Mara ta' 33 sena mis-Siġġiewi sofriet ġrieħi gravi wara inċident tat-traffiku li seħħ kmieni s-Sibt filgħodu f'Binġemma, ir-Rabat.
Il-Pulizija qalet li l-każ seħħ għall-ħabta tal-5:15am fi Triq id-Dwejra.
Mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li l-mara kienet qed issuq Nissan Qashqai meta, għal raġunijiet li għadhom qed jiġu investigati, tilfet il-kontroll tal-vettura. Il-karozza ħarġet mit-triq u spiċċat f'għalqa li tinsab taħt il-livell tat-triq.
Fuq il-post issejħu membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku, li taw l-assistenza meħtieġa lis-sewwieqa qabel tellgħuha b'mod sigur mill-għalqa.
Hija ttieħdet b'ambulanza l-Isptar Mater Dei, fejn aktar tard ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar l-inċident għadhom għaddejjin.