l-avukat tiegħu ta' dak iż-żmien, Arthur Azzopardi.
Skont ix-xhud, ir-referenza kienet għall-fatt li Azzopardi kien qed jinnegozja proklama għal Muscat iżda sussegwentement irriżenja mill-każ.
Il-prosekuzzjoni ppreżentat dokument li, skont Johann Cremona, kien formola relatata ma' bank li Melvin Theuma kien tah.
Ix-xhud qal li minn dak il-mument 'il quddiem Theuma beda jafdah inqas, u sostna li "inbidel qisu dawwar switch", tant li beda javviċinah b'mod aktar aggressiv.
Il-Qorti semgħet ukoll recording ieħor li fih Cremona jwissi lil Theuma biex joqgħod 'il bogħod minn Yorgen Fenech, u jgħidlu:
"M'għandkomx tidhru flimkien għal sena."
Il-prosekuzzjoni staqsiet lil Cremona fuq liema informazzjoni kien ibbaża dan il-parir u min allegatament kien qed isegwi lil Fenech.
Cremona wieġeb li kien ivvinta kollox, filwaqt li tenna li qatt ma kellu xi informazzjoni jew intelligence li Yorgen Fenech kien qed jiġi osservat.
Il-Qorti semgħet recording ieħor li fih Johann Cremona jinstema' jħeġġeġ lil Melvin Theuma biex ma jgħaġġilx minħabba d-data.
Meta ġie mistoqsi dwar il-kuntest, Cremona spjega li Theuma kien qed jistenna li l-pulizija tagħmel raid fuqu, u għalhekk kien jinsab taħt pressjoni kbira.
Fl-istess recording, Theuma jinstema' jgħid:
"Se nniżżlu miegħi, se nniżżel kollox. Hu għandu muntanja u jien għandi ċagħqa."
Quddiem il-ġurati, Cremona spjega li Theuma kien qed iqabbel is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu ma' dik ta' Yorgen Fenech, filwaqt li sostna li Fenech kien miljunarju u Theuma le.
Il-prosekuzzjoni kompliet tanalizza recording ieħor li fih Johann Cremona jinstema' jgħid:
"Ma jafx li mejta agħar minn ħajja."
Meta ġie mistoqsi dwar din il-frażi, Cremona kkonferma li kien qed jirreferi għal Daphne Caruana Galizia.
Ma ngħatawx aktar dettalji fil-Qorti dwar il-kuntest li fih saret din id-dikjarazzjoni, filwaqt li l-prosekuzzjoni kompliet bl-eżami tar-recordings.
Il-prosekuzzjoni kompliet tirreferi għal recording ieħor li fih Melvin Theuma jinstema' jgħid:
"Jien għalija maqbud, lest."
Quddiem il-ġurati, Johann Cremona qal li, sa fejn fehem hu, Theuma kien qed jirreferi għal Yorgen Fenech.
Madankollu, ix-xhud ammetta li f'ħafna mill-konverżazzjonijiet kien qed iħawwad fir-referenzi tiegħu, tant li xi drabi kien ikun qed jitkellem dwar Melvin Theuma u drabi oħra dwar Yorgen Fenech.
Matul il-mistoqsijiet, kemm il-prosekuzzjoni kif ukoll l-avukati tal-parte civile dehru jesprimu frustrazzjoni hekk kif Cremona kompla jwieġeb li ma kienx jiftakar jew ma kienx jaf għal min kienet qed tirreferi parti mill-konverżazzjonijiet li qed jinstemgħu fil-Qorti.
Il-prosekuzzjoni kompliet tanalizza recording ieħor li fih Johann Cremona jinstema' jgħid lil Melvin Theuma:
"Il-mobile ma tistax iżżommu inti. Jekk titfih, jinqala' l-inkwiet... titilfuhx, għax inkella jkunu jafu li ħareġ leak."
Meta ġie mistoqsi dwar din il-konverżazzjoni, Cremona reġa' tenna li dak il-kliem ma kienx ibbażat fuq informazzjoni li kellu, iżda kien qed "jonfoħ l-istejjer" biex jikkalma lil Theuma, li dak iż-żmien, skont hu, kien jgħix fi stat kostanti ta' paniku.
Il-prosekuzzjoni rreferiet għal silta oħra mir-recordings fejn jinstema' jingħad:
"Li daru fuq Yorgen għax Yorgen mhux qiegħed sew... qed jibżgħu minnu."
Meta ġie mistoqsi għal min kienet qed tirreferi l-kelma "jibżgħu", Johann Cremona qal li kien qed jirreferi għal persuni f'Kastilja, filwaqt li żied li kien qed jitkellem dwar xi ħadd mill-Gvern.
Meta l-prosekuzzjoni kompliet tistaqsih min kien qed isemmi, Cremona wieġeb li Keith Schembri kien dejjem jissemma fil-konverżazzjonijiet.
Il-prosekuzzjoni kompliet tanalizza r-recordings, fejn f'waħda mill-konverżazzjonijiet jissemma Edgar Brincat, magħruf bħala l-Ġojja, flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija.
Meta ġie mistoqsi dwar dan, Johann Cremona qal li, sa fejn jiftakar hu, iż-żewġ persuni kienu mistennija jiltaqgħu ftit jiem qabel dik il-konverżazzjoni.
Aktar tard fl-istess recording, Melvin Theuma jinstema' jgħid li kien se "jikxifhom."
Meta l-prosekuzzjoni staqsiet lil Cremona għal min kien qed jirreferi Theuma, ix-xhud qal li jaħseb li kienet referenza għal Yorgen Fenech u Keith Schembri.
Il-prosekuzzjoni kompliet b'recording ieħor li fih Johann Cremona jinstema' jgħid li kien se javża lil Kenneth Camilleri biex ma jibqax iċemplulu dwar Melvin Theuma.
Fir-recording, Cremona jgħid li kien se jgħidlu:
"Tċempillix aktar fuqu. Hu determinat. Jekk jagħmlulu raid, se jikxef kollox."
Meta ġie mistoqsi dwar din il-konverżazzjoni, Cremona qal li qatt ma kellu l-intenzjoni jagħmel dik it-telefonata, u sostna li kien qed jagħmilha ta' bluff biex jikkalma lil Theuma.
Il-prosekuzzjoni qrat silta oħra minn recording li fih Melvin Theuma jinstema' jitkellem dwar x'seta' jagħmel jekk il-pulizija tmur tfittxu d-dar.
Fil-konverżazzjoni, Theuma jgħid li kien se javża lil Yorgen Fenech, u jżid li jekk hu kien se "jinżel", kien se jdaħħal lilu wkoll miegħu.
Il-Qorti semgħet ukoll recording ieħor li fih Johann Cremona jinstema' jispjega lil Theuma kif ibiddel is-settings ta' applikazzjoni fuq il-mobile, sabiex il-messaġġi jitħassru awtomatikament wara 30 minuta.
Il-Qorti semgħet silta oħra mir-recordings bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.
F'din il-konverżazzjoni, Theuma jinstema' jgħid li kellhom jibqgħu jagħtu €1,000 fil-ġimgħa, u jistaqsi:
"X'inhuma €1,000 fil-ġimgħa għal Yorgen?"
Quddiem il-ġurati, Cremona spjega li din kienet referenza għall-flus li, skont Theuma, kienu qed jitħallsu lill-aħwa Degiorgio.
F'silta oħra tal-istess recording, Cremona jinstema' jgħid lil Theuma:
"Ma rridx li ssir il-problema tiegħu. Għax se jgħejja bik, u ma rridx li jgħejja bik."
Meta ġie mistoqsi għal min kien qed jirreferi, Cremona kkonferma li kien qed jitkellem dwar Yorgen Fenech
Il-Qorti kompliet tisma' r-recordings tal-konverżazzjonijiet bejn Johann Cremona u Melvin Theuma, għalkemm il-problemi fil-ħoss għadhom qed jagħmluha diffiċli għall-ġurnalisti fil-gallarija biex isegwu dak li qed jingħad.
Skont il-prosekuzzjoni, f'waħda mis-siltiet Cremona jinstema' jgħid:
"Jekk isemmik il-Koħħu, x'ħa jiġri?"
Meta mbagħad il-prosekuzzjoni rreferiet għal parti oħra fejn Theuma jgħidlu "ċempillu waħda", Cremona qal li ma setax jikkonferma għal min kienet qed issir ir-referenza.
Tul il-mistoqsijiet, ix-xhud sostna wkoll li f'ċerti partijiet tar-recordings lanqas hu stess ma kien qed jifhem għal liema kummenti kienet qed tirreferi l-prosekuzzjoni.
Is-seduta terġa' tibda wara dewmien ikkawżat minn qtugħ ta' dawl
Is-seduta reġgħet bdiet wara waqfa itwal milli kien ippjanat, hekk kif il-proċeduri sfaw imfixkla minn qtugħ ta' dawl, filwaqt li l-ġenerator tal-Qorti ma ħadimx kif suppost.
L-Imħallef, il-ġurati u l-partijiet issa reġgħu daħlu fl-awla, fejn mistennija tkompli x-xhieda ta' Johann Cremona.
Il-prosekuzzjoni kompliet tistaqsi lil Johann Cremona dwar ritratt li, skont ix-xhieda tiegħu, kien irċieva mingħand Yorgen Fenech u li allegatament kellu rabta mal-każ.
Cremona qal li ma jafx għaliex Fenech bagħatlu dak ir-ritratt, għalkemm spekula li seta' kien mod kif jurih li kien jaf li hu kien qed jisimgħu ċerti dettalji mingħand Melvin Theuma.
Il-prosekuzzjoni staqsiet kif seta' jkun li, minkejja li jgħid li qatt ma tkellem ma' Fenech dwar il-każ, xorta rċieva dak ir-ritratt.
L-iskambju bejn il-prosekutur Godwin Cini u x-xhud sar aktar tensjonat, tant li l-Imħallef Edwina Grima interveniet u wissiet lill-prosekutur biex ma jargumentax max-xhud.
Min-naħa tiegħu, Cremona qal li ma kienx qed jifhem għaliex il-prosekuzzjoni dehret li ma kinitx qed temmnu, filwaqt li Cini wieġeb li kien qed jagħmel xogħlu.
Is-seduta ġiet interrotta għal ftit wara li qamet kwistjoni bejn id-difiża u l-prosekuzzjoni dwar il-mod kif kien qed jintervjeni l-avukat tal-parte civile, Jason Azzopardi.
Id-difiża sostniet li, minħabba t-tqassim tal-awla, Azzopardi seta' jinstema' mix-xhud waqt li kien qed jitkellem mal-prosekuzzjoni, u qajmet oġġezzjoni dwar dan.
L-Imħallef Edwina Grima intervjeniet u talbet lil Azzopardi biex jitkellem aktar bil-mod, sabiex il-kummenti tiegħu ma jinstemgħux waqt il-proċeduri.
Min-naħa tiegħu, Azzopardi spjega li kien sempliċement qed jitkellem mal-avukat tal-prosekuzzjoni u mhux max-xhud.
Il-prosekuzzjoni kompliet tanalizza recordings oħra bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.
F'waħda mis-siltiet li nstemgħu, Cremona jgħid:
"Idejjaqni r-responsabbiltà tal-flus. mur itolbu"
Quddiem il-ġurati, huwa kkonferma li kien qed jirreferi għal Yorgen Fenech.
F'parti oħra tar-recording, Theuma jinstema' jgħid:
"Lil Kenneth lagħbuh...'"
Meta ġie mistoqsi dwar il-kuntest ta' din il-konverżazzjoni, Cremona qal li dak kollu li kien jgħid lil Theuma kien "bluff", u li kien qed jipprova jikkalmah.
Il-prosekuzzjoni rreferiet ukoll għal silta oħra fejn Cremona jinstema' jgħid lil Theuma:
"Mhux se jħallik tweġġa'."
Ix-xhud spjega li kien qed jirreferi għal Yorgen Fenech, u sostna li dak il-kliem kien parti mill-isforz tiegħu biex iserraħ ras Theuma, li dak iż-żmien kien jgħix fi stat ta' paniku.
Il-Qorti kompliet tisma' recordings oħra bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.
F'waħda mill-konverżazzjonijiet, Theuma jinstema' jgħid li kien għad baqa maltempata.
F'silta oħra jżid:
"Ma nafx kemm tista' tingħalaq fuq Cardona għax Cardona jaf fuqhom,"
u aktar tard:
"Jien hekk irrid, kellha bżonn tisplodi."
Cremona jinstema' jwieġbu:
"Din trid tisplodi bilfors... però serraħ moħħok, Cardona jlaqqatha."
Meta ġie mistoqsi dwar dawn il-kummenti, Cremona qal li kien qed jivvinta biex ikompli jikkalma lil Melvin Theuma, u talab skuża lill-persuni kollha li ssemmew fir-recordings, filwaqt li sostna li ma kienx qed jitkellem fuq fatti magħrufa minnu.
Ir-recordings bejn Johann Cremona u Melvin Theuma komplew jinstemgħu fil-Qorti, b'Theuma jinstema' jgħid, fost l-oħrajn:
"Lil Arthur Azzopardi xtrawh."
F'silta oħra, Theuma jinstema' jgħid:
"Ħa ngħid lil Yorgen, ħa ngħidlu sib bniedem... jien imradt, Jo... It-Tlieta nkellmu, jien għajjejtu moħħi."
Quddiem il-ġurati, Cremona kkonferma li dawn il-kliem instemgħu fil-konverżazzjoni.
Il-prosekuzzjoni mbagħad irreferiet għal parti oħra tar-recording fejn Cremona jgħid:
"Jekk nagħmel xi ħaġa ma' Arthur Azzopardi, mhux għalihom imma għalik."
Meta ġie mistoqsi min kienu "għalihom", Cremona spjega li kien qed jirreferi għal Keith Schembri u Yorgen Fenech.
L-Imħallef Edwina Grima daħlet fl-awla, u wara l-ġurati.
Is-seduta issa reġgħet bdiet u mistennija tkompli bix-xhieda ta' Johann Cremona.
Għaddew madwar 30 minuta minn meta l-partijiet reġgħu daħlu fl-awla, iżda l-proċeduri għadhom ma reġgħux bdew.
S'issa ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għalfejn
Qabel l-interruzzjoni kkawżata mill-qtugħ tad-dawl, il-prosekuzzjoni kompliet tanalizza r-recordings bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.
F'waħda mis-siltiet li nstemgħu fl-awla, Cremona jgħid:
"Ara biss tgħidli li ma għandux moħħ... ma għandux moħħ qallek dik il-kelma?"
Meta ġie mistoqsi dwar din il-konverżazzjoni, Cremona qal li ma jarax kif din għandha x'taqsam mal-każ tal-qtil, u sostna li kienet marbuta ma' kwistjonijiet tan-negozju tiegħu ma' Yorgen Fenech.
Viżibilment frustrat bl-andament tal-eżami, Cremona qal lill-prosekuzzjoni:
"Qed tipprovaw tkissruni. Ġa għidtilkom kollox."
Il-prosekutur Godwin Cini mbagħad irrefera għal ritratti li, skont ir-recordings, Melvin Theuma kien jibgħatlu minn barra d-Depot tal-Pulizija, filwaqt li kien jgħidlu li "se jmur jikxef kollox."
Meta ġie mistoqsi għaliex ma ħalliehx jagħmel dan, Cremona wieġeb li dak iż-żmien kien qed jaħseb ukoll fl-interessi tan-negozju li kellu ma' Yorgen Fenech.
Is-seduta waqfet għal ftit minuti wara qtugħ ta' dawl fl-awla tal-Qorti.
Wara interruzzjoni qasira, il-proċeduri mistennija jkomplu hekk kif tiġi solvuta l-problema teknika.
Il-prosekuzzjoni kompliet iddoqq recordings oħra bejn Johann Cremona u Melvin Theuma, irreġistrati fil-garaxx ta' Ħal Qormi li kien iservi bħala l-uffiċċju ta' Cremona.
F'waħda mill-konverżazzjonijiet, Cremona jinstema' jgħid:
"Mal-ħin kull sena bdew jibgħatuli 49... jien bdejt ngħidilhom jibgħatuli 49.9."
Meta ġie mistoqsi dwar x'kien qed jirreferi għalih, Cremona spjega li d-diskors kien marbut esklussivament man-negozju tiegħu, u mhux mal-investigazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.
Quddiem il-ġurati qal li l-kumpanija tiegħu u ta' Yorgen Fenech kienet għaddejja minn diffikultajiet finanzjarji, u allega li kien qed iħallas taxxa ta' 25%, filwaqt li sostna li Fenech kien għamillu ħsara finanzjarja.
Fir-recording jinstema' wkoll jgħid:
"Għandu jtini l-450 li seraqli."
Cremona spjega li, sa dak il-punt, kien għajjien mis-sitwazzjoni u ried jagħlaq dik il-kwistjoni.
Huwa żied li meta fir-recording qal lil Theuma "eħles din il-biċċa xogħol", kien qed jirreferi għat-twemmin ta' Theuma li kien se joħroġ mill-problemi li kien jinsab fihom, u mhux għal xi azzjoni marbuta mal-każ tal-qtil.
Il-prosekuzzjoni talbet lil Johann Cremona jikkjarifika jekk qattx saret laqgħa bejn Kenneth Camilleri u l-eks Kummissarju Lawrence Cutajar, jew bejn Cutajar u Edgar Brincat, magħruf bħala l-Ġojja.
Cremona wieġeb li ma riedx idaħħal persuni li, skont hu, ma kellhomx x'jaqsmu mal-każ, u qal:
"Ma għandhomx jidħlu nies li ma għandhomx x'jaqsmu."
Meta mbagħad ġie mistoqsi jekk hu stess qatt iltaqax ma' Kenneth Camilleri f'dak il-kuntest, Cremona ċaħad li qatt saret tali laqgħa.
Tul l-eżami, Cremona rrepeta għal diversi drabi lill-prosekutur Godwin Cini li, għal ċerti mistoqsijiet, għandu jistaqsi lil Melvin.
Matul il-konverżazzjonijiet li qed jiġu analizzati fil-Qorti reġa' ssemma wkoll l-eks Kummissarju tal-Pulizija Raymond Aquilina.
It-tensjoni fl-awla żdiedet meta Johann Cremona għolla leħnu u wera d-diżappunt tiegħu bil-mod kif kienet qed issir il-kontro-eżami.
Ix-xhud akkuża lill-prosekuzzjoni li kienet qed tagħmillu pressjoni biex isemmi lil Yorgen Fenech għal diversi drabi, minkejja li kien diġà wieġeb il-mistoqsijiet dwaru.
Cremona qal li diġà jinsab f'sitwazzjoni diffiċli ħafna, u sostna li ma kienx ġust li fuqu titkompla tiżdied il-pressjoni waqt ix-xhieda.
L-iskambju bejn Cremona u l-prosekutur Godwin Cini sar tant aħrax li kellha tintervjeni l-Imħallef Edwina Grimabiex terġa' ġġib il-kalma fl-awla.
Waqt il-mistoqsijiet tal-prosekutur Godwin Cini, Johann Cremona qal li Kenneth Camilleri kien qallu li l-Kummissarju kien iltaqa' "mal-ieħor", b'referenza, qal ix-xhud, għal Keith Schembri.
Cremona mbagħad ta l-interpretazzjoni tiegħu tar-relazzjoni li Melvin Theuma kellu ma' persuni oħrajn.
Skont ix-xhud, Theuma ma kellux għalfejn ifittxu biex jikseb informazzjoni, għax, kif qal hu, "kellu l-poter."
Viżibilment emozzjonat, Cremona qal:
"Melvin lagħabni. Sempliċement biex illum hawn dawn," qal b'referenza għar-recordings.
Huwa kompla jgħid:
"Dan kellu l-poter kollu, ma kellux bżonni lili."
Johann Cremona qal lill-ġurati li, f'ċertu punt, beda jipprova jbeżża' lil Melvin Theuma bil-għan li ma jibqax ifittxu u jgħabbih bl-istess stejjer u tħassib.
Skont ix-xhud, kien saħansitra qallu li xi ħadd kien qed jisma' l-konversazzjonijiet tagħhom, bit-tama li Theuma jieqaf imur għandu.
Cremona żied li kien qal lil Theuma wkoll li l-camera li dwarha kien għamel rapport kienet tas-Servizzi Sigrieti, iżda quddiem il-Qorti ċċara li ma kellux bażi għal dik l-istqarrija.
Huwa qal li ma jafx minn fejn Theuma kien ġab l-idea li l-camera kienet tas-Servizzi Sigrieti, u saħaq li lanqas hu ma kien jaf jekk dan kienx minnu.
Johann Cremona qal lill-ġurati li kien ta parir lil Melvin Theuma biex ma jibqax jiltaqa' mal-aħwa Degiorgio, bil-għan li ma jkomplix jikkomplika s-sitwazzjoni tiegħu.
Huwa rrakkonta wkoll episodju li fih, skont hu, Theuma kien għamel rapport fl-għassa tal-pulizija dwar camera installata qrib ir-residenza taz-ziju ta' Cremona.
Skont Cremona, il-pulizija kienu qalulu li ma setgħux jagħtuh informazzjoni dwar għaliex kienet tpoġġiet il-camera, risposta li, qal ix-xhud, żiedet it-tħassib u l-paniku ta' Theuma.
Aktar tard, il-prosekutur Godwin Cini rrefera għal recording ieħor li fih jissemma għal darb'oħra l-isem "Ramon".
Cremona spjega li, skont dak li kien jgħidlu Theuma, dan kien jiltaqa' ma' persuna jisimha Ramon, iżda qal li ma jafx f'liema kuntest kienu jsiru dawk il-laqgħat.
Il-prosekuzzjoni kompliet tgħaddi fuq ir-recordings li nstemgħu fil-Qorti, fosthom waħda li fiha jinstema' jingħad:
"Yorgen wegħdu li ma kienx se jinġabar... mhux fuq dik il-ħaġa, imma fuq xi ħaġa oħra."
Meta ġie mistoqsi dwar il-kuntest ta' din il-konverżazzjoni, Johann Cremona qal diversi drabi li ma jafx għal min jew għal xiex kienet qed tirreferi.
Il-prosekuzzjoni mbagħad irreferiet għal parti oħra tar-recording fejn Cremona jinstema' jgħid:
"Edwin ma kien jaf b'xejn."
Il-prosekutur spjega li "Edwin" kienet referenza għal Edgar Brincat, magħruf bħala l-Ġojja.
Viżibilment urtat, Cremona ċaħad dik l-interpretazzjoni u wieġeb:
"Mhux hekk, hux. L-Edwin nitfgħuh ġo bozza? X'affarijiet dawn?"
Il-prosekuzzjoni kompliet tanalizza recording ieħor, li fih Johann Cremona jinstema' jistaqsi lil Melvin Theuma:
"Isma' din biss... minn meta tħawwad Yorgen, min tah ir-recordings?"
Fir-recording, Theuma jwieġeb:
"Ma tawniex ċans."
Meta ġie mistoqsi dwar din il-konverżazzjoni, Cremona spjega li kien qed jgħid lil Theuma li, jekk dak li kien qed jirrakkonta kien minnu, kellu jgħidu direttament lil Yorgen Fenech u mhux lilu.
Skont ix-xhud, dak iż-żmien Theuma kien ilu jirrepetilu l-istess affarijiet għal tul ta' żmien, u qal li "kien qed jifqagħli moħħi."
Il-prosekuzzjoni kompliet tgħaddi fuq ir-recordings bejn Johann Cremona u Melvin Theuma, hekk kif l-espert Martin Bajada baqa' jdoqq il-konverżazzjonijiet fil-Qorti.
F'waħda minnhom, il-prosekuzzjoni rreferiet għal frażi fejn Cremona jinstema' jgħid:
"Seba' xhur ilu ppruvaw, meta twerwer Yorgen."
Meta ġie mistoqsi dwarha, Cremona spjega li Theuma kien qallu li madwar seba' xhur qabel dik il-konverżazzjoni kienu ppruvaw jikxfu lil Yorgen Fenech, u li għalhekk Fenech kien imbeżża'.
Matul ix-xhieda reġa' ssemma wkoll Kenneth Camilleri, li dak iż-żmien kien jagħmel parti mis-sigurtà ta' Joseph Muscat f'Kastilja.
Cremona qal li ilu madwar sitt snin ma jkellem lil Camilleri, jiġifieri mill-2020.
Il-prosekuzzjoni kompliet tanalizza r-recordings li nstemgħu fil-Qorti, u ffukat fuq diversi kummenti li għamel Johann Cremona waqt il-konverżazzjonijiet ma' Melvin Theuma.
Fosthom, Cremona kien instema' jgħid:
"Qabel ma narak ħieles minn kollox."
Quddiem il-ġurati, huwa spjega li kien qal dan biex jagħti kuraġġ lil Theuma u jikkonvinċih li kien se joħroġ mill-problemi li kien jinsab fihom.
Cremona kkonferma wkoll li, f'dik il-konverżazzjoni, id-diskors kien qed idur fuq Yorgen Fenech.
Il-prosekuzzjoni semmiet ukoll frażi oħra fir-recording fejn Cremona jgħid "dak tela' disa' xhur ilu", iżda meta ġie mistoqsi għal min kien qed jirreferi, huwa qal li ma jiftakarx.
F'punt ieħor tar-recording, Cremona jinstema' jgħid "dawn iħallsu l-Maġistrat". Quddiem il-Qorti, huwa talab skuża lill-maġistrat involut, mingħajr ma semmieh b'ismu.
Is-seduta reġgħet bdiet bir-recordings tal-konverżazzjonijiet bejn Johann Cremona u Melvin Theuma.
Madankollu, bħalma ġara lbieraħ, il-kwalità tal-awdjo għadha dgħajfa ħafna, u dan qed jagħmilha diffiċli biex il-ġurnalisti fl-awla jifhmu b'mod ċar x'qed jingħad.
Pero ġejna nfurmati li l-problema teknika mistennija tiġi indirizzata waqt il-waqfa ta' nofsinhar, bil-għan li r-recordings li jifdal ikunu jistgħu jinstemgħu b'mod aktar ċar.
L-għodwa t-tajba u merħba għad-19-il jum tal-ġuri ta' Yorgen Fenech
Il-ġuri fil-konfront ta' Yorgen Fenech ikompli llum quddiem l-Imħallef Edwina Grima, hekk kif il-ġurati mistennija jkomplu jisimgħu x-xhieda ta' Johann Cremona.
Cremona temm ilbieraħ l-ewwel parti tax-xhieda tiegħu, li matulha ta rendikont dettaljat tal-konversazzjonijiet li qal li kellu ma' Melvin Theuma, filwaqt li l-Qorti semgħet ukoll diversi recordings irreġistrati bil-moħbi minn Theuma.
Illum, Cremona mistenni jkompli jwieġeb il-mistoqsijiet tal-prosekuzzjoni qabel il-kontro-eżami mid-difiża.
Inwasslulkom l-aħħar żviluppi mill-awla hekk kif iseħħu matul il-ġurnata.