Żewġ persuni, fosthom id-DJ Ryan Spiteri, jinstabu mejta f'karozza f'Marsaskala

Il-Pulizija qalet li l-possibbiltà ta' involviment ta' terzi ġiet eskluża. L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin

Raġel u mara nstabu mejta ġewwa karozza f'Marsaskala it-Tlieta filgħaxija, ikkonfermat il-Pulizija.

L-inċident seħħ għall-ħabta tad-9pm fi Triq Salvu Buhagiar, fiż-żona ta' Bella Vista, fejn il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post wara rapport li rċeviet.

Meta waslu, l-uffiċjali sabu żewġ persuni bla ħajja ġewwa karozza ħamra pparkjata fid-driveway ta' garaxx.

Il-vittmi ġew identifikati bħala Ryan Spiteri, DJ u preżentatur tar-radju ta' 47 sena, u mara ta' 41 sena minn San Pawl il-Baħar.

Fuq il-post issejħu tim mediku u membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, iżda t-tnejn ġew iċċertifikati mejta fuq il-post.

Il-Pulizija qalet li l-possibbiltà ta' involviment ta' terzi ġiet eskluża, filwaqt li l-investigazzjonijiet dwar il-każ għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat Monica Borg Galea ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta maġisterjali.

More in Qrati u Pulizija